Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
Tibdil fil-klima: aktar ambizzjoni u governanza ġdida meħtieġa biex jitwettaq il-ftehim ta’ Pariġi  
Il-bliet u r-reġjuni jappellaw lill-UE biex iżżid l-ambizzjoni, tagħti spinta lill-investimenti lokali dwar il-klima filwaqt li tipproponi bidla fil-governanza li tinvolvi formalment il-gvernijiet lokali

Ħames xhur qabel it-taħdidiet dwar il-klima tal- COP24 tan-NU f’Katowice, il-Polonja, il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR) organizza dibattitu ta’ livell għoli dwar l-azzjoni klimatika. Il-mexxejja lokali u reġjonali tal-UE adottaw opinjoni dwar il-Governanza Klimatika wara l-2020 , li tiddefinixxi l-pożizzjoni tagħha dwar kif jiġi implimentat il-ftehim ta’ Pariġi fil-prattika – l-hekk imsejħa ġabra ta' regoli ta' Pariġi . Mingħajr l-involviment formali tal-gvernijiet lokali u reġjonali, tibqa’ differenza bejn il-wegħdiet klimatiċi u l-kisbiet meħtieġa biex iż-żjieda fit-temperatura tinżel sew taħt it-2°C. Il-KtR jappoġġja l-proposta tar-relatur Andrew Cooper (UK/AE) biex jitnaqqas id-distakk fl-emissjonijiet permezz ta’ Kontributi Determinati fil-livell Lokali (LDCs).

Il-President tal-KtR Karl-Heinz Lambert fetaħ id-dibattitu li sar fi Brussell u rrefera għall- miri tal-enerġija u l-klima tal-UE għall-2030 , li reċentement ġew adottati, u qal, “L-UE qed tkompli turi tmexxija dwar it-tibdil fil-klima iżda jekk mhux se nistabbilixxu miri aktar ambizzjużi, niddedikaw aktar investiment lokali u nagħmlu bidla fundamentali fil-governanza klimatika, m’aħniex ser inwettqu l-wegħdiet tagħna li għamilna f’Pariġi. Kemm fil-livell tan-NU kif ukoll tal-UE, neħtieġu b’mod urġenti governanza ġdida klimatika bi strutturi permanenti li jinkorporaw il-fehmiet, is-soluzzjonijiet u l-kontributi magħmulin mill-bliet u r-reġjuni.”

Il-Kummissarju tal-UE għall-klima u l-enerġija, Miguel Arias Cañete , qal: "Id-Djalogi f’diversi livelli dwar il-Klima u l-Enerġija li l-Istati Membri għandhom jorganizzaw biex ifasslu pjani nazzjonali tal-enerġija u ta’ azzjoni huma opportunità għall-awtoritajiet reġjonali u lokali biex jinfluwenzaw l-iżvilupp tal-Unjoni tal-Enerġija. Il-miri l-ġodda tal-UE jfissru li nistgħu ngħollu l-livell ta’ ambizzjoni tagħna fit-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ CO2 minn 40 % kif inhu attwalment għal ftit iktar minn 45 % sal-2030. Dan il-fatt ipoġġi lill-UE f’pożizzjoni b’saħħitha għall-Konferenza dwar il-Klima tan-NU li jmiss f’Katowice. Għandna bżonn ta’ qafas ta’ governanza b’saħħtu u trasparenti fil-ftehim ta’ Pariġi, u d-djalogu u l-involviment tar-reġjuni huma kruċjali.”

Dwar il-finanzi, il-Kummissarju Arias Cañete enfasizza li EUR 379 biljun ta’ investimenti huma meħtieġa kull sena bejn 2021 u l-2030 u fakkar li 25 % tan-nefqa tal-UE għal dak l-istess perjodu huwa ffukat fuq l-objettivi tal-klima. Il-Kummissarju Spanjol ta ħarsa ġenerali tal-programmi finanzjarji ewlenin tal-UE disponibbli għall-appoġġ tal-azzjoni klimatika bħall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta’ Koeżjoni; il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa; il-Programm InvestEU; il-programm Orizzont Ewropa bi EUR 15-il biljun għall-klima, l-enerġija u l-mobilità; u s-sottoprogramm il-ġdid Transizzjoni Nadifa għall-Enerġija propost taħt LIFE b'baġit ta' EUR 1 biljun. Biex jiġu appoġġjati l-aktar reġjuni vulnerabbli, l-UE stabbilixxiet programmi speċifiċi bħal Reġuni tal-Faħam fi Tranżizzjoni u Enerġija Nadifa għall-Ġżejjer Ewropew.

Tomasz Chruszczow, il-Mibgħut Speċjali dwar il-Bidla fil-Klima u ċ-Champion ta 'Livell Għoli dwar il-Klima tal-Polonja qal: "Il-bliet u r-reġjuni huma verament dawk li jġibu l-bidla. Il-ftehim dwar il-klima ta’ Pariġi jista' jkun ta 'suċċess biss jekk jiġi implimentat minn kulħadd: il-pajjiżi, il-bliet u r-reġjuni, in-negozji, il-komunitajiet u l-individwi kollha. Is-slogan tal-COP24 tal-Presidenza Pollakka hija “Ninbidlu flimkien”. Nittamaw li l-isforzi konġunti tagħna jistgħu, u se, iġibu l-bidla li għandna bżonn.”

B'segwitu għall-objettivi klimatiċi miftiehma f'Pariġi fl-2015, Katowice hija mistennija li twassal il-linji gwida u l-modalitajiet dwar kif tintlaħaq il-mira taż-żamma tat-temperatura dinjija ferm taħt iż-2°C. Aspett ewlieni huwa l-qafas ta’ trasparenza li għandu jinkludi l-mod kif il-pajjiżi jimmonitorjaw u jirrapportaw il-progress dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet, li huwa kruċjali biex tinbena l-fiduċja fost il-komunità internazzjonali.

Andrew Cooper, membru tal-kunsill ta’ Kirklees fir-Renju Unit u r-relatur dwar il-Governanza klimatika wara l-2020 iddikjara: "Minn meta ġie adottat il-ftehim ta' Pariġi rajna status dejjem jiżdied għall-gvernijiet lokali u reġjonali fit-taħdidiet internazzjonali dwar il-klima. Issa wasal iż-żmien li tiġi rikonoxxuta l-governanza f’diversi livelli u jiġi formalizzat ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-governanza globali klimatika. Il-Kontributi Determinati fil-Livell Nazzjonali (NDCs) mhux qed jirnexxilhom jilħqu l-għanijiet tal-ftehim ta’ Pariġi biex iż-żieda fit-temperatura tinżamm sew taħt iż-2°C, aħseb u ara taħt il-1,5. Aħna nipproponu sistema ta’ Kontributi Determinati fil-Livell Lokali u Reġjonali biex jikkomplementaw il-wegħdiet nazzjonali. Mhumiex biss il-bliet u r-reġjuni dawk li jistgħu jnaqqsu d-distakk fl-emissjonijiet, aħna huma wkoll dawk li nistgħu nuru li aktar ambizzjoni hija possibbli.”

Ashok-Alexander Sridharan, is-Sindku ta’ Bonn u l-President tal-ICLEI , irrimarka: "Il-bliet u r-reġjuni jinsabu fuq quddiem nett tal-azzjoni klimatika. Is-summit dwar il-klima tal-mexxejja lokali u reġjonali f'Bonn is-sena l-oħra ta sinjal inekwivoku lill-komunità internazzjonali: aħna nappoġġjaw azzjoni aktar u iktar mgħaġġla biex inwasslu l-ftehim ta’ Pariġi. Il-ġabra ta’ regoli ta’ Pariġi għandha tintegra sistema li permezz tagħha t-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-bliet u r-reġjuni jikkontribwixxu għall-iskemi nazzjonali ta’ traċċar. Irridu niżguraw li l-Kontributi Determinati fil-livell Lokali huma viżibbli fil-ġabra ta’ regoli ta’ Pariġi.”

Mariusz Skiba, Viċi Sindku ta’ Katowice qal: "L-għan ta' Katowice għall-COP 24 huwa li juri kif belt tista’ tgħaddi minn proċess ta' ristrutturar fil-fond fi żmien qasir. Storikament, Katowice dejjem kienet assoċjati mal-minjieri tal-faħam u l-inġinerija tqila, bħal fir-reġjun kollu ta’ Sileżja. Kemm il-proċess tar-rivitalizzazzjoni kif ukoll dak tar-reindustrijalizzazzjoni biddlu Katowice f’ambjent ta’ ħbiberija u f’belt verament ekoloġika, u issa hija speċjalizzat f’teknoloġiji intensivi tal-iżvilupp, servizzi tan-negozju, is-settur bankarju, l-akkademiċi u t-turiżmu. Irridu nuru lil kulħadd dik il-bidla.”

Illum jeżistu diversi inizjattivi globali biex jittraċċaw il-progress dwar il-klima miksub minn gvernijiet lokali u reġjonali. Il-Patt tas-Sindki u l- Carbon Climate Registry huma żewġ eżempji tajbin ta’ dan. Madankollu, il-Ftehim ta’ Pariġi għadu ma jipprevedix b’mod formali għall-monitoraġġ tal-emissjonijiet u r-rappurtar tal-qtugħ mill-bliet u r-reġjuni, la fi ħdan il-Kontributi Determinati fil-Livell Nazzjonali u lanqas permezz ta’ sistema diretta tan-NU.

Ritratti tas-Sessjoni Plenarja u ż-Żjara tal-Istampa dwar l-Azzjoni Klimatika huma disponibbli hawnhekk .

Informazzjoni addizzjonali

Opinjonijiet tal-KtR relatati mal-ftehim ta’ Pariġi dwar il-klima:

Lejn ftehim dinji dwar il-klima f’Pariġi – relatur: is-Sinjura Annabelle Jaeger (FR/PSE), Membru tal-Kunsill Reġjonali ta’ Provence-Alpes-Côte d’Azur (Ottubru 2015).

L-implimentazzjoni tal-ftehim globali dwar il-klima – approċċ territorjali għall-COP22 f’Marrakesh , relatur Francesco Pigliaru (IT/PSE), President ta’ Sardinja eks President tal-Kummissjoni ENVE tal-KtR (Ottubru 2016).

Il-finanzjament tal-azzjoni klimatika: għodda essenzjali għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi , ir-relatur Marco Dus (IT/PSE), Membru tal-Kunsill Muniċipali ta’ Vittorio Veneto, Treviso (Ottubru 2017).

Kuntatt: David Crous | david.crous@cor.europa.eu | +32 (0) 470 88 10 37

Ikkondividi: