Il-KtR jirrimarka li partijiet kbar tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE, inklużi d-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina u d-Direttivi dwar in-Natura, għadhom ma ġewx implimentati biżżejjed.
Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR) ippreżenta għadd ta’ proposti biex jipproteġi l-ambjent tal-baħar u jirrestawra l-ekosistemi tal-oċeani. Il-KtR jappella għal liġi ġdida tal-UE dwar l-oċeani li tiddefinixxi direzzjoni fit-tul b’miri li jistgħu jitkejlu u skadenzi biex jiġu żgurati l-protezzjoni u r-restawr tal-ekosistemi tal-baħar. Il-mexxejja lokali u reġjonali jipproponu fond għall-oċeani għad-dekarbonizzazzjoni tat-trasport marittimu u jappellaw għat-tneħħija tal-eżenzjoni għall-fjuwil użat fis-sajd fid-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija. Il-KtR jistieden ukoll lill-Kummissjoni tipproponi regoli ġodda innovattivi dwar l-obbligi tal-kwoti għan-nitroġenu u l-fosforu riċiklati fis-suq tal-UE bħala parti mill-isforzi tagħha biex tnaqqas it-tnixxija ta’ nutrijenti fl-ibħra tal-UE, twaqqaf il-proliferazzjoni tal-algi u t-tixrid ta’ qigħan mejta.
L-oċeani qed jiffaċċjaw tniġġis ambjentali irriversibbli. It-trasport bil-baħar internazzjonali, it-traffiku eċċessiv tad-dgħajjes, il-kostruzzjoni urbana, il-produzzjoni industrijali, il-biedja u l-produzzjoni tal-enerġija, kollha għandhom impatt fuq il-kwalità tal-ilma, l-ibħra u l-bijodiversità tal-baħar. Filwaqt li l-oċeani tad-dinja huma mgħarrqa bil-plastik, it-tniġġis kimiku u l-iskular tal-fertilizzanti agrikoli, il-pressjoni dejjem akbar fuq il-kosti minħabba l-iżvilupp urban u t-turiżmu qed taffettwa wkoll b’mod sever l-ekosistemi tal-baħar u l-bijodiversità.
F’dan l-isfond, il-KtR adotta Opinjoni mmexxija mir-relatur Emma Nohrén (SE/Ħodor). Il-Viċi Sindku tal-Muniċipalità Żvediża ta’ Lysekil qalet: “L-oċeani u l-klima huma żewġ naħat tal-istess munita! Il-klima ma tistax tiġi rregolata mingħajr oċeani b’saħħithom. Għalhekk, il-liġi dwar il-klima jeħtieġ li tiġi kkomplementata b’liġi dwar l-oċeani, li tistabbilixxi miri u skadenzi għat-titjib tal-ambjent tal-baħar. It-tniġġis tal-oċeani huwa kwistjoni globali iżda l-komunitajiet lokali u reġjonali huma dawk li jġorru l-piż ewlieni. Irridu nagħtu spinta lill-azzjonijiet biex nilliberaw il-potenzjal mhux sfruttat tal-awtoritajiet lokali u sottonazzjonali biex jipproteġu l-ambjent tal-baħar tal-UE, filwaqt li nipprovdu impjieg u nagħtu spinta lill-ekonomija. Ma nistgħux nistennew aktar. Irridu npoġġu lill-UE fuq quddiem nett fit-tranżizzjoni ekoloġika, kif previst fil-Patt Ekoloġiku Ewropew.”
Il-KtR jirrimarka li partijiet kbar tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE, inklużi d- Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina u d- Direttivi dwar in-Natura , għadhom ma ġewx implimentati biżżejjed, kif irrappurtat mill- Qorti tal-Awdituri . Wara l-ewwel ċiklu ta’ implimentazzjoni tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina, il-KtR jenfasizza li mingħajr valuri ta’ limitu definiti jew għanijiet ċari, ambizzjużi u li jistgħu jitkejlu, qatt mhu se jsir progress u jħeġġeġ li tali miri jiġu definiti mingħajr aktar dewmien.
Il-KtR jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tistabbilixxi regoli għall-Istati Membri biex jintegraw lill-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-proċedura ta’ konsultazzjoni u fil-proċess tal-identifikazzjoni, tat-tfassil u tal-ippjanar ta’ miżuri, ta’ kjarifika tar-responsabbiltajiet u ta’ trawwim ta’ aktar involviment fl-implimentazzjoni b’suċċess tad-Direttiva Qafas tal-UE dwar l-Istrateġija Marina.
Il-KtR jitlob ukoll li l-Kummissjoni Ewropea toħloq Task Force Ewropea għall-Bijodiversità tal-Baħar għall-2030 magħmula minn maniġers tal-proġetti ambjentali li jassistu u jagħtu pariri lill-awtoritajiet sottonazzjonali dwar l-ippjanar tal-proġetti u l-aċċess għall-fondi tal-UE biex jitwaqqaf it-tniġġis tal-baħar u jiġu restawrati l-ekosistemi tal-oċeani.
F’konformità mal-liġi tal-UE dwar il-klima li ġiet adottata dan l-aħħar, il-bliet u r-reġjuni jitolbu liġi ġdida tal-UE dwar l-oċeani biex tiġi definita direzzjoni fit-tul li tiżgura l-protezzjoni u r-restawr tal-ekosistemi tal-baħar u tappoġġja l-proposta tal-Parlament Ewropew li jiġi stabbilit fond għall-oċeani bil-għan li jiġi dekarbonizzat it-trasport marittimu u li 20 % tad-dħul jintuża għall-protezzjoni, ir-restawr u l-ġestjoni aħjar tal-ekosistemi tal-baħar.
Sabiex titwaqqaf l-ewtrofikazzjoni li qed tiżdied tal-ibħra tal-UE, il-KtR jappella lill-Kummissjoni Ewropea biex twitti t-triq u tipproponi obbligi ta’ kwoti għal nutrijenti riċiklati fil-fertilizzanti fis-suq tal-UE, bħala parti mill-ekonomija ċirkolari. Il-KtR jenfasizza li l-fosforu u n-nitroġenu huma vitali għall-produzzjoni tal-ikel u l-fosforu huwa inkluż fil-lista tal-UE ta’ materja prima kritika.
L-assemblea tal-UE tar-rappreżentanti lokali u reġjonali tappoġġja l-għanijiet u l-miri biex tiġi protetta l-bijodiversità fil- Patt Ekoloġiku Ewropew u fl- Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità sal-2030. Madankollu, il-KtR iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex fil-pjan ta’ azzjoni tagħha, li għandu jiġi ppubblikat sal-2021, tinkludi miri ċari u li jistgħu jitkejlu, u li jkunu akkumpanjati minn skadenzi għall-konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd u l-protezzjoni tal-ekosistemi tal-baħar.
Il-KtR jinsab allarmat dwar il-protezzjoni fqira u l-monitoraġġ u l-kontroll insuffiċjenti pprovduti fiż- żoni tal-baħar protetti attwali tal-UE . Skont l- Aġenzija Ewropea għall-Ambjent , inqas minn 1 % taż-żoni tal-baħar protetti fl-UE huma kompletament protetti. Il-KtR jappoġġja bis-sħiħ il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li jinħoloq network ta’ żoni tal-baħar protetti li jkopri 30 % tal-ibħra tal-UE, li jinkludi wkoll restrizzjonijiet fuq is-sajd u l-attivitajiet ekonomiċi. Il-mexxejja lokali u reġjonali jenfasizzaw li 10 % tal-ibħra tal-UE għandhom jibbenefikaw minn livell għoli ta’ protezzjoni, inklużi żoni ta' projbizzjoni totali.
Il-KtR jipproponi l-ħolqien ta’ Akkademja tal-Oċeani tal-UE magħmula minn akkademiċi żgħażagħ mill-Istati Membri kollha biex jispiraw u jxerrdu l-aħjar prattiki u għarfien dwar l-importanza ta’ oċeani b’saħħithom.
Biex jiġi indirizzat it-tniġġis tal-plastik, il-membri tal-KtR jistiednu lill-Istati Membri kollha biex jistabbilixxu skemi ta’ kapparra u ritorn għall-kontenituri tax-xorb tal-plastik u jitolbu lill-Kummissjoni Ewropea tiżgura li dawn ikunu kompatibbli. Dan ikun pass kruċjali lejn suq uniku għall-imballaġġ. Il-KtR jistieden ukoll lill-Kummissjoni Ewropea biex tadotta projbizzjoni fuq il-mili granulari ġdid kollu għall-grawnds tal-isport, b’perjodu ta’ tranżizzjoni ta’ sitt snin, u biex tinkludi n-nanoplastiċi, il-polimeri bijodegradabbli u solubbli fil-miżuri regolatorji biex jitnaqqsu l-mikroplastiċi miżjuda intenzjonalment, li bħalissa qed jiġu nnegozjati fl-UE.
Il-KtR jinnota li t-tariffi tal-portijiet differenzjati skont l-impatt tagħhom fuq l-ambjent jistgħu jkunu mod effiċjenti biex ir-reġjuni kostali jtejbu l-ambjent, u jnaqqsu l-emissjonijiet fl-arja u fl-ilma, kif ukoll l-iskart u l-istorbju u jappella għal projbizzjoni fuq ir-rimi tal-ilma tal-purifikaturi fl-UE.
Il-KtR itenni li l-prinċipji ta’ min iniġġes iħallas għandhom ikunu fil-qalba tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-ambjent tal-baħar u jifraħ lill-Kummissjoni Ewropea għall- portal tal-web tagħha WISE Marine disponibbli għall-pubbliku.
L-Abbozz ta’ opinjoni ġie ppreżentat matul is- sessjoni plenarja tal-KtR tal-5, is-6 u s-7 ta’ Mejju 2021.
Sfond:
Hawnhekk tista' taqra l-intervista ma’ Emma Nohrén (SE/Ħodor) li twieġeb ħames mistoqsijiet dwar ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar.
L-għan tad- Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina , li ġiet adottata fis-17 ta’ Ġunju 2008, huwa li l-ambjent tal-baħar fl-Ewropa kollha jiġi protett b’mod aktar effettiv. Il-Kummissjoni Ewropea żviluppat għadd ta’ kriterji dettaljati u standards metodoloġiċi biex tgħin lill-Istati Membri jimplimentaw id-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina. Dawn ġew riveduti fl-2017 u dan wassal għad- Deċiżjoni l-ġdida tal-Kummissjoni dwar status ambjentali tajjeb . Il-bijodiversità hija wieħed mill-oqsma ta’ politika ewlenin tal- Patt Ekoloġiku Ewropew tal-Kummissjoni, li ġie adottat fi tmiem l-2019. F’Mejju 2020, il-Kummissjoni Ewropea adottat l- Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030 biex twaqqaf it-tnaqqis fil-bijodiversità u treġġa’ n-natura lura f’ħajjitna.
L-Opinjoni dwar L-awtoritajiet lokali u reġjonali jħarsu l-ambjent tal-baħar taqa’ taħt il-kompetenzi tal-Grupp ta’ Ħidma tal-KtR dwar il- Patt Ekoloġiku fil-Livell Lokali . Imniedi f’ Ġunju 2020 u magħmul minn 13-il rappreżentant elett lokali u reġjonali , il-Grupp ta’ Ħidma tal-KtR dwar il-Patt Ekoloġiku fil-Livell Lokali għandu l-għan li jiggarantixxi li l-bliet u r-reġjuni tal-UE jkunu direttament involuti fid-definizzjoni, l-implimentazzjoni u l-valutazzjoni tal-ħafna inizjattivi taħt il-Patt Ekoloġiku Ewropew, l-istrateġija ta’ tkabbir sostenibbli tal-UE biex tinkiseb in-newtralità klimatika sal-2050.
Bejn 4,8 u 12,7 miljun tunnellata ta’ plastik jispiċċaw fl-oċean kull sena. Il-plastik jirrappreżenta 75 % tal-iskart fil-baħar fl-ibħra tad-dinja. Innaqqsu l-iskart fil-baħar. Briefing tal-Parlament Ewropew (2019).
Persuna ta’ kuntatt:
David Crous
Tel. +32 (0)470 88 10 37
david.crous@cor.europa.eu