Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
COVID - 19: Il-President tal-KtR jappella għal Mekkaniżmu tal-UE għall-Emerġenzi tas-Saħħa biex jappoġġja lir-reġjuni u ’l-bliet  
Stqarrija mill-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, Apostolos Tzitzikostas

Ta’ kuljum, eluf ta’ mexxejja lokali u reġjonali fl-Ewropa qed imexxu l-ġlieda biex irażżnu t-tixrid tal-virus u jimmaniġġjaw l-impatt tiegħu fuq il-post. Bħala President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, u bħala Gvernatur tar-Reġjun tal-Maċedonja Ċentrali, nista’ nara l-professjonalità, id-dedikazzjoni u l-kuraġġ ta’ dawk kollha li qed jiggwidaw il-ġlieda kontra l-COVID-19. Qed nimmobilizzaw il-komunitajiet tagħna biex nipproteġu liċ-ċittadini l-aktar dgħajfa u niżguraw kemm jista’ jkun il-kontinwità għall-ekonomiji tagħna.

Inrodd ħajr lil dawk l-awtoritajiet lokali u reġjonali kollha fuq il-front, u b’mod partikolari lil dawk li qed iħallsu prezz għoli personali. L-Ewropa tista’ sserraħ fuqna. L-Ewropa tista’ sserraħ fuq is-sindki, il-presidenti tar-reġjuni u l-membri tal-assembleji lokali u reġjonali tagħha fil-ġlieda kontra din il-pandemija. Fl-istess ħin, għandna bżonn li l-UE tgħin lill-komunitajiet lokali tagħna fi żmien meta l-aktar li għandhom bżonn l-Ewropa, billi b’mod urġenti l-baġit u l-kapaċità ta’ intervent tal-Unjoni Ewropea jitqiegħdu għas-servizz taċ-ċittadini u n-negozji tagħna.

L-isforzi li saru mill-Kummissjoni Ewropea u mill-Kunsill tal-UE mexjin fid-direzzjoni t-tajba. Il-flessibbiltà tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir u tar-regoli dwar l-Għajnuna mill-Istat huma kruċjali, l-istess bħas-semplifikazzjoni u l-iffaċilitar tal-użu tal-finanzjament tal-politika ta’ koeżjoni. Barra minn hekk, il-mobilizzazzjoni tal-Bank Ewropew tal-Investiment kif ukoll tal-għodod importanti bħall-Fond Ewropew ta’ Solidarjetà u l-Fond Ewropew għall-Globalizzazzjoni jistgħu jkunu ta’ benefiċċju għall-komunitajiet lokali tagħna. Iżda meta nqis l-esperjenza diretta tiegħi u r-rispons li qed nirċievi mill-kollegi tiegħi u mill-membri tal-KtR, nemmen li l-UE trid tmur lil hinn u tniedi Mekkaniżmu tal-UE għall-Emerġenzi tas-Saħħa mmirat biex jappoġġja aħjar lill-eluf ta’ mexxejja reġjonali u lokali li qed jitħabtu biex jipprovdu servizzi tas-saħħa lokalment.

Il-Mekkaniżmu tas-Saħħa għandu jgħin lill-bliet u lir-reġjuni fl-Ewropa kollha sabiex, b’mod urġenti, jimpjegaw persunal mediku addizzjonali, jixtru aktar tagħmir mediku, jappoġġjaw is-servizzi tal-kura intensiva u jipprovdu għodod u materjali sanitarji għall-isptarijiet u l-iskejjel. Għandu jissemplifika u jtejjeb id-disponibbiltà tar-riżorsi finanzjarji mill-baġits reġjonali, nazzjonali u tal-UE għas-servizzi tas-saħħa pubblika. Jeħtieġ li ninvestu aktar biex insalvaw il-ħajjiet illum u biex insaħħu r-reżiljenza tagħna għal għada. Il-Mekkaniżmu għandu jiġi ffinanzjat permezz ta’ riżorsi nazzjonali u reġjonali eżistenti, permezz tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment tal-UE disponibbli orjentati mill-ġdid lejn il-ħtiġijiet urġenti, u permezz ta’ riżorsi ġodda, sa EUR 10 biljuni, mill-marġini attwali tal-Baġit tal-UE.

Għandna bżonn ukoll li l-Kummissjoni Ewropea tkompli żżid u tissemplifika l-aċċess għar-riżorsi disponibbli taħt il-politika ta’ koeżjoni tal-UE, sabiex taċċellera l-użu tal-fondi mill-komunitajiet lokali li qed jitħabtu biex jimmaniġġjaw il-pandemija. Il-fondi tal-politika ta’ koeżjoni qed juru mill-ġdid li huma element kruċjali għal dawk li qed jiffaċċjaw sfidi li qatt ma kien hawn bħalhom. Il-koeżjoni tibqa’ l-għodda ta’ investiment l-aktar b’saħħitha tal-UE, li tippermetti lill-atturi tal-UE, nazzjonali, reġjonali u lokali jaħdmu flimkien u jirreaġixxu fi żminijiet ta’ kriżi.

It-triq li għandna quddiemna hija inċerta, u l-komunitajiet jeħtieġu għajnuna urġenti llum mhux biss biex jipproteġu l-ħajjiet, iżda wkoll biex jerġgħu jqumu fuq saqajhom wara l-kriżi. Madwar l-Ewropa rridu nkunu kapaċi naħdmu fi sħubija u naqsmu r-responsabbiltà b’mod ekwu. L-Unjoni Ewropea jeħtieġ li toffri appoġġ u solidarjetà lil dawk l-aktar fil-bżonn: dan qatt ma kien aktar minnu milli waqt il-kriżi pandemika li qed isseħħ. Ir-reġjuni u l-bliet se jibqgħu fuq quddiem nett fil-ġlieda kontra l-virus. L-ewwel dmir tagħna bħala mexxejja politiċi matul dawn iż-żminijiet diffiċli huwa lejn iċ-ċittadini tagħna. Irridu ngħaqqdu l-forzi fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropew biex nipproteġuhom. Ninsab fiduċjuż li d-demokrazija hija aktar b’saħħitha mill-virus u li, bis-saħħa tal-isforzi konġunti tagħna, maż-żmien se noħorġu aktar b’saħħitna wara l-kriżi tal-COVID-19.

Kelliem tal-President:

Michele Cercone

Tel. +32 (0)498 98 23 49

Michele.Cercone@cor.europa.eu

Ikkondividi :