Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
COP24: Il-bliet u r-reġjuni se jkomplu jinsistu fuq ambizzjoni akbar rigward il-klima  
Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni jtenni l-ħtieġa fundamentali li jiżdiedu l-ambizzjonijiet klimatiċi nazzjonali filwaqt li jilqa’ b’sodisfazzjon il-ġabra ta’ regoli għall-Ftehim ta’ Pariġi peress li jwittu t-triq għal governanza msaħħa f’diversi livelli b’rabta mal-klima

It-taħditiet tal-COP24 dwar il-klima laħqu l-għan prinċipali tagħhom: li jintlaħaq qbil dwar sensiela komuni ta’ regoli bil-għan li l-Ftehim ta’ Pariġi jiġi implimentat fil-prattika fl-2020. Madankollu, kif jiċċertifika r- rapport tal-IPCC 1.5°C , tinħtieġ ambizzjoni ferm akbar rigward il-klima biex jintemmu t-tendenzi allarmanti tat-tisħin globali. F’Katowice, il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR) ingħaqad ma’ netwerks dinjija tal-gvernijiet lokali biex jitolbu rwol formali għall-bliet u r-reġjuni fil-Ftehim ta’ Pariġi. Il-ġabra ta’ regoli adottata twitti t-triq għal azzjoni msaħħa f’diversi livelli b’rabta mal-klima u kooperazzjoni iżjed b’saħħitha bejn l-awtoritajiet nazzjonali u dawk lokali u reġjonali. Hija tistieden lill-gvernijiet nazzjonali jikkunsidraw il-kontributi tad-Djalogi ta’ Talanoa, fosthom l-appell tal-KtR li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu inklużi fid-definizzjoni ta’ strateġiji u pjani ta’ azzjoni nazzjonali dwar il-klima. Jekk jogħġbok ikklikkja hawn għal sommarju tal-attivitajiet u dikjarazzjonijiet ewlenin tal-membri tal-KtR waqt il-COP24 .

Nhar is-Sibt, 15 ta’ Diċembru, f’kisba mingħajr preċedent biex it-tibdil fil-klima jiġi indirizzat b’mod kollettiv f’livell dinji, il-Partijiet tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) adottaw il-ġabra ta’ regoli għall- Ftehim ta’ Pariġi , is-sensiela ta’ regoli u linji gwida bil-għan li l-Ftehim ta’ Pariġi jsir operattiv sa mill-2020, inkluż il-qafas ta’ trasparenza apparti l-finanzjament, il-mitigazzjoni u l-adattament b’rabta mal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.

Il-ġabra ta’ regoli għall-Ftehim ta’ Pariġi “tistieden lill-Partijiet jikkunsidraw ir- riżultati tad-Djalogi ta’ Talanoa fit-tħejjija tal-kontributi stabbiliti fil-livell nazzjonali (NDCs) u fl-isforzi tagħhom biex isaħħu l-implimentazzjoni u l-ambizzjoni qabel l-2020”. L-inklużjoni ta’ dan il-paragrafu fil-ġabra ta’ regoli għall-Ftehim ta’ Pariġi ġiet difiża u indirizzata minn Cor Lamers (NL/PPE), President tal-Kummissjoni ENVE fi ħdan il-KtR u Sindku ta’ Schiedam quddiem il-Presidenzi tal-COP23 u l-COP24 fis- sessjoni tal-għeluq tad-Djalogi ta’ Talanoa fit-12 ta’ Diċembru.

Bħala kisba konkreta għall-bliet u r-reġjuni madwar id-dinja, il-ġabra ta’ regoli għall-Ftehim ta’ Pariġi għalhekk twitti t-triq għal governanza msaħħa f’diversi livelli b’rabta mal-klima billi tistieden lill-gvernijiet nazzjonali jikkooperaw mal-awtoritajiet lokali u reġjonali fid-definizzjoni tal-NDCs tagħhom u l-istrateġiji u l-pjani ta’ azzjoni marbuta mal-klima. Fost il-kontributi tad-Djalogi ta’ Talanoa, li l-ġabra ta’ regoli għall-Ftehim ta’ Pariġi tirrakkomanda li jiġu kkunsidrati mill-gvernijiet nazzjonali, insibu l-appell tal-KtR għall-“parteċipazzjoni integrali tal-atturi sottonazzjonali fit-tfassil tal-politika dwar il-klima u fl-implimentazzjoni tal-kontributi stabbiliti fil-livell nazzjonali”.

Markku Markkula (FI/PPE), l-Ewwel Viċi President tal-KtR , jgħid li: “Filwaqt li huwa ċar li l-gvernijiet nazzjonali madwar id-dinja naqsu milli jżidu biżżejjed il-lvell ta’ ambizzjoni tagħhom b’rabta mal-klima, il-ftehim ta’ Katowice madankollu għadu jirrappreżenta żvolta deċiżiva fl-isforzi kollettivi tagħna biex nirbħu l-ġlieda kontra t-tisħin globali. Għalhekk, m’għandniex nissottovalutaw il-kisba kbira li ntlaħaq qbil dwar linji gwida komuni għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi. Lanqas ma għandna nkunu kompjaċenti u nimpenjaw ruħna bil-għaġla li noħolqu mekkaniżmi tas-suq u mekkaniżmi finanzjarji mfssla apposta li jikkontribwixxu għat-tnaqqis fl-emissjonijiet globali. Mingħajr dubju, leħen l-awtoritajiet lokali u reġjonali qed jissemma’ dejjem aktar fit-taħdidiet internazzjonali dwar il-klima. Il-COP21 espliċitament irrikonoxxiet ir-rwol kruċjali tal-bliet u r-reġjuni fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima għall-ewwel darba. Tliet snin wara, il-ġabra ta’ regoli għall-Ftehim ta’ Pariġi tistieden lill-Partijiet ikomplu jintegraw l-atturi sottonazzjonali fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-istrateġiji klimatiċi tagħhom. Dan hu suċċess ċar u ninsabu fiduċjużi li l-kooperazzjoni effettiva f’diversi livelli se titjieb gradwalment hekk kif il-Ftehim ta’ Pariġi jiġi implimentat.”

COR Lamers (NL/PPE), President tal-Kummissjoni ENVE tal-KtR u Sindku ta’ Schiedam qal: “Min-naħa tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, ninsabu ħerqana li nimpenjaw ruħna iżjed fil-konfront tal-Partijiet, kif intwera permezz tad-Djalogi ta’ Talanoa, biex nibnu sħubija iżjed b’saħħitha għal azzjoni f’diversi livelli u biex tkun riflessa f’deċiżjonijiet futuri. Aħna nistennew li l-ġabra ta’ regoli għall-Ftehim ta’ Pariġi trawwem l-inklużjoni tal-gvernijiet lokali u reġjonali fid-definizzjoni tal-NDCs, b’mod partikolari fil-kuntest tar-rendikont li jmiss tal-azzjoni globali dwar il-klima fl-2019. Għad irridu naqblu dwar swieq tal-karbonju ġusti u flessibbli biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra b’mod kosteffettiv u neżaminaw l-opportunitajiet ta’ taxxi fuq il-karbonju li jħeġġu lill-investituri u lill-konsumaturi jagħżlu rotot b’inqas karbonju. Flimkien, nistgħu nimmassimizzaw il-potenzjal tat-tranżizzjoni tant meħtieġa għall-enerġija nadifa. Permezz ta’ inizjattivi ewlenin bħall- Patt Globali tas-Sindki , il-livell lokali u reġjonali se jkompli kemm jimplimenta kif ukoll jinsisti dwar aktar ambizzjoni klimatika.”

Andrew Cooper (UK/AE), membru tal-Kunsill ta’ Kirklees fir-Renju Unit u relatur tal- Opinjoni tal-KtR dwar Il-governanza klimatika wara l-2020 qal: “Nilqgħu b’sodisfazzjon l-appell dirett biex il-Partijiet jikkunsidraw il-proposti inklużi fid- Djalogi ta’ Talanoa peress li dan iwitti t-triq għal kontributi sottonazzjonali fit-tħejjija tal-inventarji, l-istrateġiji u l-pjani ta’ azzjoni nazzjonali dwar il-klima. Aħna madankollu nibqgħu sodi fl-appell agħna biex jiġu integrati b’mod formali l-Kontributi Determinati fil-livell lokali u reġjonali (RLDCs) biex jiżguraw il-parteċipazzjoni integrali tal-atturi sottonazzjonali integrali fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politiki dwar il-klima, inkluż fit-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-NDCs.”

Is-sejħa għall-Kontributi Determinati fil-livell Lokali u Reġjonali (RLDCs) biex jikkomplementaw il-wegħdiet nazzjonali fil-ġabra ta’ regoli għall-Ftehim ta’ Pariġi għandha diversi għanijiet: li tagħti lill-bliet u r-reġjuni rwol formali fl-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi, li żżid ir-responsabilità tal-gvern lokali u reġjonali fl-azzjoni dwar il-klima, li żżid il-preċiżjoni tad-data fil-proċess tar-rendikont globali u li tikkontribwixxi biex jitnaqqas id- distakk attwali fl-emissjonijiet .

Ir-rendikont li jmiss tal-azzjoni globali dwar il-klima huwa ppjanat għall-2019. Ir-rendikont globali huwa proċess sabiex jiġi vvalutat il-progress kollettiv lejn il-kisba tal-Ftehim ta’ Pariġi u l-għanijiet fit-tul tiegħu. Hiuwa jqis il-mitigazzjoni, l-adattament, il-finanzjament u l-appoġġ għall-implimentazzjoni b’rabta mat-tat-tibdil fil-klima.

Il-bliet huma responsabbli għal 70 % tal-emissjonijiet dinjija b’effett ta’ serra, u l-gvernijiet lokali huma responsabbli għal aktar minn 70 % tal-miżuri għat-tnaqqis tat-tibdil fil-klima u sa 90 % tal-zzjonijiet ta’ adattament għall-klima.

Biex jinċentiva l-azzjoni klimatika fiż-żoni urbani, il- Forum tal-2019 tal-Kumitat Permanenti dwar il-Finanzjament fi ħdan l-UNFCCC se jiffoka fuq il-finanzjament għall-klima u l-bliet sostenibbli.

Il-COP24 naqas milli jilħaq ftehim dwar ir-regoli globali għal mekkaniżmi tas-suq bħas-swieq tal-karbonju, strument biex jittaffew l-ispejjeż marbuta mat-tnaqqis fl-emissjonijiet. Id-diskussjonijiet bil-għan li l-mekkaniżmi tas-suq isiRu operattivi se jissoktaw fis-sena li ġejja u għandhom jiġu adottati linji gwida globali fil-COP25, li għandu jsir fiċ-Ċili mill-11 sat-22 ta’ Novembru 2019.

Kuntest:

Id-delegazzjoni tal-KtR għall-COP24 kienet magħmula minn Markku Markkula (FI/PPE) , l-Ewwel Viċi President tal-KtR u President tal-Bord tal-Belt ta’ Espoo, Cor Lamers (NL/PPE) President tal-Kummissjoni ENVE tal-KtR u Sindku ta’ Schiedam, Valter Flego (HR/ALDE) , it-Tieni Viċi President tal-Kummissjoni ENVE tal-KtR u l-Prefett tal-Kontea Istra, Andrew Cooper (UK/AE) , koordinatur AE tal-ENVE tal-KtR, Relatur tal-KtR dwar governanza klimatika wara l-2020 u Membru tal-Kunsill ta’ Kirklees fir-Renju Unit, Marco Dus (IT/PSE) , relatur dwar il-finanzjament tal-klima u Membru tal-Kunsill Muniċipali ta’ Vittorio Veneto, Sirpa Hertell (FI/PPE) , relatur tal-KtR dwar l-istrateġija tal-UE dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima u Kunsillier tal-Belt ta' Espoo, Andres Jaadla (EE/ALDE) , koordinatur ALDE tal-ENVE tal-KtR u Membru tal-Kunsill tal-Belt ta’ Rakvere, Daiva Matonienė (LT/KRE) , koordinatur KRE tal-ENVE tal-KtR u Membru tal-Kunsill Muniċipali tal-Belt ta’ Šiauliai u André Van De Nadort (NL/PSE) , koordinatur PSE tal-ENVE tal-KtR u Sindku ta’ Weststellingwerf.

Jekk jogħġbok ikklikkja hawn għal sommarju tal-attivitajiet u d-dikjarazzjonijiet ewlenin tal-membri tad-delegazzjoni tal-KtR waqt il-COP24.

Ikklikkja hawnhekk biex taċċessa l-album tar-ritratti tad-Delegazzjoni tal-KtR waqt il-COP24

Il-messaġġi politiċi tal-KtR u d-delegazzjoni għall-COP24

Fuljett tal-aħjar prattika tal-COP24

Kontributi Stabbiliti fil-Livell Reġjonali u Lokali

L-Ambaxxaturi tal-Patt tas-Sindki tal-KtR

Id-Djalogi ta’ Talanoa tnedew is-sena li għaddiet mill-Presidenza tal-COP23 ta’ Fiġi bħala qafas globali għall-faċilitazzjoni tad-djalogu sabiex jittieħed bilanċ tal-isforzi klimatiċi kollettivi mwettqa minn gvernijiet sottonazzjonali, is-soċjetà ċivili u n-negozji biex jittieħdu deċiżjonijiet aħjar dwar il-klima fil-livell tan-NU.

Il-ġabra ta’ regoli għall-Ftehim ta’ Pariġi ta’ regoli fiha regoli dettaljati u linji gwida għall-implimentazzjoni tal-ftehim globali ewlieni adottat fl-2015, li jkopru l-oqsma ewlenin kollha inklużi t-trasparenza, il-finanzi, il-mitigazzjoni u l-adattament. Ir-riżultati ewlenin tal-COP24 jinkludu:

L-ewwel sistema universali għall-Partijiet li tintraċċa u tirrapporta dwar il-progress miksub fl-azzjoni klimatika, li tipprovdi flessibbiltà lil dawk il-pajjiżi li ġenwinament jeħtiġuha. Dan se jispira lill-Partijiet kollha biex itejbu l-prattiki tagħhom maż-żmien u jikkomunikaw il-progress miksub f’termini ċari u komparabbli.

Eżitu tajjeb u kunsenswali dwar il-kwistjonijiet tal-adattament. Il-Partijiet issa għandhom gwida u reġistru biex jikkomunikaw l-azzjonijiet tagħhom fir-rigward tal-adattament għall-impatti tat-tibdil fil-klima.

Rigward il-proċess tar-rendikont globali, huwa jistieden lill-Partijiet biex b’mod regolari jirrevedu l-progress u l-livell ta’ ambizzjoni abbażi tal-aħħar xjenza disponibbli.

Fl-aħħar nett, bis-saħħa tad-deċiżjonijiet dwar il-finanzi u t-teknoloġija, issa hemm pakkett solidu li l-UE hija fiduċjuża li se jipprovdi riassigurazzjoni lill-imsieħba tagħna dwar l-impenn tagħna fil-konfront tas-solidarjetà u l-appoġġ globali kontinwi ( KE ).

Aqra hawnhekk l-Istqarrija għall-Istampa dwar l-UNFCCC – COP24

Kuntatt : David Crous | david.crous@cor.europa.eu | +32 (0) 470 88 10 37

Ikkondividi :
 
Aħbarijiet relatati

1.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/COP15-.ASPX

2.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/COP24-CITIES-AND-REGIONS-WILL-CONTINUE-PRESSING-FOR-HIGHER-CLIMATE-AMBITION.ASPX

COP15: European Committee of the Regions formally recognised as key partner to implement the Kunming-Montreal global biodiversity framework
COP15: European Committee of the Regions formally recognised as key partner to implement the Kunming-Montreal global biodiversity framework
19.12.2022

1.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/EU'S-ZERO-POLLUTION-AMBITION.ASPX

2.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/COP24-CITIES-AND-REGIONS-WILL-CONTINUE-PRESSING-FOR-HIGHER-CLIMATE-AMBITION.ASPX

The 'One Health' approach must be at the forefront of the EU's Zero Pollution Ambition
The 'One Health' approach must be at the forefront of the EU's Zero Pollution Ambition
14.12.2022

1.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/MORE-AMBITIOUS-BIODIVERSITY-TARGETS.ASPX

2.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/COP24-CITIES-AND-REGIONS-WILL-CONTINUE-PRESSING-FOR-HIGHER-CLIMATE-AMBITION.ASPX

EU cities and regions call for more ambitious biodiversity targets
EU cities and regions call for more ambitious biodiversity targets
09.12.2022

1.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/ACTION-PLAN-WITH-EIT-CLIMATE-KIC.ASPX

2.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/COP24-CITIES-AND-REGIONS-WILL-CONTINUE-PRESSING-FOR-HIGHER-CLIMATE-AMBITION.ASPX

Action Plan with EIT Climate KIC
Action Plan with EIT Climate KIC
09.12.2022

1.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/CLIMATE-COMMITMENTS.ASPX

2.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/COP24-CITIES-AND-REGIONS-WILL-CONTINUE-PRESSING-FOR-HIGHER-CLIMATE-AMBITION.ASPX

The European Committee of the Regions and the European Economic and Social Committee step up their climate commitments
The European Committee of the Regions and the European Economic and Social Committee step up their climate commitments
08.12.2022