Il-bliet u r-reġjuni tal-UE jistabbilixxu modi kif huma, u l-UE, jistgħu jikkontribwixxu għar-rikostruzzjoni tal-Ukrajna, filwaqt li stħarriġ ġdid juri impenn qawwi biex tingħata għajnuna lill-Ukrajna fost il-politiċi lokali u reġjonali.
Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR) tenna l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-Ukrajna fid-dawl ta’ mewġa ta’ attakki fatali li r-Russja nediet fl-10 ta’ Ottubru kontra żoni u infrastrutturi ċivili fil-bliet tal-Ukrajna. Dawn l-istqarrijiet mill-ispettru politiku kollu saru f’sessjoni plenarja li fiha l-KtR adotta sensiela wiesa’ ta’ rakkomandazzjonijiet maħsuba biex jiżguraw li r-reġjuni u l-bliet tal-Unjoni Ewropea jkunu jistgħu jinvolvu ruħhom b’mod effettiv u profond fir-rikostruzzjoni tal-Ukrajna. L-Opinjoni tal-Kumitat tenfasizza li jeħtieġ li jkun hemm “enfasi partikolari” biex jiġi żgurat li l-proċess ta’ bini mill-ġdid jaċċellera wkoll it-tranżizzjoni tal-Ukrajna lejn ekonomija aktar ekoloġika u aktar sostenibbli.
L-Opinjoni dwar Ir-rwol tal-bliet u r-reġjuni tal-UE fir-rikostruzzjoni tal-Ukrajna ser tgħin biex tissawwar il-ħidma tal-Alleanza Ewropea tal-Bliet u r-Reġjuni għar-Rikostruzzjoni tal-Ukrajna, li nħolqot f’Ġunju mill-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR) u l-assoċjazzjonijiet Ukreni u Ewropej li jirrappreżentaw l-amministrazzjonijiet lokali u reġjonali. L-Alleanza nnifisha hija tweġiba għal talba tal-President Ukren Volodymyr Zelenskyy.
L-adozzjoni tal-Opinjoni fil-11 ta’ Ottubru tiżgura li r-rakkomandazzjonijiet tal-bliet u r-reġjuni jkunu tfasslu fil-ħin qabel il-konferenza internazzjonali f’Berlin iddedikata għar-rikostruzzjoni tal-Ukrajna, li ser issir fil-25 ta’ Ottubru, u qabel id-deċiżjonijiet finali dwar il-forma tal-pjattaforma emerġenti tal-Kummissjoni Ewropea biex tikkoordina l-appoġġ għar-rikostruzzjoni tal-Ukrajna. L-Opinjoni tistieden lill-Kummissjoni Ewropea tipproponi proċess ta’ rikostruzzjoni minn isfel għal fuq fl-Ukrajna li jibni fuq il-proċess ta’ deċentralizzazzjoni li diġà jinsab avvanzat sew tal-pajjiż.
Ir-relatur, Dario Nardella (IT/PSE), Sindku ta’ Firenze u President ta’ Eurocities, qal: “Nistennew li l-Pjattaforma ta’ Rikostruzzjoni tal-Ukrajna tkun finanzjata bl-istess mod bħall-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, u nesiġu li tinvolvi lill-Alleanza tal-Bliet u r-Reġjuni għar-Rikostruzzjoni tal-Ukrajna bħala msieħba sħiħa fl-istadji kollha tal-fażijiet tal-ippjanar u tal-implimentazzjoni tagħha, u li tallinja kemm jista’ jkun mal-metodoloġija tal-politika reġjonali tal-UE, anke fid-dawl tat-tħejjija tal-adeżjoni tal-Ukrajna mal-Unjoni Ewropea”. Huwa żid jgħid li r-rikostruzzjoni tal-infrastruttura meqruda tal-Ukrajna għandha tkun mirfuda minn enfasi fuq is-sostenibbiltà, il-prinċipji demokratiċi, u istituzzjonijiet stabbli.
L-Alleanza qed tgawdi minn mewġa qawwija ta’ appoġġ għall-Ukrajna fil-bliet u r-reġjuni tal-UE. Fil-Barometru Reġjonali u Lokali tal-2022 – stħarriġ ta’ aktar minn 2,000 politiku lokali u reġjonali minn madwar l-UE, li jinsab fir-Rapport Annwali tal-UE għall-2022 dwar l-Istat tar-Reġjuni u l-Bliet ippubblikat mill-KtR fil-11 ta’ Ottubru – tliet kwarti ta’ dawk li wieġbu qalu li l-awtorità lokali jew reġjonali tagħhom ospitat Ukreni spostati minħabba l-gwerra, u nofshom bagħtu għajnuna materjali lill-Ukrajna. Wieħed minn kull żewġ rispondenti jsostni li l-aktar mod effettiv biex terġa’ tinbena l-Ukrajna huwa li r-reġjuni u l-bliet tal-UE jiġu involuti fil-proċess.
Il-Presidet tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, Vasco Alves Cordeiro, qal li: “Id-djar, l-iskejjel, l-universitajiet u l-isptarijiet ilkoll inqerdu minħabba l-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna. Jekk ma jsir xejn, fi ftit ġimgħat oħra, il-qilla tax-xitwa se teqred għalkollox dan il-bini mġarraf. Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, flimkien mal-assoċjazzjonijiet imsieħba tiegħu, nieda Alleanza Ewropea tal-Bliet u r-Reġjuni għar-Rikostruzzjoni tal-Ukrajna. Neħtieġu li din l-Alleanza tikber u tinvolvi aktar bliet u reġjuni biex l-Ukrajna tinbena mill-ġdid b’mod effettiv, peress li wieħed minn kull żewġ rispondenti tal-Barometru Reġjonali u Lokali tagħna jsostni li l-aktar mod effettiv biex terġa’ tinbena l-Ukrajna huwa li r-reġjuni u l-bliet tal-UE jiġu involuti fil-pjani ta’ rikostruzzjoni. Aħna nimpenjaw ruħna li nittrasformaw il-kliem f’atti u li nagħmlu pressjoni għal strument finanzjarju speċifiku biex jiġu żgurati proġetti ta’ rikostruzzjoni bejn il-pari min-naħa tal-awtoritajiet lokali u reġjonali. Ninsabu spalla ma’ spalla mal-Ukrajna”.
B’reazzjoni għall-attakki fatali tar-Russja tal-10 ta’ Ottubru, il-President Cordeiro, f’isem l-istituzzjoni, enfasizza l-“kundanna qawwija tiegħu tal-attakki atroċi li għandhom fil-mira tagħhom persuni ċivili u infrastrutturi ċivili fil-pajjiż”, u assigura lill-kontropartijiet Ukreni mis-solidarjetà sħiħa tal-KtR fil-ġlieda tagħhom għad-demokrazija u l-libertà.
Kif il-bliet u r-reġjuni jistgħu jgħinu lill-Ukrajna
Stima konġunta tal-gvern tal-Ukrajna, tal-Kummissjoni Ewropea, u tal-Bank Dinji tissuġġerixxi li l-gwerra kkawżat EUR 349 biljun fi ħsarat bejn l-24 ta’ Frar u l-1 ta’ Ġunju, u l-impatt huwa partikolarment għoli fis-setturi tad-djar, tat-trasport, tal-kummerċ u tal-industrija. Il-qerda hija kkonċentrata fir-reġjuni ta’ Chernihiv, Donetsk, Luhansk, Kharkiv, Kiev u Zaporizhia.
Rakkomandazzjonijiet inklużi fl-abbozz ta’ opinjoni dwar kif tista’ tingħata għajnuna lill-Ukrajna jkopru fażijiet differenti: l-ewwel fażi tiffoka fuq ir-rispons ta’ emerġenza, it-tieni fażi hija ddedikata għar-restawr tal-infrastruttura u s-servizzi kritiċi, u t-tielet fażi twitti t-triq għal tkabbir sostenibbli fit-tul. L-appoġġ fit-tul għandu jiffoka b’mod partikolari fuq l-ilħuq tal-objettiv stabbilit mill-gvern Ukren li jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra b’65% sal-2030 u l-bini mill-ġdid tal-infrastruttura soċjali – bħall-istokk tad-djar, l-iskejjel u l-isptarijiet – sabiex ir-refuġjati u l-persuni spostati Ukreni jingħataw il-possibbiltà li jirritornaw lejn id-dar li kellhom qabel il-gwerra.
Il-Gvern tal-Ukrajna ssuġġerixxa li r-reġjuni u l-bliet tal-UE jistgħu jikkontribwixxu abbażi ta’ sħubijiet ta’ ġemellaġġ mal-pari fl-Ukrajna. L-abbozz ta’ opinjoni tal-KtR jenfasizza wkoll il-valur potenzjali ta’ skemi ta’ investiment usa’ biex jiġi involut grupp akbar ta’ bliet u reġjuni.
L-Opinjoni tenfasizza l-ħtieġa li jsir investiment fil-bini tal-kapaċità tal-amministrazzjonijiet sottonazzjonali malajr kemm jista’ jkun, li kellhom jerfgħu wisq aktar responsabbiltajiet f’dawn l-aħħar seba’ snin u issa qed jiffaċċjaw l-isfida tar-rikostruzzjoni u t-tħejjija għall-adeżjoni mal-UE. L-Opinjoni titlob speċifikament it-tisħiħ ta’ programm eżistenti, il-programm U-LEAD, biex jappoġġja d-deċentralizzazzjoni fl-Ukrajna.
L-Ukrajna diġà hija membru tal-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tad-Danubju, u l-Opinjoni tissuġġerixxi li l-istrateġija tipprovdi qafas integrat għall-kooperazzjoni mal-UE. Ir-rakkomandazzjonijiet imorru lil hinn minn dan, billi jenfasizzaw il-valur tal-użu ta’ mekkaniżmi tal-UE – ippruvati u ttestjati – li jipprovdu appoġġ għar-reġjuni u l-bliet, u jissuġġerixxu, pereżempju, li l-UE għandha tkun minn tal-ewwel biex tespandi l-kollaborazzjoni mar-reġjuni Ukreni, permezz ta’ programm ta’ kooperazzjoni transnazzjonali, u billi taċċellera l-aċċess tal-Ukrajna għall-programmi Orizzont Ewropa u EU4Culture.
Ir-rakkomandazzjonijiet kienu bbażati parzjalment fuq studju kkummissjonat mill-KtR li fih ir-riċerkaturi fittxew il-fehmiet tal-politiċi lokali u reġjonali f’żoni tal-Ukrajna li ġarrbu livelli differenti ta’ ħsara. Il-konklużjonijiet tiegħu jinnotaw titjib sostanzjali fil-kapaċitajiet amministrattivi fil-livell lokali u reġjonali bis-saħħa ta’ proċess ta’ deċentralizzazzjoni li beda f’nofs is-snin 2010, u enfasizzaw ukoll il-potenzjal għall-bliet u r-reġjuni tal-UE li jgħinu fir-riformi tal-bini tal-kapaċitajiet, b’mod partikolari f’komunitajiet iżgħar.
Persuni ta’ kuntatt:
Monica Tiberi, kelliema f’isem il-President, +32 479 51 74 43.
Andrew Gardner, uffiċjal tal-istampa, +32 473 843 981.
Stephanie Paillet, appoġġ awdjoviżiv, +32 473 522 988.