Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
Il-pandemija hija theddida għall-finanzi muniċipali u reġjonali fl-Ewropa, ‎ iwissi stħarriġ konġunt tal-KtR u l-OECD  

86% tal-bliet u r-reġjuni qed ibassru żieda fl-infiq,
filwaqt li 90% qed jistennew li d-dħul jonqos li jpoġġi l-investimenti pubbliċi f’riskju

Il-kriżi tal-COVID-19 qed taffettwa b’mod qawwi r-reġjuni u l-bliet fl-Ewropa. Skont stħarriġ konġunt tal-KtR u l-OECD ippreżentat illum matul il-laqgħa tal-kummissjoni ECON, il-biċċa l-kbira tal-awtoritajiet lokali u reġjonali jistennew li l-kriżi soċjoekonomika taffettwa serjament il-finanzi tagħhom. Fuq medda ta’ żmien qasira u medja, jibżgħu li jkun hemm “effett ta’ mqass” ta’ żieda fl-infiq u tnaqqis fid-dħul li jista’ jdgħajjef il-kapaċità tagħhom li jwettqu investimenti pubbliċi. Ir-reġjuni u l-bliet kienu fl-ewwel linja fl-indirizzar tal-pandemija u l-konsegwenzi soċjoekonomiċi tagħha.

Lil hinn mit-traġedja tas-sanitarja u umana, il-COVID-19 qed ikollha effett profond fuq l-awtoritajiet lokali u reġjonali. Biex tinftiehem aħjar, il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR) u l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku (OECD) wettqu stħarriġ online f’Ġunju u Lulju 2020 dwar " L-impatt tal-COVID-19 fuq il-gvernijiet reġjonali u lokali ”. Ir-riżultati ġew ippreżentati llum matul il-laqgħa tal-Kummissjoni għall-Politika Ekonomika (ECON) tal-KtR, bil-parteċipazzjoni ta’ Dorothée Allain-Dupré, Kap tal-Unità tad-Deċentralizzazzjoni, Finanzi Subnazzjonali u Investiment Pubbliku tal-OECD.

L-istħarriġ jikkonferma l-effett serju tal-kriżi tal-COVID-19 fuq ir-reġjuni u l-bliet fl-Unjoni Ewropea . Għal 63% ta’ dawk li wieġbu, l-impatt globali huwa “qawwi” jew “qawwi ħafna”. Kważi nofs l-awtoritajiet lokali u reġjonali (46%) irrappurtaw li l-isfida ewlenija fl-indirizzar tal-kriżi kienet in-nuqqas ta’ mezzi tekniċi u tagħmir, filwaqt li 39% indikaw in-nuqqas ta’ riżorsi finanzjarji. Fiż-żmien tal-istħarriġ, madwar nofs dawk li wieġbu biss iddikjaraw li l-koordinazzjoni fi ħdan l-awtoritajiet lokali u reġjonali jew mal-gvernijiet nazzjonali kienet effettiva.

Uħud mis-sejbiet ewlenin tal-istħarriġ ikkontribwixxew għall-ewwel Barometru Reġjonali u Lokali Annwali għall-UE kollha , ippreżentat fit-12 ta’ Ottubru mill-President tal-KtR Apostolos Tzitzikostas, matul it- 18-il Ġimgħa Ewropea tar-Reġjuni u l-Bliet .

Michael Murphy (IE/PPE), president tal-kummissjoni ECON u membru tal-Kunsill tal-Kontea ta’ Tipperary, qal: "Nilqa’ l-pubblikazzjoni tal-lum tal-istħarriġ konġunt tal-KtR u l-OECD. Ir-riżultati f’waqthom tiegħu se jgħinu biex isiru għażliet ta’ politika infurmati biex jappoġġjaw lill-gvernijiet lokali u reġjonali fl-indirizzar tar-riżultati tal-pandemija fuq il-finanzi tagħhom. Qegħdin fuq quddiem nett fil-ġlieda biex nindirizzaw l-effetti li din il-kriżi bla preċedent ġabet quddiemna u b’riżultat ta’ dan ħafna gvernijiet lokali u reġjonali sofrew pressjonijiet finanzjarji estremi. Il-livelli kollha ta’ gvern jeħtieġ li jaħdmu flimkien f’dan iż-żmien biex jiżguraw li l-irkupru tagħna jkun sostenibbli, bla xkiel u ma jħalli lil ħadd lura.

Lamia Kamal-Chaoui , Direttur taċ-Ċentru għall-Intraprenditorija, l-SMEs, ir-Reġjuni u l-Bliet tal-OECD qalet: “ L-awtoritajiet lokali u reġjonali jinsabu fuq quddiem nett fir-reazzjoni kontra din il-kriżi u issa qed iħossu b’mod qawwi l-effetti finanzjarji tal-isforzi enormi tagħhom. Huma ma jistgħux ikomplu jindirizzaw dan b’mod diżassoċjat u kollha rrikonoxxew (90%) li l-koordinazzjoni tar-rispons għall-kriżi fost il-livelli kollha ta’ gvern hija tal-akbar importanza għal strateġija ta’ ħruġ b’suċċess. Il-gvernijiet għandhom jagħmlu sforz konġunt biex jikkoordinaw b’mod effettiv u jimplimentaw politiki sinifikanti li jgħinu lil dawn iż-żoni lokali u reġjonali joħorġu mill-kriżi aktar reżiljenti u sostenibbli”.

Il-kriżi qed taffettwa d-dħul tal-awtoritajiet sottonazzjonali, b’“effett ta’ mqass” perikoluż ta’ żieda fl-infiq u tnaqqis fid-dħul. 86% tar-reġjuni u l-bliet qed jistennew impatt negattiv għoli jew moderat fuq l-infiq tagħhom, b’mod partikolari fis-servizzi soċjali (64%) u l-benefiċċji soċjali (59%). Sadanittant, min-naħa l-oħra, 90% qed ibassru tnaqqis fid-dħul. Id-dħul mit-taxxa huwa mistenni li jkun l-aktar sors ta’ dħul li x’aktarx jintlaqat: 83% ta’ dawk li wieġbu jipprevedu tnaqqis kbir jew moderat.

Fiż-żmien meta sar l-istħarriġ, madwar 24 % tal-gvernijiet sottonazzjonali kienu qed jippjanaw li jitolbu self ġdid biex ikampaw mal-kriżi. 13% ta’ dawk li wieġbu kienu diġà applikaw għal fondi tal-UE addizzjonali u 49% kienu qed jikkunsidraw jagħmlu dan.

L-istħarriġ juri wkoll li l-kriżi tal-COVID-19 tista’ ssawwar mill-ġdid il-prijoritajiet fil-politika tal-iżvilupp reġjonali. L-awtoritajiet lokali u reġjonali qed jitolbu aktar enfasi fuq servizzi bażiċi ta’ kwalità affordabbli u aċċessibbli inkluż is-saħħa fit-territorji kollha (76%), ir-reżiljenza reġjonali (69%) u t-tnaqqis tad-distakki diġitali madwar ir-reġjuni (68%).

Matul il-laqgħa tal-lum, il-membri tal-kummissjoni ECON kellhom ukoll l-ewwel diskussjoni dwar l-abbozz ta’ Opinjoni dwar Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Materja Prima Kritika , imħejjija minn Isolde Ries (DE/PSE) , l-ewwel Viċi President tal-Parlament Reġjonali ta’ Saarland, u adottaw l-abbozz ta’ Opinjoni dwar ir- Reviżjoni tal-Politika Kummerċjali , imwettaq minn Willy Borsus (BE/Renew Europe) , Viċi President u Ministru għall-Ekonomija u l-Kummerċ tal-Gvern tal-Wallonia.

XXX ”, qal ir-relatur Borsus. L-Opinjoni hija skedata li tiġi adottata mill-Plenarja tal-KtR fit-3-4 ta’ Frar 2021.

Sfond:

L-istħarriġ online konġunt tal-KtR u l-OECD sar f’Ġunju u Lulju 2020. Intbagħtu 300 tweġiba minn rappreżentanti tal-gvernijiet reġjonali, intermedji u muniċipali f’24 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea (minn total ta’ 480 li wieġbu meta żżid partijiet ikkonċernati bħan-negozji, l-akkademja, l-NGOs, eċċ.). Il-biċċa l-kbira ta’ dawk li wieġbu huma minn muniċipalitajiet (59%) jew minn reġjuni (26%). Madwar 18% jiġu minn Spanja, 15% mill-Italja, 6% mir-Repubblika Slovakka, u 6% mill-Polonja. Ma kien hemm l-ebda li wieġbu mill-awtoritajiet lokali u reġjonali tad-Danimarka, l-Irlanda u l-Lussemburgu.

In-nota qasira b’ħarsa ġenerali lejn is-sejbiet ewlenin tista’ tiġi kkonsultata hawnhekk fil-lingwi kollha tal-UE.

Ir-riżultati sħaħ huma disponibbli hawnhekk [link] f’sommarju aktar dettaljat tal-politika tal-OECD.

L-ewwel Barometru Reġjonali u Lokali tal-UE jista’ jiġi kkonsultat hawnhekk .
Is-sejbiet ewlenin huma miġburin f’jinġabru f’ teaser qasir . Id-data dwar l-impatt ekonomiku reġjonali hija disponibbli hawnhekk .

Persuni ta’ kuntatt:

Matteo Miglietta

Tel. +32 470 895 382

matteo.miglietta@cor.europa.eu

Għal mistoqsijiet mill-midja dwar l-istħarriġ konġunt tal-OECD u l-KtR:

Alexandra Taylor

Tel.+33145248570

alexandra.taylor@oecd.org

Ikkondividi :