Il-politika ta’ koeżjoni trid tindirizza l-kwistjonijiet tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol, li huma kruċjali biex tiġi prevista koeżjoni ekonomika u soċjali akbar fl-Ewropa. Din hija s-sejħa inkluża f’Opinjoni abbozzata minn Donatella Porzi, Kunsillier tar-Reġjun tal-Umbria (l-Italja), li ġiet adottata mill-plenarja tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR) fit-2 ta’ Diċembru. Il-mexxejja lokali u reġjonali jqisu li huwa ta’ importanza kbira li l-perspettiva tal-ġeneru tiġi inkorporata wkoll fil-pjani nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza.
Matul id-dibattitu fil-plenarja dwar l-Opinjoni dwar id-dimensjoni tal-ġeneru tal-fondi strutturali u ta’ koeżjoni 2021-27 , il-membri tal-KtR enfasizzaw l-importanza tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri biex tiġi segwita l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-Ewropa. Għalhekk, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri għandha tinftiehem sew bħala kriterju orizzontali għat-tħejjija tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni, objettiv li għandu jiġi segwit mill-programmi, u fattur b’saħħtu li huwa meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi ta’ żvilupp sostenibbli u bilanċjat tal-politika ta’ koeżjoni.
Ir-relatur, Donatella Porzi (IT/PSE), Kunsillier tar-Reġjun tal-Umbria, qalet: “ Il-politika ta’ koeżjoni suppost tnaqqas id-disparitajiet ekonomiċi u soċjali reġjonali, iżda x’tagħmel biex tnaqqas l-inugwaljanza bejn il-ġeneri? Fil-kuntest tal-irkupru ta’ wara l-pandemija tal-UE, huwa kruċjali li jinstabu għodod konkreti għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri biex jgħinu lis-soċjetà tagħna kollha kemm hi. Il-fondi ta’ koeżjoni jista’ jkollhom impatt konkret fit-titjib tal-politiki tal-indukrar tat-tfal, l-appoġġ għall-intraprenditorija tan-nisa jew il-promozzjoni tal-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol fiż-żoni rurali, biex insemmu biss uħud minnhom. Minn hawn trid tibda tranżizzjoni ġusta .”
Monika Vana (AT/Ħodor), Membru tal-Parlament Ewropew u rapporteur dwar id-dimensjoni tal-ġeneru tal-politika ta’ koeżjoni, issieħbet fid-dibattitu matul il-plenarja.
Il-membri tal-KtR jenfasizzaw li l-politika ta’ koeżjoni u l-mod kif jiġu stabbiliti l-programmi operattivi jistgħu jagħtu kontribut partikolari għal żieda reali fl-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, fir-rigward tal-volum ta’ finanzjament u n-natura u d-destinazzjoni tiegħu. Għalhekk, huma jappellaw biex il-kontribut għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri ma jitqiesx bħala prerogattiva esklużiva tal- Fond Soċjali Ewropew , iżda bħala li ġej mill-fondi kollha. Dan jinkludi l-fond għall-iżvilupp reġjonali ( FEŻR ) u dak għall-agrikoltura u l-iżvilupp rurali ( FAEŻR ), fejn il-kwistjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol ħafna drabi tkun aktar evidenti.
Il-mexxejja lokali u reġjonali jirrakkomandaw li l-awtoritajiet li jimmaniġġjaw il-programmi Ewropej għall-2021-27 jiżviluppaw proġetti u miżuri mmirati lejn il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, bħall-appoġġ tal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u l-inkoraġġiment tar-riintegrazzjoni tan-nisa li tilfu l-impjieg tagħhom minħabba l-pandemija tal-COVID-19. Din il-kriżi tabilħaqq laqtet b’mod serju lis-setturi li jimpjegaw għadd kbir ta’ nisa, bħall-kura tas-saħħa u l-indukrar tat-tfal, u b’hekk aggravat l-inugwaljanzi bejn il-ġeneri.
Fl-aħħar nett, il-membri tal-KtR iqisu li huwa importanti ferm li l-perspettiva tal-ġeneru tiġi inkorporata wkoll fil-pjani nazzjonali ta’ rkupru mfassla fl-ambitu tan- Next Generation EU , billi jiġu applikati l-prinċipji u l-għodod għall-valutazzjoni tal-ġeneru fir-rigward tal-proġetti ewlenin.
Bħala l-ewwel pass, il-Kummissjoni Ewropea qed tippjana li s-sena d-dieħla tippreżenta metodoloġija ġdida għall-valutazzjoni tal-impatt fir-rigward tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri ta’ għadd ta’ programmi ffinanzjati mill-UE, li huma ġestiti direttament mill-Kummissjoni nnifisha. Għalissa, l-inizjattiva ma tinkludix il-programmi tal-politika ta’ koeżjoni, iżda tista’ tiġi estiża għall-programmi kollha ta’ ġestjoni kondiviża fi stadju aktar tard.
Sfond:
Fl-24 ta’ Novembru, il-Kummissjoni għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Enerġija (ENVE) tal-KtR adottat abbozz ta’ Opinjoni bit-titolu “ L-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri u t-Tibdil fil-Klima: lejn l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneru fil-Patt Ekoloġiku Ewropew ”(relatur: Kata Tüttő (HU/ PSE)). It-test se jitressaq għall-votazzjoni fil-plenarja f’Jannar 2022.
Fl-Opinjoni “ Unjoni ta' Ugwaljanza: Strateġija dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri għall-2020-2025 ” (relatur: Concepción Andreu Rodríguez, (ES/PSE)) , il-KtR “ jitlob li l-istituzzjonijiet Ewropej, li waħda minnhom hija l-Kumitat tar-Reġjuni, jadottaw kodiċijiet ta’ kondotta li jiffavorixxu l-parteċipazzjoni fuq termini ugwali tan-nisa u l-irġiel fil-kompożizzjoni u fil-pożizzjonijiet ta’ tmexxija tagħhom, bl-għan aħħari jkun il-parità bejn il-ġeneri fost il-membri tal-KtR .”
Il-KtR, bħala korp tal-UE, adotta strateġija dwar il-ġeneri fl-2018 li qed tiġi aġġornata fuq bażi regolari. F’Marzu 2018, il-Bureau tal-KtR adotta politika li skontha ma jkun hemm l-ebda panel magħmul biss minn irġiel għal avvenimenti u konferenzi proprji, ospitati u koorganizzati.
L-informazzjoni kollha dwar l-attività tal-KtR għall-promozzjoni tal-bilanċ bejn il-ġeneri fil-livell lokali u reġjonali tinsab hawnhekk .
Persuna ta’ kuntatt:
Matteo Miglietta
Tel. +32 (0)470 895 382
matteo.miglietta@cor.europa.eu