Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
Il-Kummissarju Oettinger se jiddefendi l-proposta għall-baġit tal-UE fil-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni  

Fit-16-17 ta’ Mejju, il-membri tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR) se jesprimu t-tħassib tagħhom dwar il-proposti estensivi tal-Kummissjoni Ewropea biex il-finanzjament mill-UE ma jibqax dirett lejn l-iżvilupp reġjonali wara l-2020, u ser jadottaw pożizzjoni dwar il-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE wara sena ta’ studji, stħarriġ u konsultazzjonijiet mal-awtoritajiet lokali u reġjonali. Il-membri tal-KtR ser jikkunsidraw ukoll modi kif il-politiki kulturali jistgħu jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-identità Ewropea.

Segwi l-plenarja kollha permezz ta’ xandira lajv fuq l-internet bil-lingwi kollha tal-UE

Baġit fit-tul tal-UE: x’impatt għar-reġjuni u l-bliet? (16 ta’ Mejju)

Günther Oettinger, il-Kummissarju Ewropew responsabbli għall-Baġit u r-Riżorsi Umani, se jiddibatti l-proposti dwar il-baġit fit-tul tal-UE għall-2021-2027 ppubblikati fit-2 ta’ Mejju u l-implikazzjonijiet potenzjali tagħhom għar-reġjuni u l-bliet. Inkluż fil-proposti huwa tnaqqis fil-finanzjament tal-politika ta’ koeżjoni tal-UE, li se jkollu konsegwenzi għall-finanzjament futur tal-UE tar-reġjuni u l-bliet, kwistjoni diġà mqajma mill-Kumitat. Id-dibattitu huwa mistenni jiffoka fuq it-tnaqqis propost tal-fondi għall-iżvilupp reġjonali – permezz tal-politika ta’ koeżjoni – iżda huwa possibbli wkoll li jiġi indirizzat it-tnaqqis fil-finanzjament għal bdiewa u rabtiet mal-istat tad-dritt u l-politiki ekonomiċi nazzjonali.

Konferenza stampa mill-Kummissarju tal-UE Oettinger u l-President tal-KtR Lambertz ser issir fl-4.30 p.m. fil-kamra tas-smigħ tal-bini Charlemagne tal-Kummissjoni Ewropea, Brussell.

Riżoluzzjoni dwar il-Brexit (17 ta’ Mejju)

Il-KtR ser jadotta riżoluzzjoni dwar il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea li tikkunsidra l-impatt fuq l-awtoritajiet lokali u reġjonali, il-miżuri meħtieġa biex jiġu minimizzati l-effetti tal-Brexit, u r-relazzjoni futura bejn ir-Renju Unit u l-UE. Ir-riżoluzzjoni ser tisħaq fuq l-importanza tal-awtoritajiet lokali u reġjonali biex tiġi evitata fruntiera fiżika fl-Irlanda u se tikkunsidra, pereżempju, ir-rwol tal-għajnuna mill-istat, il-politika ta’ koeżjoni u l-politika agrikola komuni. Se tingħata wkoll kunsiderazzjoni lill-kooperazzjoni permezz ta’ mekkaniżmi bħal strateġiji makroreġjonali u r-Raggruppamenti Ewropej ta’ Kooperazzjoni Territorjali (REKT), kif ukoll il-kooperazzjoni fl-edukazzjoni, il-kultura, ir-riċerka u l-innovazzjoni, u s-sigurtà, il-ġestjoni tal-fruntieri u tal-migrazzjoni.

Ir-riżoluzzjoni tiżviluppa l-pożizzjoni preċedenti addottata mil-KtR f’Marzu 2017, wara diskors u dibattitu man-negozjatur prinċipali tal-UE, il-Kummissarju Ewropew Michel Barnier. Matul dawn l-aħħar 14-il xahar, il-KtR wettaq sensiela ta’ stħarriġiet tal-membri tiegħu, tal-awtoritajiet lokali u reġjonalim u kmamar tal-kummerċ lokali, kif ukoll ikkummissjona studju tal-implikazzjonijiet tal-Brexit għal ekonomiji reġjonali. Fit-22–23 ta’ Mejju, il-presidenti tal-gruppi politiċi tal-KtR se jivvjaġġaw lejn ir-Repubblika tal-Irlanda, għal taħditiet mal-kumitat konġunt dwar affarijiet tal-Unjoni Ewropea tal-Kmamar tal-Oireachtas, u lejn l-Irlanda ta’ Fuq, biex jiltaqgħu mal-assoċjazzjoni tal-gvernijiet lokali.

Il-Kultura u l-Identità Ewropea (17 ta’ Mejju)

Il-mod kif il-politiki kulturali jistgħu jsaħħu l-identità Ewropea se jkun il-qofol ta’ dibattitu bil-parteċipazzjoni ta’ Tibor Navracsics, Kummissarju Ewropew għall-Edukazzjoni, il-Kultura, iż-Żgħażagħ u l-Isport, Luca Jahier, li għadu kif ġie elett President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, u Petra Kammerevert (DE/S&D), President tal-Kumitat għall-Edukazzjoni u l-Kultura tal-Parlament Ewropew.

Fl-istess jum, il-KtR ser jistabbilixxi l-pożizzjoni tiegħu dwar kif tista’ tissaħħaħ l-identità Ewropea permezz tal-edukazzjoni u l-kultura, billi jiddibatti Opinjoni mfassla minn Tanya Hristova (BG/PPE), Sindku ta’ Gabrovo u kap tad-delegazzjoni Bulgara tal-KtR. Il-KtR ser jikkunsidra wkoll “il-wirt kulturali bħala riżorsa strateġika għal reġjuni aktar koeżivi u sostenibbli fl-UE”, abbażi ta’ rakkomandazzjonijiet minn Babette Winter (DE/PSE), Segretarja tal-Istat għall-Affarijiet Ewropej u l-Kultura mil-Land ta’ Thuringe. L-2018 hija s-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali:

Sistemi ta’ pajpijiet tal-gass li jidħlu fis-suq intern tal-UE (16 ta’ Mejju)

Il-membri tal-KtR ser jivvotaw dwar Opinjoni mħejjija minn Mauro D’Attis (IT/PPE), Membru tal-Kunsill Muniċipali ta’ Roccafiorita (Messina) u li għadu kemm ġie elett membru tal-Parlament Taljan, b’reazzjoni għall-proposta tal-Kummissjoni Ewropea biex jiġu estiżi r-regoli komuni tal-UE għall-importazzjoni ta’ sistemi ta’ pajpijiet tal-gass. L-għan huwa li s-sistemi ta’ pajpijiet tal-gass kollha li jaslu fl-UE minn pajjiżi terzi jikkonformaw bis-sħiħ mar-regoli eżistenti tal-UE, inklużi r-rekwiżiti ta’ trasparenza, tariffi ġusti u separazzjoni xierqa tal-katina ta’ provvista mill-produzzjoni sad-distribuzzjoni. Ir-relatur tal-KtR D’Attis ser jippromovi l-ħtieġa essenzjali li l-UE tissalvagwardja l-importazzjonijiet tagħha, filwaqt li jiġu evitati sitwazzjonijiet ta’ dipendenza eċċessiva, abbuż minn fornituri u riskju għall-komunitajiet lokali.

Opinjonijiet oħrajn li ser jiġu adottati:

• Pjanijiet għal fond speċifiku wieħed tal-UE wara l-2020, il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd. Relatur: Alberto Nuñez Feijoo (ES/PPE), president tar-reġjun ta’ Galicia

"Reviżjoni ta’ nofs it-term tal-Istrateġija tal-UE għall-Foresti". Relatur: Ossi Martikainen (FI/ALDE), kunsillier ta’ Lapinlahti.

• "Il-kwalità tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem". Relatur: Mark Weinmeister (DE/PPE), Segretarju tal-Istat għall-Affarijiet Ewropej, il-Land ta’ Hessen.

• "Insaħħu l-innovazzjoni fir-reġjuni tal-Ewropa": Relatur: Mikel Irujo Amezaga (ES/AE), gvern ta’ Navarra.

• "Reviżjoni tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili": Relatur: Adam Banaszak (PL/KRE), Viċi President tal-Parlament Reġjonali ta’ Kujawsko-Pomorskie..

Informazzjoni prattika:

Fejn : Bini Charlemagne – Emiċiklu, Kummissjoni Ewropea

Meta : 16 ta’ Mejju, 3 p.m.-9 p.m. – 17 ta’ Mejju, 9 a.m.-1 p.m.

• Ara l-aġenda & d-dokumenti tal-plenarja

• Ara x-xandira diretta tal-plenarja fuq l-internet fuq is-sit elettroniku tal-KtR

Programm tal-mezzi tax-xandir tal-Plenarja

Kuntatt: PresseCdr@cor.europa.eu

Ikkondividi :