Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
Emerġenza klimatika: mexxejja lokali u reġjonali jappellaw għal Patt Ekoloġiku għall-Mediterran  
Barċellona tospita l-avvenimenti tal-10 anniversarju tal-Assemblea Reġjonali u Lokali Ewro-Mediterranja, li tqis it-tisħin globali bħala xprun għal kooperazzjoni aktar profonda fil-Mediterran

Fl-isfond tal-maltempata Gloria bħala mistiedna mhux mistennija, l-Assemblea Reġjonali u Lokali Ewro-Mediterranja (ARLEM) iċċelebrat l-10 anniversarju tagħha fil-belt fejn kellha l-ewwel laqgħa tagħha: Barċellona. Il-belt kapitali Katalana laqgħet aktar minn 100 rappreżentant tal-awtoritajiet lokali u reġjonali mit-tlett ixtut tal-Mediterran, u t-tibdil fil-klima kien fil-quċċata tal-aġenda. Ir-reġjun huwa rikonoxxut bħala partikolarment vulnerabbli għat-tisħin globali.

Karl-Heinz Lambertz , President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni u kopresident tal-ARLEM, iddikjara: “ L-Unjoni Ewropea affermat mill-ġdid ir-rwol tagħha ta’ tmexxija fil-qasam tal-klima billi pproponiet il- Patt Ekoloġiku bħala t-triq lejn in-newtralità tal-klima. It-tibdil fil-klima ma jirrikonoxxix fruntieri, u huwa għalhekk li rridu naħdmu wkoll mill-qrib mal-imsieħba ġirien tagħna sabiex ilkoll kemm aħna nistgħu nħaffu l-isforzi tagħna biex nadattaw u nibnu r-reżiljenza. Irridu nespandu dan il-mudell ta’ tkabbir sostenibbli u nistabbilixxu Patt Ekoloġiku speċifiku għall-Mediterran, li joffri patt dwar il-klima li jsaħħaħ il-kooperazzjoni u joffri għodod finanzjarji ġodda biex titwettaq azzjoni klimatika fir-reġjun. Hekk kif l-ARLEM tiċċelebra l-10 anniversarju tagħha, l-iżvilupp sostenibbli jrid isir l-ixprun għall-Assemblea tagħna biex tiġi approfondita l-kooperazzjoni għad-deċennji li ġejjin.

Mohamed Boudra , Sindku ta’ Al Hoceima (il-Marokk) u kopresident tal-ARLEM, qal: “Fi żmien għaxar snin, l-ARLEM uriet benefiċċji tanġibbli li jmorru lil hinn mit-tisħiħ tad-djalogu politiku bejn il-bliet u r-reġjuni tagħna. L-inizjattiva ta’ Nikosija, li permezz tagħha jsir skambju ta’ ħiliet u għarfien espert dwar oqsma ewlenin bħall-ġestjoni tal-ilma, is-sajd jew is-saħħa pubblika, hija eżempju perfett ta’ dan. Hekk kif it-tisħin globali jolqot it-territorji tagħna u ż-żieda fil-livelli tal-baħar qed thedded l-agrikoltura tagħna, għandna responsabbiltà komuni biex naħdmu flimkien biex nindirizzaw it-tibdil fil-klima daqs kemm għandna d-dmir li nużaw mudell ta’ tkabbir li jipprovdi liż-żgħażagħ tagħna b’impjiegi ġodda u opportunitajiet ekonomiċi.”

Nasser Kamel , Segretarju Ġenerali tal-Unjoni għall-Mediterran (UgħM), qal: “ Illum qed inħabbtu wiċċna ma’ emerġenza klimatika fil-Mediterran . ‎U huwa faċli li nifhmu li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jinsabu fuq quddiem nett meta jindirizzaw l-effetti tat-tibdil fil-klima. Il-bliet u r-reġjuni huma l-ewwel linja ta’ difiża. ‎Is-suċċess ta’ miżuri effettivi li jjtaffu l-effetti negattivi tat-tibdil fil-klima u jadattaw għalihom jiddependi ħafna fuq il-miżuri regolatorji li huma jinfurzaw, fuq il-politiki li jadottaw u l-proġetti li huma jimplimentaw. ‎L-UgħM hija lesta tappoġġja, id f’id mal-ARLEM, dawk l-isforzi li jgħinu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jiffaċċjaw din l-isfida komuni.

“Il-baħar huwa /jixhed għall-qagħda mwiegħra tal-ambjent tagħna. Sa 30,000 flixkun jispiċċaw fil-Mediterran kull minuta. Tranżizzjoni sostenibbli hija urġenti u meħtieġa ħafna, u l-ekonomija blu hija opportunità biex din tintlaħaq. ” Dan kien il-messaġġ prinċipali ta’ Vincenzo Bianco , membru tal-Kunsill tal-Belt ta’ Catania u President tal-Assoċjazzjoni Nazzjonali tal-Muniċipalitajiet Taljani fil-kuntest tal-adozzjoni tar- rapport tiegħu dwar l-ekonomija blu .

L-Assemblea adottat ukoll rapport dwar "L-integrazzjoni Ewro-Mediterranja: ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali" minn Jihad Khair , Sindku ta’ Beit Sahour, il-Palestina, li qal: “L-awtoritajiet lokali u reġjonali wrew li huma kruċjali biex tingħata spinta lill-integrazzjoni reġjonali fil-Mediterran u rridu nkomplu bl-isforzi tagħna fl-istess direzzjoni. Il-qafas komuni tagħna għal azzjoni huwa l-Aġenda 2030 tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tagħha. Dawn jistgħu jintlaħqu biss bl-involviment attiv tal-awtoritajiet lokali u reġjonali. Żewġ oqsma ta’ prijorità jridu jixprunaw il-kooperazzjoni tagħna: il-migrazzjoni u t-tibdil fil-klima. Flimkien, nistgħu nimxu ’l quddiem b’mod ferm aħjar.”

Il-11-il sessjoni plenarja tal-ARLEM infetħet minn Ada Colau , Sindku ta’ Barċellona, u mill-membru tal-KtR Alfred Bosch , Ministru Reġjonali għall-Azzjoni Esterna, ir-Relazzjonijiet Istituzzjonali u t-Trasparenza tal-Gvern tal-Katalonja.

F’dil-laqgħa, Musa Hadid , Sindku ta’ Ramallah u President tal-Assoċjazzjoni tal-Awtoritajiet Lokali Palestinjani (APLA), inħatar bħala kopresident tal-ARLEM li jirrappreżenta l-membri mhux tal-UE. “Nixtieq nirringrazzja lill-kollegi tiegħi għall-opportunità li ngħatatli li nikkopresjedi n-netwerk tal-ARLEM. Irridu nkomplu nsaħħu l-kooperazzjoni tagħna biex negħlbu l-ħafna sfidi li qed niffaċċjaw.

Il-membri ħatru lil Lizzy Delaricha , Sindku ta’ Ganei Tikval (Iżrael), bħala relatur ta’ rapport futur dwar id-diġitalizzazzjoni tan-negozji ż-żgħar.

Agnès Rampal , Membru tal-Kunsill tal-Belt ta’ Nizza (Franza) u President tal-Kummissjoni Ewro-Mediterranja ta’ Provence-Alpes-Côte d’Azur, inħatret bħala relatur ta’ rapport intitolat “Ir-rwol tal-agrikoltura fiż-żoni sensittivi għall-klima”, li hija tqis bħala kontribut ewlieni għal Patt Ekoloġiku għall-Mediterran.

It-2 edizzjoni tal- Premju tal-ARLEM għal Intraprenditorija Lokali Żagħżugħa fil-Mediterran ngħata lil Rima Dates , kumpanija Alġerina li tipproduċi prodotti mit-tamal bħax-xiropp, il-ħall tat-tamal u t-tamal mimli bil-ġewż u ċ-ċikkulata. Il-kofundatur Hamou Boussada qal: “ Bdejna bit-tir li nħaddmu b’mod ġdid it-tamal tradizzjonali tal-oażi sabiex b’mod modern nintroduċu prodotti ġodda għas-suq. Issa ninsabu kburin bl-impatt pożittiv li l-intrapriża tagħna kellha fil-komunità lokali. Il-Premju tal-ARLEM jagħtina motivazzjoni ġdida biex inkomplu bl-espansjoni tagħna bl-istess spirtu ta’ sostenibbiltà u bidla soċjali pożittiva.

Erba’ negozji oħra kienu inklużi fil-lista tal-finalisti: start-up tar-riċiklar mil-Lebanon u tlieta mnn Iżrael – kumpanija tal-enerġija mill-mewġ , assoċjazzjoni tat-taħriġ mingħajr skop ta’ qligħ, u aċċeleratur tan-negozju wkoll mingħajr skop ta’ qligħ. Il-kriterji tal-għażla tal-Premju tal-ARLEM jinkludu l-impatt fuq il-ħolqien tal-impjiegi, l-impatt fuq il-komunità, il-valur innovattiv, ir-rispett għad-drittijiet soċjali tal-ħaddiema u l-appoġġ jew il-faċilitazzjoni mill-awtoritajiet lokali jew reġjonali. Erbgħin proġett minn għaxar pajjiżi differenti applikaw għall-Premju tal-ARLEM 2020.

Persuna ta’ kuntatt : David Crous // +32 470 88 10 37 // david.crous@cor.europa.eu

Ikkondividi :