Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa: il-politiċi eletti fil-livell tal-UE, nazzjonali, reġjonali/lokali għandhom jingħaqdu flimkien biex isaħħu l-mudell demokratiku tal-UE  

Manfred Weber, Iratxe Garcia Perez u Guy Verhofstadt – tliet rappreżentanti tal-Parlament Ewropew fi ħdan il-Bord Eżekuttiv tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa – iddiskutew ir-rwol u l-kontribut tal-mexxejja reġjonali u lokali għall-Konferenza flimkien mal-membri tal-KtR.

Il-politiċi reġjonali u lokali – rappreżentati fl-UE mill-KtR – u l-Membri tal-Parlament Ewropew – l-unika istituzzjoni tal-UE li l-membri tagħha huma eletti direttament miċ-ċittadini – għandhom jingħaqdu flimkien fil-qafas tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa. L-għan komuni tagħhom għandu jkun li joħorġu fil-beraħ is-sejħa taċ-ċittadini għal Unjoni li jeħtiġilha tkun eqreb lejhom, li tirrispetta l-prinċipju tas-sussidjarjetà u li tħares ’il quddiem hija u tirreaġixxi għall-isfidi ġodda fil-livell globali u lokali. Dan huwa l-messaġġ kondiviż tal-membri tal-KtR matul il- 145 sessjoni plenarja tal-KtR , flimkien ma’ Guy Verhofstadt, Manfred Weber u Iratxe Garcia Perez – tliet rappreżentanti tal-Parlament Ewropew fi ħdan il-Bord Eżekuttiv tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa. It-tliet MEPs enfasizzaw li l-membri tal-KtR huma alleati b’saħħithom għal dibattitu wiesa’, ġenwinament inklużiv, trasparenti u bbilanċjat ġeografikament u politikament dwar il-futur tal-Unjoni Ewropea.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, Apostolos Tzitzikostas , li jmexxi d-delegazzjoni tal-KtR fil-Plenarja tal-Konferenza u jattendi l-laqgħat tal-Bord Eżekuttiv, qal: “ Il-politiċi eletti lokali u l-Membri tal-Parlament Ewropew għandhom għan wieħed: li jsaħħu kull parti tad-Dar id-Demokrazija Ewropea tagħna, u jqarrbu lill-UE lejn iċ-ċittadini li hija taqdi. Permezz tal-familji politiċi rispettivi tagħna, għandna ningħaqdu flimkien sabiex il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa tkun ta’ suċċess. Aħna nifhmu l-ħtiġijiet tal-poplu tagħna u nagħtu lill-Konferenza leġittimità demokratika. Il-futur tagħna jinsab f’Ewropa aktar b’saħħitha u aktar magħquda”.

Guy Verhofstadt, Membru tal-Parlament Ewropew, kopresident tal-Bord Eżekuttiv u koordinatur tad-delegazzjoni tal-PE dwar il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, irrimarka: “ Il- #CoFoE hija bħal tellieqa relay. Iċ-ċittadini li jipparteċipaw fil-panels se jagħtu bidu għall-Konferenza billi jiddefinixxu x-xewqat u r-rakkomandazzjonijiet tagħhom. Imbagħad, matul diversi sessjonijiet plenarji, huma se jgħaddu r-responsabbiltà u aħna mbagħad nifformulaw proposti konkreti għal riforma bbażata fuq ir-rakkomandazzjonijiet tagħhom. L-istadju finali ta’ din it-tellieqa huwa li dawn ir-riformi jiġu approvati u implimentati permezz tal-istituzzjonijiet demokratiċi tagħna. Il-KtR se jkun attur utli permezz tal-membri tiegħu bbażati fil-bliet u r-reġjuni madwar l-Unjoni Ewropea”.

Manfred Weber, President tal-Grupp PPE fil-Parlament Ewropew, u membru tal-Bord Eżekuttiv tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, qal: “ Quddiemna hemm deċennju ta’ bidliet kbar. Fir-rigward ta’ temi bħat-tibdil fil-klima, l-impjiegi u t-tkabbir, id-diġitalizzazzjoni, l-affarijiet soċjali, id-demografija u l-migrazzjoni, ma nistgħux nistennew il-kriżi li jmiss biex inħejju ruħna għall-futur. Jeħtieġ li nistaqsu lilna nfusna jekk l-Unjoni Ewropea hijiex adatta strutturalment biex tipprovdi t-tweġibiet għall-isfidi li qed niffaċċjaw. Dak li huwa ċert huwa li jeħtieġ li nibnu Ewropa li għandha kapaċità reali li taġixxi iżda wkoll Ewropa aktar demokratika, eqreb taċ-ċittadini tagħha, eqreb lejn il-muniċipalitajiet u r-reġjuni. Il-KtR, permezz tal-membri eletti tiegħu, għandu rwol kruċjali x’jaqdi f’dan ir-rigward ”.

Iratxe Garcia Perez , President tal-Grupp S&D fil-Parlament Ewropew u membru tal-Bord Eżekuttiv tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, żiedet tgħid: “ Il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa hija opportunità li ma nistgħux nitilfu biex nerġgħu nistabbilixxu l-kuntatt maċ-ċittadini u nkunu nafu liema tip ta’ Unjoni ċ-ċittadini jixtiequ . L-UE mhijiex mibnija biss permezz tal-istituzzjonijiet, iżda hija mibnija kuljum minn kull belt u raħal, u l-livelli amministrattivi kollha għandhom rwol, u huma lkoll importanti. Id-diversità tal-irħula, il-bliet u r-reġjuni tagħna hija r-rikkezza tal-Ewropa. Huwa għalhekk li din il-Konferenza għandha tilħaq postijiet li huma lil hinn mill-bużżieqa ta’ Brussell, u tisma’ l-vuċijiet kollha. Irridu Ewropa aktar parteċipattiva, b’aktar ugwaljanza u solidarjetà, u Ewropa aktar femminista”.

Id-delegazzjoni tal-KtR fil-Plenarja tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa se:

- tipparteċipa fil-laqgħat tal-Plenarja u tal-gruppi ta’ ħidma tal-Konferenza;

- tipprovdi kontributi bil-miktub, inkluż bl-appoġġ tal- Grupp ta’ Livell Għoli dwar id-Demokrazija Ewropea , korp konsultattiv indipendenti ta’ seba’ rġiel u nisa għorrief ippresedut mill-eks President tal-Kunsill Ewropew Herman van Rompuy, li l-missjoni tiegħu hija li jappoġġja r-rwol politiku u istituzzjonali tal-KtR billi jipprovdi analiżi politika strateġika b’enfasi fuq l-aspetti lokali u reġjonali. Ir-riżultati tal- istħarriġ taċ-ċittadini tal-KtR dwar il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa se jipprovdu wkoll input għall-kontributi;

- tipparteċipa fi djalogi u dibattiti, kif ukoll torganizzahom, fil-kostitwenzi tagħhom u tirrapporta lura dwar dawn id-djalogi, bil-kooperazzjoni tal-Moviment Ewropew Internazzjonali jew tal-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ, kif ukoll ma’ istituzzjonijiet oħra tal-UE, bħan-network Europe Direct tal-Kummissjoni Ewropea u l-proġett “Nibnu l-Ewropa flimkien mal-Entitajiet Lokali” (BELE) tal-Parlament Ewropew. Barra minn hekk, fil-ħarifa se jiġu organizzati djalogi transnazzjonali maċ-ċittadini, bil-kooperazzjoni tal-fondazzjoni Bertelsmann ;

- tibni alleanzi ta’ delegati tal-istess fehma fil-Konferenza biex jiġu promossi b’mod konġunt rakkomandazzjonijiet li huma ta’ rilevanza għar-reġjuni, il-bliet u l-irħula madwar l-UE;

- timmobilizza n-networks tagħha bħall-assoċjazzjonijiet tal-awtoritajiet lokali u reġjonali madwar l-UE, in-network tal-eks membri tal-KtR u n- network il-ġdid tal-kunsilliera lokali tal-UE , in-network RegHub u n-network Alleanza tal-Koeżjoni , sabiex tħeġġeġ lill-politiċi lokali u reġjonali jorganizzaw dibattiti maċ-ċittadini. Ir-riżultati ta’ dawn il-konsultazzjonijiet se jiġu kkomunikati fil-Plenarja tal-Konferenza.

Il-KtR se jippreżenta l-kontribut finali tiegħu għall-Konferenza fid- 9 Summit Ewropew tar-Reġjuni u l-Bliet , li ser isir matul il-Presidenza Franċiża tal-Kunsill fit-3 u l-4 ta’ Marzu 2022.

Kuntest:

Il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa tnediet fid-9 ta’ Mejju 2021 fi Strasburgu. Hija eżerċizzju uniku ta’ djalogu maċ-ċittadini minn madwar l-Unjoni Ewropea kollha, li għandu l-għan li jinvolvihom f’riflessjonijiet u jippermettilhom jikkontribwixxu b’rakkomandazzjonijiet dwar kif għandha tissawwar l-Unjoni Ewropea fil-futur qarib, b’mod partikolari fir-rigward ta’ 9 suġġetti : it-tibdil fil-klima u l-ambjent; is-saħħa; l-ekonomija; il-ġustizzja soċjali u l-impjiegi; l-UE fid-dinja; il-valuri u d-drittijiet, l-istat tad-dritt, is-sigurtà; it-trasformazzjonijiet diġitali; id-demokrazija Ewropea; il-migrazzjoni; l-edukazzjoni, il-kultura, iż-żgħażagħ u l-isport.

Għal dan il-għan, pjattaforma diġitali multilingwi tippermetti lill-persuni minn Stati Membri differenti jinvolvu ruħhom ma’ oħrajn u jiddiskutu l-proposti tagħhom, matul avvenimenti apposta jew direttament fuq il-pjattaforma. L-ideat u r-rakkomandazzjonijiet li jirriżultaw mid-djalogu maċ-ċittadini għandhom jitpoġġew fuq din il-pjattaforma biex jitqiesu għal aktar diskussjonijiet. Il-kontributi u l-ideat se jiġu diskussi matul l-assembleji taċ-ċittadini li se jiltaqgħu 14-il darba. Ir-rappreżentanti ta’ dawn l-assembleji se jippreżentaw il-kontributi lill-Plenarja tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, li se tiltaqa’ 6 darbiet sa tmiem il-proċess ta’ konsultazzjoni.

Il-Plenarja tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa hija magħmula minn 432 membru: 108 rappreżentanti tal-Parlament Ewropew, 54 tal-Kunsill, 3 tal-Kummissjoni Ewropea, 108 rappreżentanti tal-parlamenti nazzjonali, 80 rappreżentant mill-Panels taċ-Ċittadini Ewropej (li terz minnhom għandhom inqas minn 25 sena), il-President tal-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ, 27 rappreżentant tal-Panels Nazzjonali taċ-Ċittadini, 18-il rappreżentant kull wieħed għall-KtR u għall-KESE, u 8 rappreżentanti kull wieħed għall-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili.

Il-Bord Eżekuttiv għall-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa huwa magħmul minn tliet rappreżentanti u sa erba’ osservaturi minn kull istituzzjoni tal-UE. Il-Kummissjoni Ewropea hija rappreżentata mill-Viċi Presidenti Maroš Šefčovič, Dubravka Šuica u Věra Jourová; il-Kunsill huwa rapprenżentat mill-Presidenza b’rotazzjoni (Is-Slovenja fit-tieni parti tal-2021, segwita minn Franza); il-Parlament Ewropew huwa rappreżentat minn Guy Verhofstadt, Manfred Weber, u Iratxe Garcia Perez. Il-KtR huwa mistieden għal-laqgħa tal-Bord Eżekuttiv. Il-Bord Eżekuttiv jissorvelja l-ħidma tal-Konferenza, u jħejji l-laqgħat tal-Plenarja tal-Konferenza, inklużi l-kontributi taċ-ċittadini u s-segwitu tagħhom. Huwa jħejji rapporti fuq bażi regolari għall-Presidenza Konġunta tal-Konferenza (Presidenti tal-Kummissjoni, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Ewropew). Wara d-diskussjoni, il-konklużjonijiet li jintlaħqu mill-plenarja fuq bażi ta’ kunsens se jiġu ppreżentati lill-Bord Eżekuttiv. Il-Bord Eżekuttiv jabbozza rapport bi trasparenza sħiħa u f’kollaborazzjoni mal-Plenarja tal-Konferenza, u abbażi tal-konklużjonijiet tagħha. Ir-rapport imbagħad jiġi ppubblikat fuq il-pjattaforma diġitali multilingwi u jintbagħat lill-Presidenza Konġunta.

Persuna ta’ kuntatt:

Marie-Pierre Jouglain

Tel. +32 (0) 473 52 41 15

mariepierre.jouglain@cor.europa.eu

Ikkondividi :
 
Aħbarijiet relatati

1.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/YOUNG-ELECTED-POLITICIAN-PROGRAMME-2023.ASPX

2.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/CONFERENCE-ON-THE-FUTURE-OF-EUROPE.ASPX

Young people entrusted with the responsibilities of elected office in Europe's cities and regions deserve a voice in the policy making process as key players in building European democracy
Young people entrusted with the responsibilities of elected office in Europe's cities and regions deserve a voice in the policy making process as key players in building European democracy
31.05.2023

1.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/A-MORE-RESILIENT-INCLUSIVE-AND-DEMOCRATIC-EUROPE.ASPX

2.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/CONFERENCE-ON-THE-FUTURE-OF-EUROPE.ASPX

A more resilient, more inclusive and more democratic Europe at the centre of a debate with Oliver Röpke, President of the European Economic and Social Committee
A more resilient, more inclusive and more democratic Europe at the centre of a debate with Oliver Röpke, President of the European Economic and Social Committee
26.05.2023

1.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/FOSTERING-DIVERSITY-AND-INCLUSION-ON-THE-GROUND.ASPX

2.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/CONFERENCE-ON-THE-FUTURE-OF-EUROPE.ASPX

Local and regional leaders welcome Commissioner Dalli's support for their work in fostering diversity and inclusion on the ground
Local and regional leaders welcome Commissioner Dalli's support for their work in fostering diversity and inclusion on the ground
24.05.2023

1.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/155-PLENARY-ANNOUNCEMENT.ASPX

2.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/CONFERENCE-ON-THE-FUTURE-OF-EUROPE.ASPX

On cities' and regions' agenda: Ukraine's reconstruction, crises management, EU budget
On cities' and regions' agenda: Ukraine's reconstruction, crises management, EU budget
23.05.2023

1.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/CP-50-EUROPE-DAY-2023-CELEBRATING-EUROPEAN-UNITY-AND-DIVERSITY.ASPX

2.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/CONFERENCE-ON-THE-FUTURE-OF-EUROPE.ASPX

Europe Day 2023: celebrating European unity and diversity
Europe Day 2023: celebrating European unity and diversity
27.04.2023