Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
L-irkupru tal-UE mhux se jkun effettiv mingħajr politika ta’ koeżjoni soda mibnija fi sħubija ġenwina mal-bliet u r-reġjuni Ewropej  

Il-koalizzjoni fl-UE kollha tħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-gvernijiet nazzjonali biex jippromovu sinerġiji bejn l-istrumenti ta’ rkupru u l-fondi strutturali biex jiġi massimizzat l-impatt tal-azzjoni Ewropea.

Il-kriżi tal-COVID-19 uriet li l-politika ta’ koeżjoni issa hija meħtieġa aktar minn qatt qabel biex issaħħaħ ir-reżiljenza fl-Ewropa, tipproteġi liċ-ċittadini, twassal l-irkupru f’kull rokna tal-Unjoni Ewropea u tiżgura li ħadd ma jitħalla jibqa’ lura. Sa mill-ħolqien tagħha f’Ottubru 2017, #CohesionAlliance – alleanza minn madwar l-UE kollha ta’ 12 000 firmatarju favur politika ta’ koeżjoni aktar b’saħħitha – irnexxielha tevita tnaqqis baġitarju drammatiku wara l-2020, iżżomm politika ta’ koeżjoni għar-reġjuni kollha fl-Unjoni u tipproponi regoli aktar sempliċi u flessibbli. Matul vidjokonferenza ddedikata għall-perkors il-ġdid ta’ #CohesionAlliance, il-membri fundaturi tagħha ġeddew l-impenn tagħhom biex jingħaqdu flimkien u jżommu l-politika ta’ koeżjoni bħala prijorità ewlenija tal-UE. #CohesionAlliance se tkun viġilanti sabiex il-prinċipju tas-sħubija jiġi applikat bis-sħiħ mill-Istati Membri fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni 2021-2027. Il-koerenza u s-sinerġiji bejn l-istrumenti ta’ rkupru u l-fondi strutturali huma ta’ importanza kbira biex jiġu evitati d-duplikazzjonijiet u jiġi massimizzat l-impatt tal-azzjoni Ewropea.

Xahrejn wara d-dħul fis-seħħ tar- regolamenti l-ġodda tal-politika ta’ koeżjoni għall-perjodu 2021-2027, #CohesionAlliance qieset ir-riżultati tal-attività tagħha s’issa u ddeskriviet l-impenji futuri tagħha, abbażi tad- Dikjarazzjoni 2.0 imġedda u adottata f’Lulju 2020 . Il-ħidma ta’ #CohesionAlliance se tkun iffukata fuq l-implimentazzjoni b’suċċess u t-twettiq tal-politika ta’ koeżjoni mingħajr aktar dewmien, fl-ispirtu ta’ sħubija ġenwina u f’sinerġija ma’ strumenti oħra, biex b’hekk jiġi promoss il-kunċett ta’ koeżjoni bħala valur ġenerali u fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

L-awtoritajiet lokali u reġjonali enfasizzaw it-talba urġenti biex il-miżuri ta’ flessibbiltà introdotti s-sena l-oħra jiġu estiżi biex jimmobilizzaw il-fondi strutturali tal-UE u l-għajnuna mill-Istat fil-ġlieda kontra l-COVID-19. Din il-kwistjoni tqajmet ukoll fi skambju ta’ ittri mal-President Ursula von der Leyen, li rrikonoxxiet ir-restrizzjonijiet baġitarji li ħafna awtoritajiet reġjonali u lokali jistgħu jkunu qed jiffaċċjaw bħalissa minħabba l-pandemija. Fir-rigward tal-estensjoni potenzjali tar-rata ta’ kofinanzjament ta’ 100 % għall-fondi strutturali, l-imsieħba tal-Alleanza apprezzaw bil-kbir l-impenn tal-Kummissjoni li tissorvelja mill-qrib is-sitwazzjoni u tikkunsidra azzjoni ulterjuri jekk ikun meħtieġ.

Id-diskussjoni wriet li l-missjoni ta’ #CohesionAlliance għadha ’l bogħod milli tintemm. L-irkupru Ewropew irid jibda miċ-ċittadini fuq il-post, u mhux se jkun ta’ suċċess jekk l-ilħna tagħhom u dawk tal-politiċi lokali u reġjonali – li huma l-eqreb għall-ħtiġijiet tagħhom – ma jitqisux mill-istituzzjonijiet tal-UE u l-gvernijiet nazzjonali.

Apostolos Tzitzikostas , Presiden t tal- Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR) u Gvernatur tar-Reġjun tal-Maċedonja Ċentrali (GR), qal: “ L-isforzi ta’ #CohesionAlliance kkontribwew biex jiġi evitat tnaqqis baġitarju kbir wara l-2020 u biex tiġi promossa l-koeżjoni bħala prinċipju ta’ gwida għall-pjani ta’ rkupru tal-UE . Issa, jeħtieġ li niffukaw fuq il-programmazzjoni u l-implimentazzjoni. Sabiex nagħmlu dan, jeħtieġ li nqisu bir-reqqa aspetti ewlenin bħall-applikazzjoni tal-prinċipju tas-sħubija fil-programmi l-ġodda; l-impatt tal-miżuri relatati mal-COVID-19 u l-konsegwenzi tat-tmiem tal-applikazzjoni tagħhom – suġġett li indirizzajna fi skambju ta’ ittri produttiv mal-President von der Leyen; id-dimensjonijiet rurali u urbani tal-politika ta’ koeżjoni; u s-sinerġiji bejn il-koeżjoni u l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza ”.

Matul l-istqarrija tagħha, il-Kummissarju għall-Koeżjoni u r-Riformi Elisa Ferreira qalet: “ Il-koeżjoni għandha tibqa’ l-pedament tal-irkupru. Huwa wara l-kriżijiet li jiżdiedu l-assimetriji. L-Alleanza tal-Koeżjoni hija meħtieġa aktar minn qatt qabel. Il-Ftehimiet ta’ Sħubija għall-Politika ta’ Koeżjoni 2021-2027 se jkunu strumentali. Irridu nħaffu n-negozjati tagħhom, iżda ma tistax tiġi kompromessa l-kwalità. Nafda fl-appoġġ tagħkom biex niżguraw ukoll li l-implimentazzjoni tal-politiki u l-istrumenti l-oħra tagħna ma tkunx għamja għad-dimensjoni spazjali u tappoġġja l-iżvilupp fit-tul tar-reġjuni kollha. Jiena tlabt lill-Istati Membri biex ikunu konxji tad-dimensjoni territorjali fit-tħejjija tal-Pjani għall-Irkupru u r-Reżiljenza tagħhom, kemm fil-konsultazzjoni u l-involviment mal-partijiet ikkonċernati reġjonali kif ukoll fil-fażi ta’ implimentazzjoni. Aħna se nilħqu l-objettivi tagħna biss billi niżguraw li l-istrumenti tagħna jaħdmu fl-istess direzzjoni. Il-promozzjoni tal-koeżjoni ma tistax tkun biss ir-responsabbiltà tal-politika ta’ koeżjoni. Huwa għalhekk li jeħtiġilna nimmobilizzaw l-atturi rilevanti kollha, inklużi l-partijiet interessati lokali u ċ-ċittadini bħala msieħba sħaħ, filwaqt li niżguraw li l-prijoritajiet ekoloġiċi u diġitali l-ġodda jkunu fattibbli għal kulħadd”.

Younous Omarjee , President tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali tal-Parlament Ewropew, iddikjara: “ Huwa essenzjali li l-fondi ta’ rkupru bħala prijorità jkunu indirizzati għar-reġjuni l-anqas żvilupp ati u għal dawk ir-reġjuni l-aktar milquta mill-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali tal-COVID-19. Nappella lill-Istati Membri jinvolvu kemm jista’ jkun lir-reġjuni u lill-bliet u jiżguraw li dawn il-fondi jmorru kemm jista’ jkun qrib il-ħtiġijiet taċ-ċittadini. Nappella wkoll lill-Istati Membri biex ikunu konsistenti. L-irkupru fuq perjodu qasir u l-politika ta’ koeżjoni fit-tul huma żewġ naħat tal-istess munita u għandhom jaqdu l-istess għan. Jekk l-irkupru fuq perjodu qasir ma jkunx konsistenti mal-objettivi fit-tul stabbiliti mill-fondi ta’ koeżjoni, id-disparitajiet ekonomiċi, soċjali u territorjali se jkomplu japprofondixxu u l-isforzi kollha tagħna fit-tul se jinqerdu” .

ILĦNA TA’ #COHESIONALLIANCE:

Ilaria Bugetti , kelliema għall-iżvilupp territorjali tal- Kunsill tal-Muniċipalitajiet u r-Reġjuni Ewropej (CEMR) dwar il-koeżjoni u Kunsillier għar-Reġjun tat-Toskana (IT), qalet: “ Fil-fażi tal-programmazzjoni tal-fondi ta’ koeżjoni tal-UE, xorta waħda stajna naraw każijiet fejn il-gvernijiet lokali u reġjonali ma kinux involuti kif suppost, jew minħabba nuqqas ta’ żmien għall-konsultazzjoni jew minħabba kuntatt inadegwat fil-livell ministerjali. Jeħtiġilna negħlbu l-ostakli li fadal fis-snin li ġejjin għall-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-fondi. Il-ħidma tal-Alleanza tal-Koeżjoni għadha ’l bogħod milli tintemm!

Cees Loggen , President tal- Konferenza tar-Reġjuni Periferiċi Marittimi (CPMR) u Ministru Reġjonali tal-Provinċja tal-Olanda tat-Tramuntana (NL), qal: “ Jista’ jimmaterjalizza dewmien bla preċedent fl-ambitu tal-politika ta’ koeżjoni futura minħabba l-adozzjoni tardiva tal-leġiżlazzjoni. Ir-reġjuni se jġorru l-piż. Mhux se jkunu jistgħu jibdew jonfqu filwaqt li l-ekonomiji reġjonali għandhom bżonn kbir ta’ investimenti biex jappoġġjaw l-irkupru. Inħeġġu lill-Kummissjoni tiffaċilita l-implimentazzjoni bla xkiel tal-programmi ta’ koeżjoni u l-parteċipazzjoni tar-reġjuni fil-pjani ta’ rkupru, peress li s-sinerġiji bejn il-fondi jwasslu biex jinkisbu riżultati aktar malajr.

Karl-Heinz Lambertz , President tal- Assoċjazzjoni ta’ Reġjuni mal-Fruntieri Ewropej u Membru tal-Parlament tal-Komunità li titkellem bil-Ġermaniż fil-Belġju, qal: “ Il-kooperazzjoni transfruntiera hija element essenzjali tal-politika ta’ koeżjoni tal-UE. Dak li jiġri fil-fruntieri interni tal-Unjoni għandu impatt kbir fuq il-kapaċità tal-Unjoni li tirrispondi għall-isfidi ewlenin ta’ żminijietna. Il-kapaċità tal-UE li taġixxi tissaħħaħ b’mod konsiderevoli jekk il-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni transfruntiera propost mill-Kummissjoni jiġi finalment adottat mill-Kunsill”. 

Kata Tüttő , membru ta’ Eurocities u Viċi Sindku tal-Belt ta’ Budapest (HU), qalet: L-investimenti li ġejjin permezz tal-politika ta’ koeżjoni tal-UE se jkunu importanti aktar minn qatt qabel. Se jkun kruċjali li jiġu ffinanzjati l-proġetti u r-riformi li jpoġġu lill-bliet u lir-reġjuni kollha tal-Ewropa fit-triq tal-irkupru ekoloġiku u ġust. Bħala mexxejja lokali, għandna rwol ċentrali biex niżguraw li dawn il-flus ikunu mmirati fejn huma l-aktar meħtieġa u fejn l-aktar huma ta’ benefiċċju għan-nies. Nistgħu nkunu msieħba imprezzabbli għall-UE meta l-prinċipju tas-sħubija jiġi implimentat bis-sħiħ fil-partijiet kollha tal-UE. L-investiment fiż-żoni urbani tal-Ewropa se jappoġġja r-reżiljenza fit-tul tal-Ewropa u jgħinna lkoll inkunu aktar b’saħħitna f’każ ta’ kriżi futura ”.

Jean-Claude Marcourt , President tal-Grupp ta’ Ħidma “Leġiżlazzjoni Ewropea u Investimenti Pubbliċi” tal- Konferenza tal-Assembleji Leġiżlattivi Reġjonali tal-Unjoni Ewropea (CALRE) u President tal-Parlament ta’ Wallonia (BE), qal: “ Il-bliet u r-reġjuni jeħtiġilhom ikollhom l-ambizzjoni li jsaħħu l-koeżjoni tat-territorji tagħhom, inaqqsu d-disparitajiet u l-inugwaljanzi filwaqt li jgħollu l-istandards ekonomiċi, soċjali u ambjentali f’konformità mal-valuri u l-prinċipji demokratiċi li huma s-sisien ta’ Unjoni Ewropea għanja u sostenibbli ”. 

Magnus Berntsson , President tal- Assemblea tar-Reġjuni Ewropej (AER) u Viċi President tar-Reġjun ta’ Västra Götaland (SE), iddikjara fil-marġini tal-konferenza: “ Il-politika ta’ koeżjoni l-ġdida tista’ tkun verament trasformattiva għall-komunitajiet rurali madwar l-Ewropa. L-AER timpenja ruħha bis-sħiħ li taħdem flimkien mal-gvernijiet nazzjonali u l-Kummissjoni Ewropea biex twettaq politika ta’ koeżjoni li tibni mill-ġdid b’mod aħjar ir-reġjuni rurali; billi tiżgura li dawn ikunu konnessi aħjar, aktar reżiljenti, vibranti u għanja sal-2040 ”.

Ikkuntattja lis-segretarjat:

CohesionAlliance@cor.europa.eu

Share: