Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
COP26: Il-mexxejja lokali jappellaw lilk-kap negozjatur tal-UE, il-Viċi President Timmermans, biex jinkludi d-dimensjoni reġjonali u lokali fil-konklużjonijiet finali ta’ Glasgow biex jiġu protetti n-nies u l-pjaneta  

Il-gvernijiet sottonazzjonali jimplimentaw 70 % tal-miżuri ta’ mitigazzjoni tal-klima u 90 % tal-politiki dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima. Fl-aħħar mill-aħħar, il-kontribut tagħhom irid jiġi rikonoxxut biex tiġi evitata l-emerġenza klimatika

Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni adotta riżoluzzjoni dwar il-COP26 li tistabbilixxi t-talbiet tiegħu dwar il-klima ġimagħtejn qabel in-negozjati tan-NU dwar il-klima fi Glasgow. Hekk kif id-dinja qed tiffaċċja mewġiet ta’ sħana, għargħar, uragani u żidiet fil-livell tal-baħar bla preċedent, il-mexxejja lokali tal-UE appellaw lin-NU u lill-gvernijiet nazzjonali biex jirrikonoxxu, jimmonitorjaw u jinkoraġġixxu formalment it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra mill-bliet, il-gvernijiet lokali u r-reġjuni madwar id-dinja kollha. Ambizzjoni klimatika ogħla, trasparenza u responsabbiltà fit-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra u l-finanzjament għall-klima għal dawk l-aktar vulnerabbli huma t-tliet aspetti ewlenin li qed jiġu diskussi fi Glasgow.

Il-Kumitat – l-assemblea tal-UE ta’ mexxejja reġjonali lokali eletti – ifakkar li l-Ftehim ta’ Pariġi tal-2016 jirrikonoxxi r-rwol vitali tal-governanza f’diversi livelli fil-politiki dwar il-klima u l-ħtieġa li jkun hemm involviment mar-reġjuni u l-bliet. Għalhekk, il-Kumitat jitlob li dan il-prinċipju jiġi implimentat u li l-impenji klimatiċi tal-gvernijiet sottonazzjonali jitqiesu billi titnieda sistema ta’ Kontributi Stabbiliti fil-livell Reġjonali u Lokali (RLDCs) li tirrikonoxxi, timmonitorja u tħeġġeġ it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra mill-bliet, il-gvernijiet lokali u r-reġjuni globalment.

Apostolos Tzitzikostas , il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni u gvernatur tar-Reġjun tal-Maċedonja Ċentrali fil-Greċja, qal: “ Id-dinja mhijiex fi triqtha biex tevita l-emerġenza klimatika. L-impenji tal-gvernijiet sottonazzjonali jridu jiġu kkunsidrati u jingħataw siġġu formali fin-negozjati dwar il-klima. Nappella lill-Viċi President Eżekuttiv tal-Kummissjoni Ewropea Frans Timmermans bħala n-negozjatur tal-UE biex jiżgura li d-dimensjoni reġjonali u lokali tiġi inkluża fil-konklużjonijiet tal-COP26. Ma nistgħux nibqgħu ninjoraw ir-rwol fundamentali u r-riżorsi li r-reġjuni, il-bliet u l-irħula jeħtieġu biex iwettqu azzjoni klimatika, inkella se nkomplu nonqsu liż-żgħażagħ u lill-pjaneta tagħna.”

Ir- riżoluzzjoni dwar il-COP26 ġiet adottata waqt dibattitu f'sessjoni plenarja ma’ Virginijus Sinkevičius , il-Kummissarju tal-UE għall-Ambjent, l-Oċeani u s-Sajd, li qal: “Neħtieġu sforz kbir mir-reġjuni u l-muniċipalitajiet Ewropej biex ngħinu jintlaħaq tnaqqis ta’ 55 % fl-emissjonijiet sal-2030. Oqsma ta’ sfida għad-dekarbonizzazzjoni, bħall-bini, jeħtieġu/jirrikjedu soluzzjonijiet lokali. Iż-żieda qawwija reċenti fil-prezzijiet tal-enerġija madwar id-dinja tenfasizza l-ħtieġa għal sehem akbar ta’ enerġija rinnovabbli u użu aktar effiċjenti tal-enerġija. Il-Fond Soċjali għall-Klima l-ġdid għandu jipprovdi finanzjament iddedikat biex jgħin liċ-ċittadini jiffinanzjaw investimenti fl-effiċjenza enerġetika. L-awtoritajiet reġjonali għandhom rwol kruċjali fl-implimentazzjoni tal-għanijiet klimatiċi globali”.

Waqt id-dibattitu, il-viċi president tal-ICLEI – Gvernijiet Lokali għas-Sostenibbiltà – u Sindku ta’ Turku, Minna Arve , qalet: “Il-bliet u l-mexxejja tagħhom jeħtieġ li jsiru msieħba veri u proprji f’sistema ta’ governanza f’diversi livelli. Għandhom ikunu jistgħu jikkontribwixxu għat-tfassil tal-oqfsa legali, fiskali u finanzjarji li jirregolaw l-implimentazzjoni tal-istrateġiji lokali ambizzjużi tagħhom. Huwa biss jekk naqbdu din it-triq li se nkunu nistgħu ngħaddu malajr minn pjani u strateġiji għal azzjoni reali. Flimkien nistgħu nwettqu progress fir-rigward tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU u l-Ftehim ta’ Pariġi dwar il-Klima.”

Vincent Chauvet (FR/ Renew Europe), Sindku ta’ Autun u relatur tal-Opinjoni It-tisħiħ tal-ambizzjoni klimatika tal-Ewropa għall-2030 għall-COP26 , qal: Il-messaġġ tagħna jibqa’ validu: governanza klimatika f’diversi livelli hija s-soluzzjoni biex jitwettqu azzjonijiet verament effettivi ta’ mitigazzjoni u adattament għat-tibdil fil-klima. Huwa kruċjali wkoll li tingħata spinta lil ambizzjoni klimatika ogħla u li l-gvernijiet nazzjonali jiġu mħeġġa jżidu l-impenji klimatiċi tagħhom. Hija r-responsabbiltà tagħna li nkomplu naħdmu lejn rikonoxximent formali tal-kapaċità tal-bliet u r-reġjuni li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi dwar il-Klima, filwaqt li nenfasizzaw dak li neħtieġu, bħala awtoritajiet lokali u reġjonali, sabiex inwettqu azzjoni klimatika.”

Il-Kumitat ta l-eżempju tad- Dikjarazzjoni ta’ Edinburgu dwar il-bijodiversità, iffirmata llum mill-President Tzitzikostas wara l-adozzjoni tagħha mill- Bureau . Id- Dikjarazzjoni ta’ Edinburgu dwar il-qafas globali tal-bijodiversità għal wara l-2020 tistabbilixxi l-aspirazzjonijiet u l-impenji tal-gvernijiet sottonazzjonali fil-protezzjoni u t-tisħiħ tal-bijodiversità għad-deċennju li ġej. Waqt id-dibattitu, il- President tal-Kumitat appella wkoll lill-membri tiegħu biex jieħdu azzjoni, filwaqt li nieda l-kampanja tiegħu – il-Patt Ekoloġiku fil-Livell Lokali – li tistabbilixxi 10 azzjonijiet biex il-mexxejja lokali jagħtu riżultati. Waħda mill-attivitajiet hija li jitħawlu s-siġar, li se tikkontribwixxi għall-proposta ta’ 3 biljun tal-Kummissjoni Ewropea sal-2030.

Ir-riżoluzzjoni tenfasizza li ħafna reġjuni u bliet Ewropej diġà ddikjaraw emerġenza klimatika u adottaw impenji klimatiċi aktar ambizzjużi minn pajjiżhom. Barra minn hekk, il-Kumitati jappellaw lill-Partijiet tal-UNFCCC biex jagħmluha obbligatorja għall-gvernijiet nazzjonali li jikkonsultaw u jinvolvu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali matul l-abbozzar tas-sottomissjoni klimatika tagħhom.

Informazzjoni addizzjonali:

Informazzjoni dwar l-attivitajiet tal-KtR waqt il-COP26 tista’ tinstab fil- portal iddedikat tagħna .

Il-KtR qed jikkontribwixxi biex jaċċellera l-azzjoni klimatika fil-bliet u r-reġjuni u t-tnedija tal-Patt Ekoloġiku Ewropew f’kull territorju permezz tal-inizjattiva ewlenija tiegħu Il-Patt Ekoloġiku fil-Livell Lokali . Mil-lat Ewropew, il-KtR itenni t-talba tiegħu biex il-fondi tal-UE jiġu aċċessati direttament mill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jimplimentaw proġetti lokali u reġjonali tal-Patt Ekoloġiku.

Id-delegazzjoni tal-KtR għall-COP26 hija magħmula minn:

David Crous

Tel. +32 470 88 10 37

david.crous@cor.europa.eu

Ikkondividi :