Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
Il-bliet u r-reġjuni jilqgħu l-progress f’dak li jirrigwarda r-regoli relatati mal-politika ta’ koeżjoni għall-2021-2027 u jħeġġu l-adozzjoni tal-baġit tal-UE  

Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR) jilqa’ l-ftehim proviżorju dwar ir-regoli għall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u għall-Fond ta’ Koeżjoni, li se jinvestu aktar minn EUR 240 biljun biex inaqqsu d-disparitajiet u jagħtu spinta lit-tkabbir sostenibbli f’kull reġjun tal-Unjoni. Ġew aċċettati talbiet importanti u li ilhom jeżistu mill-awtoritajiet lokali u reġjonali, inklużi dimensjoni territorjali aktar b’saħħitha, enfasi fuq l-iżvilupp sostenibbli u s-sitwazzjoni speċjali tar-reġjuni ultraperiferiċi.

Fit-8 ta’ Diċembru, it-timijiet ta’ negozjaturi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill laħqu ftehim dwar ir-regoli l-ġodda tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u l-Fond ta’ Koeżjoni (FK). Dawn il-Fondi flimkien jirrappreżentaw l-aktar għodod ta’ investiment b’saħħithom fil-baġit tal-UE, u jipprovdu EUR 242.9 biljun għall-finanzjament reġjonali tal-UE għas-seba’ snin li ġejjin. Il-fondi se jkunu disponibbli mill-1 ta’ Jannar 2021 sakemm jintlaħaq ftehim finali dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) kumplessiv tal-UE, li għadu qed jiġi nnegozjat. F’każ li l-Istati Membri ma jilħqux ftehim finali sal-aħħar tas-sena, il-programmi ta’ investiment appoġġjati mill-FEŻR, mill-FK u mill-għodod l-oħra tal-politika ta’ koeżjoni jinżammu sospiżi, u b’hekk jittardjaw investiment massiv għaċ-ċittadini u n-negozji.

Il-Ftehim dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp u l-Fond ta’ Koeżjoni huwa pass deċiżiv għall-bliet u r-reġjuni. Il-pandemija tal-COVID-19 laqtet b’mod partikolari lil dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetajiet tagħna. Il-proġetti dwar l-akkomodazzjoni soċjali, il-ġlieda kontra l-inugwaljanzi jew l-infrastruttura sostenibbli biex tinkiseb in-newtralità klimatika sal-2050 issa se jirċievu appoġġ mill-UE mill-1 ta’ Jannar 2021. L-ugwaljanza, il-ġustizzja soċjali u s-sostenibbiltà – dawn għandhom ikunu l-prinċipji gwida għat-tranżizzjoni tal-UE. Dawn il-fondi huma l-għodod meħtieġa biex ir-reġjuni tagħna jiksbu dawn l-għanijiet “, qalet Isabelle Boudineau (FR/PSE), President tal-Kummissjoni għall-Politika ta’ Koeżjoni Territorjali u l-Baġit tal-UE (COTER) tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni u Viċi President tar-Reġjun ta’ Nouvelle-Aquitaine.

Il-KtR jilqa’ l-kompromessi dwar talbiet ewlenin promossi mill-bliet u r-reġjuni li jgħinu biex tiġi stabbilita l-koeżjoni bħala valur fundamentali. Dawn jinkludu dimensjoni territorjali aktar b’saħħitha, żieda fl-investimenti fl-iżvilupp urban sostenibbli, l-iffaċċjar tal-impatt tat-tnaqqis demografiku f’żoni b’popolazzjoni baxxa u b’kunsiderazzjoni tal-isfidi partikolari li jiffaċċjaw ir-reġjuni ultraperiferiċi. Il-FEŻR u l-FK il-ġodda se jżidu l-fondi allokati għal tkabbir intelliġenti, se jiżguraw mill-inqas 30% tar-riżorsi li għandhom jiġu investiti fl-ekonomija ekoloġika, meta titqies l-importanza li jiġu ssodisfati l-obbligi li jirriżultaw mill-Ftehim ta’ Pariġi, kif ukoll se jippromovu Ewropa aktar soċjali u inklużiva.

Il-KtR huwa kuntent bil-ftehim eċċellenti milħuq, fejn il-leġiżlaturi adottaw kważi r-rakkomandazzjonijiet kollha tagħna. L-akbar fond pubbliku tal-Ewropa jippermetti lir-reġjuni kollha jinvestu f’ħiliet ġodda, impjiegi u t-tranżizzjoni lejn ekonomija b’żero emissjonijiet tal-karbonju, u dan jagħmlu l-aktar fond ekoloġiku tal-Ewropa u fl-istess ħin espressjoni vera ta’ solidarjetà mat-tipi kollha ta’ reġjuni “, qal Michiel Rijsberman (NL/Renew Europe), relatur tal-KtR dwar il- Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta Koeżjoni u Ministru Reġjonali tal-Provinċja ta’ Flevoland.

Ir-Regolament għadu jeħtieġ xi ħidma teknika, li se tiġi finalizzata f’Jannar qabel ma jkun jista’ jiġi adottat formalment mill-plenarja tal-Kunsill u tal-Parlament Ewropew.

Sfond:

Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) għandu l-għan li jsaħħaħ il-koeżjoni ekonomika u soċjali fl-Unjoni Ewropea billi jikkoreġi żbilanċi bejn ir-reġjuni tagħha. Huwa jiffoka l-investimenti tiegħu fuq erba’ oqsma ta’ prijorità: l-innovazzjoni u r-riċerka, l-aġenda diġitali, l-appoġġ għan-negozji żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) u l-ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju. Il-Fond ta’ Koeżjoni (FK) huwa riżervat għal pajjiżi li l-Prodott Domestiku Gross per capita tagħhom huwa inqas minn 90% tal-medja tal-UE. Ir-Regolament dwar il-FEŻR u l-FK (preċedentement kopert minn żewġ regolamenti separati) jidentifika l-objettivi speċifiċi u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-appoġġ għaż-żewġ fondi.

Persuna ta’ kuntatt:

Carmen Schmidle

Tel. +32 (0)494 735787

carmen.schmidle@cor.europa.eu

Ikkondividi :