Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa: irridu nisimgħu u naġixxu biex nilħqu l-ħtiġijiet taċ-ċittadini  

Fis-sessjoni plenarja tal- Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa li saret fi tmiem din il-ġimgħa fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu, il-leħen ta’ ’l fuq minn miljun politiku elett fil-livell lokali u reġjonali nstema’ b’mod aktar ċar minn qatt qabel grazzi għal delegazzjoni estiża. B’kollox, 30 delegat reġjonali u lokali attendew it-tieni laqgħa plenarja tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa.

Id-delegazzjoni ta’ 18-il membru tal-KtR, l-assemblea politika tal-UE tal-gvernijiet lokali u reġjonali, ingħaqdet ma’ 12-il rappreżentant ieħor minn assoċjazzjonijiet Ewropej ewlenin u partijiet interessati oħrajn li jirrappreżentaw l-awtoritajiet u l-assemblej lokali u reġjonali minn madwar l-Ewropa fi Strasburgu. Flimkien dawn enfasizzaw ir-rwol vitali li jaqdu bħala l-eqreb livell politiku u l-aktar wieħed fdat miċ-ċittadini, u responsabbli għat-twettiq ta’ 70 % tal-politika tal-UE.

Apostolos Tzitzikostas , il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni u Gvernatur tal-Maċedonja Ċentrali fil-Greċja li jmexxi d-delegazzjoni tal-KtR, qal “ Iċ-ċittadini tagħna jistennew li l-mexxejja eletti tagħhom jagħtuhom widen u jaġixxu sabiex jiksbu riżultati fuq il-post . Stħarriġ reċenti ta’ ’l fuq minn 3 300 politiku lokali u reġjonali mill-UE kollha juri li 85 % minnhom iridu jkunu involuti aktar fit-tfassil tal-politika tal-UE u 75 % jixtiequ jintroduċu demokrazija aktar parteċipattiva. Id-delegazzjoni tagħna ta’ 30 mexxej reġjonali u lokali qed tappella għal Unjoni Ewropea aktar demokratika u effettiva li tirrikonoxxi li d-deċiżjonijiet li jittieħdu fi Brussell jew Strasburgu fl-aħħar mill-aħħar huma implimentati mill-mexxejja eletti fil-livell lokali u reġjonali. Jenħtieġ li dawn jingħataw rwol aktar b’saħħtu fit-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE fl-oqsma tal-kompetenzi tagħhom, biex b’hekk jerġgħu jibnu l-fiduċja u jqarrbu lill-Ewropa lejn in-nies.”

Vasco Alves Cordeiro , l-Ewwel Viċi President tal-KtR, żied jgħid: “Ir-rappreżentanti eletti fil-livell lokali u reġjonali jinsabu lesti biex jipparteċipaw bis-sħiħ fit-tiswir tal-futur tal-Ewropa.  Li wieħed jisma’ waqt il-Konferenza huwa importanti, iżda daqstant ieħor huwa importanti li wieħed jaġixxi. Is-segwitu tal-Konferenza se jkun kruċjali. Id-djalogu mal-Ewropej m’għandux jintemm fir-rebbiegħa tal-2022. Aħna, il-membri tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, qegħdin nappellaw minn issa għat-twaqqif ta’ djalogu permanenti maċ-ċittadini. Jekk irridu niżguraw il-koeżjoni, is-solidarjetà u l-ġustizzja soċjali m’għandux ikun hemm tabù biex isir it-tibdil fl-UE u l-mod kif taħdem”.

Matul tmiem il-ġimgħa fi Strasburgu, it-30 delegat lokali u reġjonali , flimkien mal-Membri tal-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni Ewropea, il-gvernijiet nazzjonali, ir-rappreżentanti taċ-ċittadini u parteċipanti oħrajn, ħolqu sensiela ta’ gruppi ta’ diskussjoni tematiċi, li abbażi tagħhom se jitfasslu l-konklużjonijiet finali tal-konferenza. Dawn jinkludu diversi kwistjonijiet bħad- demokrazija parteċipattiva, is-saħħa, it-tibdil fil-klima, il-ġustizzja soċjali, l-edukazzjoni, id-diġitalizzazzjoni tas-soċjetà u l-migrazzjoni , l-oqsma kollha fejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali jinsabu fuq quddiem nett fl-għoti ta’ servizzi, infrastruttura u appoġġ liċ-ċittadini.

Il-KtR se jippreżenta l-kontribut finali tiegħu lill-Konferenza fid- 9 Summit Ewropew tar-Reġjuni u l-Bliet , li se jsir matul il-Presidenza Franċiża tal-Kunsill tal-UE f’Marsilja, fit-3 u l-4 ta’ Marzu 2022.

Sfond:

Bħala istituzzjoni uffiċjali tal-UE, il-KtR huwa intitolat li jkun rappreżentat fil-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, b’delegazzjoni ta’ 18-il membru magħżula minn diversi pajjiżi u gruppi politiċi. Bil-għan li jiġi żgurat involviment akbar tar-rappreżentanti sottonazzjonali fit-tfassil tal-futur tal-Ewropa, il-KtR appella sabiex organizzazzjonijiet u assoċjazzjonijiet oħrajn li jirrappreżentaw mexxejja reġjonali u lokali mill-Ewropa kollha jieħdu sehem ukoll. 12-il membru ieħor, magħżulin minn fost dawn il-partijiet interessati: il-Kunsill tal-Muniċipalitajiet u r-Reġjuni Ewropej, Eurocities, l-Assemblea tar-Reġjuni Ewropej, il-Konferenza tar-Reġjuni Periferiċi Marittimi, l-Assoċjazzjoni ta’ Reġjuni mal-Fruntieri Ewropej u l-Konferenza tal-Assembleji Leġiżlattivi Reġjonali Ewropej, ġew miżjuda wara, fatt li kompla saħħaħ id-delegazzjoni reġjonali u lokali, li issa tgħodd 30 membru .

Il-kwistjonijiet li se jiġu diskussi fil-gruppi ta’ ħidma u s-sessjonijiet plenarji fil-Konferenza nsiltu parzjalment mill- pjattaforma diġitali , fejn kwalunkwe persuna minn madwar l-UE tista’ tissottometti ideat u suġġerimenti. Il-membri tal-KtR ikkontribwew ukoll għad-dibattitu b’dan il-mod, b’madwar 40 proposta speċifika għat-titjib tal-involviment lokali u reġjonali. Anke l-panels taċ-ċittadini, li jikkonsistu minn 800 raġel u mara ta’ kull età minn madwar l-UE u minn kull qasam tal-ħajja, jiddiskutu t-temi ewlenin tal-konferenza mill-perspettiva taċ-ċittadini. Dawn, bħar-rappreżentanti lokali u reġjonali tagħhom, se jipprovdu kontribut vitali dwar l-impatt u l-evoluzzjoni tal-politiki tal-UE fuq il-post.

Għal eżempji oħrajn tar-rwol ewlieni tal-KtR biex jiżgura l-vuċi tal-gvernijiet sottonazzjonali fl-iżvilupp tad-demokrazija Ewropea, ara wkoll il-Grupp ta’ Livell Għoli dwar id-Demokrazija Ewropea , l-istħarriġ taċ-ċittadini tal-KtR dwar il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa , in-network tal-eks membri tal-KtR u n-network il-ġdid tal-kunsilliera lokali tal-UE .

Persuni ta’ kuntatt:

Carmen Schmidle

Tel. +32 (0) 494 73 57 87

carmen.schmidle@cor.europa.eu

Marie-Pierre Jouglain

Tel. +32 (0) 473 52 41 15

mariepierre.Jouglain@cor.europa.eu

Ikkondividi :