Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
Il-koalizzjoni fl-UE kollha tħeġġeġ lill-gvernijiet nazzjonali biex jinvolvu lir-reġjuni u l-bliet fit-tħejjija tal-pjani ta’ rkupru għal wara l-COVID-19 u biex jevitaw “distakk fir-rigward tal-vaċċini” fl-Ewropa  

Lejlet il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew, il- #Cohesion Alliance – alleanza minn madwar l-UE kollha ta’ 12000 firmatarju favur politika ta’ koeżjoni aktar b’saħħitha wara l-2020 – tappella lill-Istati Membri biex jaħdmu fi sħubija mal-gvernijiet lokali u reġjonali fit-tfassil, l-implimentazzjoni u l-governanza tal-pjani nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza. L-Alleanza tal-Koeżjoni tħeġġeġ ukoll lill-parlamenti nazzjonali biex jirratifikaw id-deċiżjoni dwar ir-riżorsi proprji malajr kemm jista’ jkun, li tippermetti lill-Kummissjoni Ewropea tissellef sa EUR 750 biljun mis-swieq kapitali biex tindirizza l-effetti negattivi tal-kriżi tal-COVID-19. Barra minn hekk, l-Alleanza twissi lill-mexxejja tal-UE kontra r-riskju ta’ kompetizzjoni għall-vaċċini, peress li dan iżid l-inugwaljanzi bejn ir-reġjuni, il-bliet u l-irħula Ewropej.

Il-gvernijiet lokali u reġjonali kienu fuq quddiem nett tal-kriżi tas-saħħa sa mill-bidu tagħha, u se jaqdu rwol ewlieni fit-twettiq ta’ rkupru ġust, sostenibbli u reżiljenti fl-Ewropa. Madankollu, hekk kif l-Istati Membri qed iħejju l-pjani ta’ rkupru nazzjonali tagħhom, jidher ċar li f’ħafna pajjiżi r-reġjuni, il-bliet u l-muniċipalitajiet tagħna, kif ukoll l-imsieħba soċjoekonomiċi tagħna, mhumiex qed jiġu involuti b’mod sinifikanti fil-proċess tal-ippjanar .

L-irkupru tal-Ewropa jista’ jkun reżiljenti biss jekk l-irkupru jkun reżiljenti wkoll fir-reġjuni, il-bliet u l-irħula kollha tagħha. Il-ħtiġijiet tagħhom huma diversi, u rkupru effettiv huwa possibbli biss jekk nirrikonoxxu u nindirizzaw id-diversi sfidi u distakki li jiffaċċjaw it-territorji kollha tal-Ewropa, miż-żoni rurali u dawk l-aktar iżolati sal-aktar żoni urbanizzati, mill-gżejjer sar-reġjuni muntanjużi, ir-reġjuni skarsament popolati u reġjuni tal-fruntiera. L-investimenti jeħtieġ li jissodisfaw il-ħtiġijiet territorjali. Jekk il-gvernijiet lokali u reġjonali ma jsemmux leħinhom fit-tfassil, l-implimentazzjoni u l-governanza tal-pjani nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza, hemm riskju serju li ħafna reġjuni jitħallew lura. Il-gvernijiet lokali u reġjonali huma responsabbli għal terz tan-nefqa pubblika u għal nofs l-investiment pubbliku fl-UE. Mingħajr il-parteċipazzjoni tagħhom, l-irkupru mhu se jseħħ qatt.

Is-solidarjetà Ewropea tfisser li tingħata prova permezz ta’ azzjoni li l-koeżjoni hija valur fundamentali għall-UE. Għalhekk nappellaw lill-Istati Membri kollha biex jaħdmu fi sħubija mal-gvernijiet lokali u reġjonali, l-imsieħba soċjoekonomiċi u s-soċjetà ċivili fit-tfassil, l-implimentazzjoni u l-governanza tal-pjani nazzjonali ta’ rkupru li għandhom jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni Ewropea sal-aħħar ta’ April. Aħna nenfasizzaw il-ħtieġa li jiġu rispettati bis-sħiħ il-prinċipji tas-sħubija u l-governanza f’diversi livelli, u għal approċċ ibbażat fuq il-post f’dan il-proċess.

L-Alleanza tal-Koeżjoni laqgħet il-ħolqien tal-istrument ta’ rkupru ta’ EUR 750 biljun ta’ Next Generation EU, magħruf ukoll bħala l- Pjan ta’ Rkupru għall-Ewropa , bħala mument storiku għall-Unjoni Ewropea. Issa wasal iż-żmien li nsarrfu f’azzjoni l-aktar pjan ta’ investiment b’saħħtu li qatt ġie implimentat mill-UE. Madankollu, fadal wisq Stati Membri li għad iridu jirratifikaw id-deċiżjoni dwar ir-riżorsi proprji , il-leġiżlazzjoni li tippermetti lill-Kummissjoni Ewropea tissellef sa EUR 750 biljun mis-suq kapitali biex tindirizza l-konsegwenzi tal-kriżi tal-COVID-19. Ir-ratifika rapida tagħha mill-pajjiżi kollha tal-UE hija essenzjali biex tingħata spinta lill-irkupru fl-Ewropa permezz ta’ fondi ġodda. Għalhekk, il-parlamenti nazzjonali għandhom jirratifikaw id-deċiżjoni malajr kemm jista’ jkun .

Fl-aħħar nett, is-solidarjetà Ewropea tfisser li naħdmu flimkien biex inwettqu kampanja ta’ tilqim tassew Ewropea. Kampanja frammentata mhi ta’ ġid għal ħadd u ddgħajjef l-irkupru billi żżid l-inugwaljanzi bejn ir-reġjuni Ewropej. Din hija r-raġuni għaliex, qabel is-Summit Ewropew, l-Alleanza tal-Koeżjoni twissi lill-mexxejja tal-UE kontra r-riskju ta’ kompetizzjoni għat-tilqim fuq il-post. Nappellaw għal koordinazzjoni mill-qrib bejn l-UE, il-gvernijiet reġjonali u nazzjonali biex jiġi żgurat li l-ħtiġijiet u l-aspettattivi taċ-ċittadini kollha tagħna jintlaħqu.

Irridu nagħmlu l-almu kollu tagħna biex nevitaw “distakk fir-rigward tal-vaċċini” li jżid l-inugwaljanzi bejn ir-reġjuni, il-bliet u l-irħula tagħna.

Ikkuntattja lis-segretarjat:

CohesionAlliance@cor.europa.eu

Ikkondividi :