Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR) jilqa’ l-Istrateġija ġdida tal-UE dwar l-Adattament għat-Tibdil fil-Klima adottata mill-Kummissjoni Ewropea fl-24 ta’ Frar 2021 . Madankollu, il-KtR jinnota b’dispjaċir li għalkemm tippermetti l-pass mill-ippjanar għall-azzjoni, għad ma fihiex miri konkreti ta’ adattament għat-tibdil fil-klima. L-istrateġija l-ġdida tistabbilixxi kif l-Unjoni Ewropea (UE) tista’ tadatta għall-impatti tat-tibdil fil-klima. Mill-1980 sal-2016, it-telf ekonomiku totali kkawżat mit-temp estrem fl-Ewropa ammonta għal aktar minn EUR 436 biljun. Il-pandemija tal-COVID-19 kompliet iżżid il-ħtieġa biex jitrawwem ambjent aktar b’saħħtu u aktar sikur għal kulħadd. F’ Opinjoni adottata fis- sessjoni plenarja ta’ Diċembru 2020, il-KtR appella għal strateġija ġdida tal-UE dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima .
Juan Espadas (ES/PSE) , Sindku ta’ Sevilja, President tal- Kummissjoni ENVE tal-KtR u tal-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Patt Ekoloġiku fil-Livell Lokali qal li “Il-foresti qed jinħarqu, l-għargħar qed jeqirdu u n-nixfiet joqtlu: hemm wisq persuni li spiċċaw vittmi tad-diżastri klimatiċi, li kulma jmur qed isiru aktar spissi u qawwija. Il-kriżi klimatika għandha konsegwenzi estremi u għandna naġixxu minn issa, peress li din diġà hija n-normalità ġdida tagħna. Din hija emerġenza globali, li għaliha għandna bżonn soluzzjonijiet lokali. L-istrateġija l-ġdida dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima tista’ tgħin lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex iħejju u jadattaw għal dawn il-kundizzjonijiet estremi u biex isaħħu r-reżiljenza tagħna għat-tibdil fil-klima Aħna nilqgħu l-proposta tal-Viċi President Eżekuttiv tal-Kummissjoni Ewropea, Frans Timmermans, u ninsabu grati li jirrikonoxxi l-importanza tal-azzjoni klimatika lokali.”
Markku Markkula (FI/PPE) , President tal-Bord tal-Belt ta’ Espoo u President tar-Reġjun ta’ Helsinki qal li: “Ninsabu kuntenti li l-Kummissjoni Ewropea adottat strateġija tal-UE dwar l-adattament aktar ambizzjuża, skont is-sejħa tagħna biex jitrawmu s-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, u jiġi rikonoxxut ir-rwol li l-bliet u r-reġjuni jaqdu fl-adattament għat-tibdil fil-klima. Issa rridu navvanzaw bl-azzjoni tagħna u nżidu sostanzjalment l-għodod finanzjarji għal proġetti lokali tal-adattament għat-tbdil fil-klima, irridu nirreplikaw fuq skala ikbar l-aħjar prattiki fl-Ewropa kollha u nisfruttaw l-opportunitajiet ta’ innovazzjoni offruti mit-tfassil ta’ politiki bbażat fuq id-data.” Markku Markkula huwa eks President tal-KtR u relatur għall- Opinjoni dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima adottata f’Diċembru 2020.
Il-KtR jappoġġja l-objettiv tal-Kummissjoni Ewropea li tippromovi żvilupp urban u rurali li jkunu sostenibbli u reżiljenti u li tidderieġi r-riżorsi finanzjarji għal-livell lokali, inkluż b’appoġġ għall-agrikoltura, l-aktar settur vulnerabbli għat-tibdil fil-klima.
L-assemblea tal-UE tal-bliet u r-reġjuni qed tistenna bil-ħerqa li tikkoopera mal-Kummissjoni Ewropea dwar il-faċilità l-ġdida ta’ appoġġ għall-politika li ser tipprovdi assistenza teknika diretta lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jiżviluppaw u jimplimentaw strateġiji ta’ adattament u pjani ta’ azzjoni f’kooperazzjoni mill-qrib mal- Patt tas-Sindki .
L-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fit-tfassil tal-aġenda ta’ adattament ser jissaħħaħ ukoll permezz ta’ programmi ewlenin tal-UE bħall- Aġenda Urbana , inizjattiva tal-UE mnedija f’Mejju 2016 ibbażata fuq metodu ta’ ħidma f’diversi livelli bejn l-Istati Membri, il-bliet u l-Kummissjoni Ewropea biex jiġu stimulati t-tkabbir, il-kwalità tal-għajxien u l-innovazzjoni fil-bliet Ewropej.
Il-Kumitat jappoġġja l-proposta għar-reviżjoni tal-linji gwida dwar ir-regolamentazzjoni aħjar u r-rikonoxximent tal-adattament lokali għat-tibdil fil-klima bħala prijorità trasversali. Il-KtR jilqa’ wkoll l-enfasi li l-istrateġija l-ġdida tpoġġi fuq l-integrazzjoni tal-politika dwar l-adattament għat-tibdil fi-klima u jenfasizza li t-twettiq tal-azzjoni klimatika lokali – waħda mit-tliet prijoritajiet tal-istrateġija l-ġdida dwar l-adattament għall-klima – huwa kruċjali biex jiġi ffaċilitat il-pass mill-ippjanar għall-azzjoni.
Il-KtR jappoġġja l-proposta għal Osservatorju tal-Klima u s-Saħħa u jissuġġerixxi djalogu miftuħ biex jiġi żgurat li joħloq il-bażi għall-inklużjoni tad-dimensjoni tas-saħħa fil- Patt Ekoloġiku Ewropew , l-istrateġija tal-UE għat-tkabbir biex tintlaħaq in-newtralità klimatika sal-2050.
Il-KtR jappoġġja aktar monitoraġġ u ġbir ta’ data bħala għodda ewlenija biex isir fokus fuq l-azzjonijiet lokali u reġjonali ta’ adattament għat-tibdil fil-klima. Climate-ADAPT , il-pjattaforma Ewropea għall-għarfien dwar l-adattament, għandha tissaħħaħ u titwessa’. Għandha tintuża aktar id-data mis- Servizz dwar it-Tibdil fil-Klima ta’ Copernicus .
Il-Kunsill mistenni jaqbel mal-konklużjonijiet dwar l-Istrateġija l-ġdida tal-UE dwar l-Adattament għat-Tibdil fil-Klima f’Ġunju 2021.
Aktar informazzjoni:
Wara t-tħabbira mill-Kummissjoni Ewropea u mill-KtR fis- sessjoni plenarja ta’ Ottubru 2020 , il-kooperazzjoni diretta bejn l-UE u l-awtoritajiet lokali u reġjonali ssaħħet bil-ħolqien ta’ kamra territorjali tal-Patt tas-Sindki, magħmula minn 27 membru tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni li ser jitħabbru dalwaqt. L-assemblea tal-UE tal-bliet u r-reġjuni issa tinsab fuq il- Bord Politiku tal-Patt tas-Sindki permezz tas-Sindku ta’ Varsavja u l-eks MEP Rafał Kazimierz Trzaskowski (PL/PPE).
Dan l-aħħar, il-KtR nieda l-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Patt Ekoloġiku fil-Livell Lokali biex jiżgura li l-istrateġija tal-UE għat-tkabbir sostenibbli u l-pjani ta’ rkupru mill-COVID-19 jissarrfu f’finanzjament dirett għall-bliet u r-reġjuni, bil-għan li jimplimentaw il-Patt Ekoloġiku Ewropew fil-livell lokali.
Bħala parti mill-kampanja tiegħu dwar “Nibnu komunitajiet reżiljenti”, il-KtR nieda kompilazzjoni online tal-aħjar 200 prattika mill-membri tal-KtR, li turi kif il-bliet u r-reġjuni diġà qed jimplimentaw il-Patt Ekoloġiku Ewropew permezz ta’ proġetti konkreti dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima u l-mitigazzjoni tiegħu.
L-Istrateġija l-ġdida tal-UE dwar l-Adattament għat-Tibdil fil-Klima tħabbret fil-Komunikazzjoni dwar il- Patt Ekoloġiku Ewropew , wara l-evalwazzjoni tal-Istrateġija tal-2013 li saret fl-2018 u konsultazzjoni pubblika miftuħa li saret bejn Mejju u Awwissu 2020.
It-tibdil fil-klima qed ikollu impatti mifruxa fuq l-ekosistemi, is-setturi ekonomiċi, is-saħħa tal-bniedem u l-benesseri fl-Ewropa. Mill-1980 sal-2016, it-telf ekonomiku totali rrapportat ikkawżat minn avvenimenti estremi tat-temp u oħrajn relatati mal-klima fl-Ewropa kien jammonta għal aktar minn EUR 436 biljun, skont il-Kummissjoni Ewropea .
L-agrikoltura hija l-aktar settur vulnerabbli għat-tibdil fil-klima. Fl-2018 biss, il-ħsarat agrikoli ammontaw għal madwar EUR 2 biljun fi Franza, EUR 1,4 biljun fin-Netherlands, u EUR 770 miljun fil-Ġermanja. B’tisħin globali ta’ 3°C, in-nixfiet se jseħħu darbtejn aktar spiss u t-telf assolut annwali min-nixfa fl-Ewropa jiżdied għal EUR 40 biljun fis-sena, u l-aktar impatti severi mistennija jseħħu fir-reġjuni tal-Mediterran u tal-Atlantiku (EU SCIENCE HUB).
Persuna ta’ kuntatt:
David Crous
david.crous@cor.europa.eu
+32 (0) 470 88 10 37