Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
Il-Grupp ta’ Livell Għoli tal-KtR dwar id-Demokrazija Ewropea jkollu l-ewwel laqgħa tiegħu biex jappoġġja l-kontribut tal-mexxejja lokali għall-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa  

Il-Grupp huwa magħmul minn seba’ “irġiel u nisa għorrief” Ewropej: il-President Herman Van Rompuy, Joaquin Almunia, Tomasz Grzegorz Grosse, Rebecca Harms, Silja Markkula, Maria João Rodrigues u Androulla Vassiliou

Il-Grupp ta’ Livell Għoli tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR) dwar id-Demokrazija Ewropea, ippresedut mill-ewwel President tal-Kunsill Ewropew u l-eks Prim Ministru tal-Belġju, Herman Van Rompuy, illum kellu l-ewwel laqgħa tiegħu. Il-Grupp ser jikkontribwixxi għall-ħidma tal-KtR dwar il-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa.

Il-Grupp ta’ Livell Għoli huwa korp konsultattiv indipendenti, li l-missjoni tiegħu huwa li jappoġġja r-rwol politiku u istituzzjonali tal-KtR billi jipprovdi analiżi politika strateġika kif ukoll jiffoka fuq l-isfidi għall-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-Ewropa, fil-kuntest tal-parteċipazzjoni tal-KtR fil-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa. Il-missjoni tal-Grupp ta’ Livell Għoli hija li jsaħħaħ l-impatt u l-influwenza tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, permezz tal-KtR, fil-proċess tat-tfassil tal-politika Ewropea kif ukoll li jistimula d-diskussjoni dwar id-demokrazija Ewropea.

Apostolos Tzitzikostas , il-President tal-KtR qal: “Nirringrazzja lill-membri kollha tal-Grupp ta’ Livell Għoli talli aċċettaw l-istedina. L-għarfien espert tagħhom, l-impenn tagħhom għall-valuri tal-UE u l-għarfien profond tagħhom dwar id-dinamika tal-Unjoni Ewropea jirrappreżentaw assi imprezzabbli li ser jgħinu biex jiġi massimizzat il-kontribut tal-Kumitat tagħna għall-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa. Kull membru għandu, jew għandha, sfond u viżjoni uniċi li ser iġibu valur miżjud inestimabbli għall-ħidma tagħna. Il-Konferenza m’għandhiex tkun biss kompetizzjoni ta’ sbuħija oħra bejn l-istituzzjonijiet tal-UE, li tagħtina biss kliem. Nixtiequ u rridu niżguraw li d-Dar Ewropea tad-Demokrazija tagħna toħroġ mill-Konferenza msaħħa fil-komponenti kollha tagħha. Il-ħolqien tal-Grupp ta’ Livell Għoli ser jagħti kontribut konkret għal dan il-proċess. ”

Herman Van Rompuy , President tal-Grupp ta’ Livell Għoli tal-KtR dwar id-Demokrazija Ewropea, qal: “Ninsab onorat li l-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni fdani bil-kompitu li mmexxi dan il-grupp ta’ personalitajiet distinti. Il-missjoni tagħna hija li nressqu ideat u proposti innovattivi u kreattivi biex insaħħu d-demokrazija Ewropea u niżviluppaw Ewropa li tipproteġi u tagħti s-setgħa liċ-ċittadini tagħha. L-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jikkontribwixxu biex terġa’ tinkiseb il-fiduċja fid-demokrazija u għandhom jiġu involuti iktar fit-tfassil tal-politika tal-UE. Il-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa tipprovdi opportunità unika biex jitnaqqas id-distakk bejn l-Unjoni Ewropea u ċ-ċittadini tagħna li jgħixu fir-reġjuni, il-bliet u l-irħula, u rridu nikkunsidraw kif nistgħu nsaħħu s-sistema demokratika tagħna u nibnu l-fiduċja permezz ta’ involviment aħjar tar-reġjuni u l-bliet. Il-Konferenza għandha toffri soluzzjonijiet għal demokrazija Ewropea moderna li tinvolvi liċ-ċittadini kif ukoll twieġeb għall-ħtiġijiet u t-tħassib tagħhom, b’viżjoni kondiviża għal futur aktar reżiljenti u sostenibbli”.

Il-Grupp ta’ Livell Għoli ser jiskambja fehmiet u jaħdem mill-qrib mal-membri tal-KtR, b’mod partikolari l-Konferenza tal-Presidenti tal-KtR, il-Bureau, il-kummissjonijiet tematiċi tiegħu, u l-membri tad-delegazzjoni tal-KtR għall-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa. Ser jinteraġixxi wkoll ma’ politiċi żgħażagħ reġjonali u lokali li jieħdu sehem fl-inizjattiva tal-Politiċi Eletti Żgħażagħ tal-KtR, il-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ u korpi oħra taż-żgħażagħ. Il-ħidma u l-impetu tiegħu ser iservu bħala bażi għall-kontribut tal-KtR għall-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa, flimkien ma’ djalogi lokali organizzati mill-membri tal-KtR madwar ir-reġjuni u l-bliet tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li jiġi żgurat li l-Konferenza ma tilħaqx biss lill-bliet kapitali nazzjonali.

Il-Grupp ta’ Livell Għoli huwa magħmul minn “seba’ rġiel u nisa għorrief”:

Herman Van Rompuy , eks Prim Ministru tal-Belġju, u eks President tal-Kunsill Ewropew;

Joaquin Almunia , eks Kummissarju Ewropew għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji;

Tomasz Grzegorz Grosse , Professur tal-Università ta’ Varsavja;

Rebecca Harms , eks Membru tal-Parlament Ewropew (MEP);

Silja Markkula , President tal-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ;

Maria João Rodrigues , eks Ministru għall-Kwalifiki u l-Edukazzjoni tal-Portugall u eks MEP; u

Androulla Vassiliou , eks Kummissarju għas-Saħħa u għall-Edukazzjoni, il-Kultura, il-Multilingwiżmu u ż-Żgħażagħ.

Kuntest

Il-ħolqien tal-Grupp ta’ Livell Għoli dwar id-Demokrazija Ewropea ġie approvat mill-Bureau tal-KtR f’Diċembru 2020 wara proposta tal-Konferenza tal-Presidenti tal-KtR. Ser jitnieda formalment u politikament matul il-Plenarja ta’ Mejju tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (5-7 ta’ Mejju), flimkien ma’ dibattitu politiku dwar il-perspettiva tal-KtR għall-Ġejjieni tal-Ewropa u l-parteċipazzjoni tal-KtR fil-Konferenza li jmiss dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa. Il-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa ser titnieda uffiċjalment fid-9 ta’ Mejju 2021 u għandha tasal għal konklużjonijiet sar-rebbiegħa 2022.

Persuna ta' kuntatt:

Berta López Domènech

Tel. +32 (0) 2 282 2170

Berta.LopezDomenech@cor.europa.eu

Ikkondividi :