Bi tweġiba għat-tifqigħa tal-Coronavirus, l-istituzzjonijiet tal-UE, l-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali u lokali qed jivvalutaw is-sitwazzjoni kuljum u joħorġu kemm azzjonijiet immedjati kif ukoll proposti fuq il-perjodu medju biex jilqgħu kontra l-effetti tal-kriżi.
Minbarra l-miżuri għat-trażżin u t-trattament tal-marda, il-Kummissjoni Ewropea waqqfet “tim ta’ rispons għall-corona” u ressqet għadd ta’ proposti legali fit-13 ta’ Marzu, li għandhom l-għan li jtaffu l-impatt ekonomiku tal-kriżi. Il-proposti jindirizzaw il-protezzjoni tal-ħaddiema u tal-kumpaniji kontra t-telf fid-dħul, pereżempju permezz ta’ regoli simplifikati dwar l-għajnuna mill-Istat u l-għajnuna finanzjarja mill-baġit tal-UE u mill-Fond Ewropew tal-Investiment. Fost l-oħrajn, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet “Inizjattiva ta' Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus” ġdida ta’ madwar EUR 37 biljun, li tkun magħmula minn fondi strutturali mhux użati u li jkunu għadhom ma ġewx allokati. Is-sorsi kollha ta’ informazzjoni dwar ir-rispons tal-UE għat-tifqigħa tal-Coronavirus jinsabu fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hawnhekk