Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
Il-bliet u r-reġjuni jfasslu l-Programm ta’ Azzjoni Ambjentali li jmiss  
Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni b’mod unanimu jadotta sett ta’ rakkomandazzjonijiet biex itejjeb l-integrazzjoni u l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni u l-politika ambjentali fl-Ewropa

Minkejja t-titjib li sar f’dawn l-aħħar deċennji, l-ambjent fl-Ewropa għadu qed iħabbat wiċċu ma’ sfidi konsiderevoli. Il-kapital naturali qed jiġi ddegradat mill-agrikoltura, is-sajd, it-trasport, l-industrija, it-turiżmu u l-espansjoni urbana. Il-mexxejja lokali jikkundannaw in-nuqqas ta’ integrazzjoni tal-politiki, finanzjament, skambju ta’ informazzjoni u koordinazzjoni sabiex tiġi implimentata b’mod effettiv il-leġislazzjoni ambjentali fl-UE. Qabel it-8 Programm ta’ Azzjoni Ambjentali li għandu jiġi ppreżentat mill-Kummissjoni li jmiss, il-bliet u r-reġjuni Ewropej ressqu sett ta’ rakkomandazzjonijiet biex itejbu l-implimentazzjoni tal-politika u l-leġislazzjoni ambjentali fl-Ewropa għad-deċennju li ġej.

Il-membri tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni adottaw b’mod unanimu Opinjoni dwar it- 8 Programm ta’ Azzjoni Ambjentali (EAP) , il-qafas li jmiss tal-Unjoni Ewropea li jiddeskrivi l-prijoritajiet u l-objettivi tal-politika ambjentali. Il-KtR ħejja din l-Opinjoni bi studju komprensiv ippubblikat fl-2018.

Filwaqt li l-politika ambjentali hija bla dubju waħda mill-aktar kisbiet sodi tal-proċess ta’ integrazzjoni Ewropea, għad fadal nuqqasijiet. Il-membri jikkundannaw in-nuqqas ta’ integrazzjoni tal-politika u n-nuqqasijiet fil-finanzjament, il-qsim tal-informazzjoni u l-kapaċità amministrattiva. Il-bliet u r-reġjuni tal-UE jħeġġu lil-livelli kollha ta’ gvern biex iżidu l-koordinazzjoni, jagħtu spinta lill-għarfien u l-iskambju tad-data u jiżguraw assigurazzjoni tal-konformità aħjar.

Ir-relatur tal-Opinjoni Cor Lamers (NL/PPE), Sindku ta’ Schiedam u President tal-Kummissjoni għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Enerġija (ENVE) tal-KtR qal li: “L-EAP li jmiss għandu jkun aktar strateġiku, integrat, flessibbli, iwieġeb għall-isfidi teknoloġiċi ġodda u jimmira lejn l-innovazzjoni. Għandu jwieġeb ukoll għall-aktar sfidi urġenti ta’ tranżizzjoni, bħall-enerġija, l-ekonomija ċirkolari, l-ikel u tranżizzjonijiet ta’ mobilità nadifa. Irridu nikkollegaw il-kunċett tas-saħħa tal-bniedem ma’ pjaneta, ekonomija u soċjetà f’saħħithom fejn ir-riżorsi jintużaw b’mod responsabbli u effiċjenti. Il-mudell ekonomiku tagħna jrid iħares il-bijodiversità u jkun ibbażat fuq l-ekonomija ċirkolari, bi tkabbir, żvilupp u impjiegi suffiċjenti li jitimgħu soċjetà f’saħħitha fejn l-investimenti sostenibbli jwasslu għal mudelli ta’ negozju sostenibbli.”

“Il-bijodiversità, il-ġestjoni tal-iskart, il-kwalità tal-arja u l-istorbju huma l-oqsma l-aktar problematiċi fil-valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni ambjentali fl-Ewropa”, fakkret Adina-Ioanna Vălean (RO/PPE) , President tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (ENVI) tal-Parlament Ewropew. “Huwa ċar li neħtieġu l-inklużjoni massima tal-bliet u r-reġjuni tal-UE biex nagħmlu l-politiki ambjentali tagħna – u l-EAP b’mod speċifiku – suċċess” enfasizzat l-MEP Vălean waqt is-sessjoni plenarja tal-KtR.

Billi huma mill-biċċa l-kbira responsabbli għall-implimentazzjoni tad-Direttivi ambjentali fl-Ewropa, il-bliet u r-reġjuni ħadu l-inizjattiva fl-adozzjoni ta’ rakkomandazzjonijiet konkreti għall-qafas li jmiss tal-politika ambjentali tal-UE. Il-membri qed jitolbu li tingħata prijorità lill-implimentazzjoni effettiva tal-istandards eżistenti u qed jiċħdu t-trasferiment ta’ multi lill-awtoritajiet lokali u reġjonali.

Il-KtR jappoġġja inċentivi għal dawk il-gvernijiet lokali u reġjonali li għandhom prestazzjoni ogħla fl-implimentazzjoni tal-politika u l-leġislazzjoni ambjentali u jitlob li jkun hemm aktar sinerġiji bejn is-sorsi ta’ finanzjament u l-programmi ta’ finanzjament pubbliku u privat.

Il-membri pproponew li l-EAP li jmiss jippreżenta strateġija tal-UE għall-promozzjoni ta’ għajxien b’saħħtu għal kulħadd. Il-KtR jipproponi li t-8 EAP jkun sempliċi u ċar, b’ħames kapitoli prinċipali: it-tranżizzjonijiet, l-innovazzjoni, l-implimentazzjoni, l-isfidi globali usa’, u l-komunikazzjoni.

Il-membri jipproponu li tkompli tiġi msaħħa l- Pjattaforma Teknika għall-Kooperazzjoni dwar l-Ambjent , skema ta’ kooperazzjoni interistituzzjonali eżemplari mnedija fl-2012. Il-pjattaforma hija struttura ta’ djalogu permanenti bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-KtR sabiex titrawwem l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni ambjentali u l-kooperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet lokali u reġjonali u l-UE.

Il-KtR jipproponi li jiġi stabbilit netwerk ta’ ambaxxaturi fi ħdan il-Pjattaforma Teknika biex tiġi promossa l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni ambjentali fil-livelli kollha tal-gvern. RegHub , in- Netwerk ta’ Ċentri Reġjonali għar-Rieżami tal-Implimentazzjoni tal-Politika tal-UE l-ġdid għandu jikkontribwixxi wkoll għat-titjib tal-implimentazzjoni ambjentali billi jinstabu lakuni u soluzzjonijiet imfassla apposta fit-territorji kollha tal-UE.

Il-membri jilqgħu l-proposta tal-KE biex il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) li jmiss jiffoka fuq l-iżvilupp sostenibbli u l-integrazzjoni tal-politika ambjentali fl-intestaturi kollha tal-baġit. Madankollu, il-KtR jappella biex aktar minn 30 % tal-baġit ikunu riżervati għall-integrazzjoni tal-politika dwar il-klima.

Il-Programmi ta’ Azzjoni Ambjentali ilhom jiggwidaw il-politika ambjentali tal-UE sa mis-snin 70. L-UE bħalissa tinsab fis-7 Programm ta’ Azzjoni Ambjentali li jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2020. Bħalissa d-Direttorat Ġenerali għall-Ambjent tal-Kummissjoni Ewropea qed ilesti l-evalwazzjoni tiegħu li għandha tiġi ppreżentata fil- Ġimgħa Ekoloġika, 13-17 ta’ Mejju 2019 li jmiss. Fis-16 ta’ Mejju, il-KtR ser jorganizza dibattitu dwar l-EAP futur.

Id-deċiżjoni li jiġi ppreżentat it-8 EAP se tkun f’idejn il-Kummissjoni Ewropea li jmiss li se tieħu l-kariga wara l-Elezzjonijiet Ewropej tas-26 ta’ Mejju. L-implimentazzjoni ambjentali hija waħda mill- prijoritajiet ta’ ħidma tal-Kummissjoni ENVE għall-2019 .

It-8 Summit Ewropew tar-Reġjuni u l-Bliet

L-iżvilupp sostenibbli u l-ġenerazzjoni li jmiss ta’ programmi tal-UE se jkunu wħud mis-suġġetti ewlenin fit- 8 Summit Ewropew tar-Reġjuni u l-Bliet , 14-15 ta’ Marzu, Bucharest – ġimagħtejn biss qabel il-ħruġ mistenni tar-Renju Unit mill-UE fid-29 ta’ Marzu, u xahrejn qabel l-elezzjonijiet Ewropej.

Aktar minn 500 mexxej Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali mill-Istati Membri kollha tal-UE se jiltaqgħu fil-belt kapitali Rumena biex jiffokaw fuq il-kontribut tal-gvernijiet lokali u reġjonali għall-“Futur tal-Ewropa”. Bit-titolu “(Re) New Europe”, is-Summit se jkun l-akbar laqgħa politika ta’ sindki, presidenti reġjonali u rappreżentanti oħrajn eletti fil-livell lokali u reġjonali minn madwar l-Unjoni din is-sena.

L-avveniment se jlaqqa’ wkoll 100 politiku elett żagħżugħ mir-reġjuni u l-bliet sabiex jinvolvu ruħhom b’mod attiv fid-dibattitu dwar il-futur tal-Ewropa. Se ssir ukoll it-tnedija uffiċjali tal-inizjattiva tal-Kumitat dwar Netwerk ta’ Ċentri Reġjonali (#RegHub) ġdid fil-preżenza tal-20 reġjun parteċipanti.

Jekk tixtieq tipparteċipa f’dan l-avveniment, int ġentilment mitlub tirreġistra permezz tal- paġna ta’ akkreditazzjoni tal-midja tal-Presidenza Rumena tal-UE (data tal-għeluq: l-1 ta’ Marzu). Il-ġurnalisti reġistrati biss ser ikunu jistgħu jiksbu akkreditazzjoni tal-midja.

Informazzjoni ta’ sfond

Il-KtR ħejja din l- Opinjoni bi studju komprensiv ippublikat fl-2018.

Novembru 2018 – Studju tal-KtR – Lejn it-8 Programm ta’ Azzjoni Ambjentali – Id-dimensjoni lokali u reġjonali.

Marzu 2018 – Il-Parlament Ewropew – Rapport dwar l-Implimentazzjoni tas-7 Rapport tal-EAP.

Il- prijoritajiet għall-2019 tal-Kummissjoni ENVE tal-KtR.

Il-politika ambjentali fl-Ewropa.

X’inhi l-assigurazzjoni tal-konformità ambjentali?

Kuntatt : David Crous | david.crous@cor.europa.eu | +32 (0) 470 88 10 37

Ikkondividi :