Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
Il-bliet u r-reġjuni jniedu l-Alleanza għar-rikostruzzjoni tal-Ukrajna  

L-Alleanza se tiffoka fuq il-ħtiġijiet tar-rikostruzzjoni tal-bliet u r-reġjuni Ukreni, bħala parti mill-appoġġ fit-tul tal-UE u tal-komunità internazzjonali għall-Ukrajna.

Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni u l-assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw il-bliet u r-reġjuni Ewropej fit-30 ta’ Ġunju nedew l-Alleanza Ewropea għall-Bliet u r-Reġjuni għar-Rikostruzzjoni tal-Ukrajna biex tgħin lill-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-Ukrajna jibnu mill-ġdid id-djar, l-iskejjel, l-infrastruttura u s-servizzi li nqerdu mir-Russja mill-invażjoni tagħha li ilha għaddejja mill-24 ta’ Frar. L-Alleanza, li tnediet sebat ijiem biss wara li l-Istati Membri tal-UE qablu li jaċċettaw lill-Ukrajna bħala membru kandidat, intlaqgħet mill-Ministru tal-Ukrajna għall-Iżvilupp tal-Komunitajiet u t-Territorji bħala “bażi potenzjali għall-integrazzjoni Ewropea ta’ pajjiżna”.

L-Alleanza nħolqot b’reazzjoni għal sejħa f’April mill-President Volodymyr Zelenskiy tal-Ukrajna, u bl-appoġġ ta’ Charles Michel, President tal-Kunsill Ewropew, u Ursula von der Leyen, President tal-Kummissjoni Ewropea. Din se tkun parti mill-“Pjattaforma ta’ Rikostruzzjoni tal-Ukrajna”, li qed tinħoloq bħalissa mill-Kummissjoni u mill-gvern tal-Ukrajna, biex tikkoordina l-appoġġ tal-UE. Il-pjani se jissawru aktar fl-4 u fil-5 ta’ Lulju, meta l-Prim Ministru tal-Ukrajna se jippreżenta l-istrateġija ta’ rikostruzzjoni tal-gvern tiegħu fil-Konferenza dwar l-Irkupru tal-Ukrajna f’Lugano, l-Iżvizzera.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni – Vasco Alves Cordeiro (PT/PSE), membru tal-Parlament Reġjonali tal-Azores – qal: “Il-Kumitat tar-Reġjuni jinsab qrib, spalla ma’ spalla ma’ sħabna l-Ukreni. Illum, flimkien mal-assoċjazzjonijiet tal-bliet u r-reġjuni, qed inniedu l-Alleanza Ewropea tal-Bliet u r-Reġjuni għar-Rikostruzzjoni tal-Ukrajna biex nirrispondu għall-urġenza u nibnu l-futur. Inħeġġu lill-bliet u r-reġjuni kollha tal-UE biex jingħaqdu u juru solidarjetà Ewropea b’azzjonijiet konkreti”.

Oleksiy Chernyshov, il-Ministru tal-Ukrajna għall-Iżvilupp tal-Komunitajiet u t-Territorji, waqt l-avveniment ta’ tnedija – li sar waqt sessjoni plenarja tal-KtR u li għalih attendew il-mexxejja tal-assoċjazzjonijiet territorjali Ewropej – qal li l-istimi tal-ħsara mġarrba mill-Ukrajna bħalissa jammontaw għal $195 biljun (€186 biljun). Madwar 120 000 dar privata nqerdu jew saritilhom ħsara, u ntlaqtu 20 000 blokka ta’ appartamenti, b’terz minnhom li nqerdu kompletament. Huwa laqa’ l-Alleanza, filwaqt li qal li “tali sħubijiet jistgħu jsiru bażi għall-integrazzjoni Ewropea ta’ pajjiżna” u ddikjara li “aħna se nagħmlu kull sforz biex nittrasformaw kompletament l-Ukrajna f’pajjiż Ewropew”.

Vitaly Klitschko, Sindku ta’ Kiev, President tal-Assoċjazzjoni tal-Bliet Ukreni u membru onorarju tal-KtR, qal li l-Ukrajna “tiddefendi d-dritt tagħna li nkunu nistgħu nibnu pajjiż Ewropew modern” u qal li “jeħtieġ li nibnu pajjiż Ewropew bi standards Ewropej u għalhekk nirringrazzja lil kull min jipprova jgħin lill-Ukrajna”.

Għat-tnedija attendew personalment Oleksandr Markushyn, Sindku ta’ Irpin, waħda mill-ibliet l-aktar milquta fl-ewwel ġimgħat tal-gwerra. Huwa wera filmat li juri n-natura u l-iskala tal-ħsara – aktar minn 50% tal-belt inqerdet – u ssuġġerixxa li l-Alleanza tista’ tuża lil Irpin bħala proġett pilota għall-isforzi ta’ rikostruzzjoni. Il-belt Portugiża ta’ Cascais diġà wiegħdet li tgħin fir-rikostruzzjoni ta’ kindergarten.

Dario Nardella, President ta’ Eurocities u Sindku ta’ Firenze, qal: “Fil-livell ta’ belt, ilna niżviluppaw relazzjonijiet u networks, li ħafna minnhom ssaħħu matul dawn l-aħħar xhur hekk kif aċċettajna refuġjati u bgħatna l-għajnuna. Ninsabu lesti li nirrispondu malajr għall-ħtiġijiet tan-nies, u li nippjanaw għall-futur. Billi nikkooperaw ma’ ħafna muniċipalitajiet u reġjuni permezz ta’ din l-Alleanza, se ngħinu lill-poplu tal-Ukrajna jerġa’ lura fuq saqajh.”

María del Valle Miguélez Santiago, Viċi President Konferenza tar-Reġjuni Periferiċi Marittimi tal-Ewropa (CPMR) u membru tal-gvern reġjonali ta’ Murcia, qalet: “Il-qerda u l-imblokk tal-portijiet fil-Baħar l-Iswed u fil-baħar Azov huma diżastru globali. Il-portijiet Ewropej qed jagħmlu l-almu tagħhom iżda qed isibuha diffiċli biex iwasslu l-qamħ Ukren fil-bqija tad-dinja. Bi kriżi tal-ikel imminenti, għandna naħdmu flimkien biex ngħinu lir-reġjuni kostali tal-Ukrajna u l-bliet portwarji ewlenin bħal Kherson, Mariupol, Mykolaiv u Odesa jiksbu lura l-post ċentrali tagħhom fl-ekonomija dinjija.”

Jean-Claude Marcourt, President tal-Konferenza tal-Assembleji Leġiżlattivi Reġjonali tal-Unjoni Ewropea (CALRE), qal: “Fit-triq lejn l-adeżjoni tal-Ukrajna fil-proġett Ewropew, ir-reġjuni u l-bliet Ukreni se jkunu jistgħu jserrħu fuq l-appoġġ sħiħ ta’ CALRE, li se jagħmel minn kollox, f’konformità mad-dikjarazzjoni ta’ twaqqif tiegħu, biex jaħdem għad-difiża tal-prinċipji u l-valuri tad-demokrazija reġjonali fl-Ewropa.”

Magnus Berntsson, President tal-Assemblea tar-Reġjuni Ewropej (AER), qal: “It-tmexxija b’saħħitha tar-reġjuni Ukreni waqt il-gwerra hija ta’ ispirazzjoni għall-Ewropa kollha – l-istess kif se jkun l-irkupru tagħhom. L-AER tinsab mal-imsieħba reġjonali tagħna biex tappoġġja lill-Ukrajna fi triqitha lejn futur aħjar.”

Karl-Heinz Lambertz, President tal-Assoċjazzjoni ta’ Reġjuni mal-Fruntieri Ewropej (AEBR), qal: “Il-kooperazzjoni bejn ir-reġjuni tal-fruntiera tul il-fruntieri nazzjonali kienet ċentrali għall-bini tal-Ewropa fil-livell taċ-ċittadini. Bħala ‘laboratorji tal-integrazzjoni tal-UE’, ir-reġjuni tal-fruntiera se jgħinu biex jitħaffu l-iżvilupp u l-inkorporazzjoni tal-Ukrajna fl-Unjoni.”

Il-Kunsill tal-Muniċipalitajiet u r-Reġjuni Ewropej (CEMR) huwa wkoll membru tal-Alleanza.

L-assoċjazzjonijiet Ewropej, flimkien mal-KtR, huma membri ewlenin tal-Alleanza min-naħa tal-UE, flimkien mal-Patt tas-Sindki. Il-membri ewlenin tal-Ukrajna huma l-Assoċjazzjoni għall-Bliet Ukreni, l-Assoċjazzjoni Ukrena tal-Kunsilli Distrettwali u Reġjonali, l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Rurali u tal-Irħula tal-Ukrajna, u l-Assoċjazzjonijiet pan-Ukreni tal-Hromadas Amalgamati. Il-membri fundaturi tal-Alleanza jittamaw li jingħaqdu ma’ assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-gvern lokali u reġjuni u bliet individwali, kif ukoll istituzzjonijiet pubbliċi u privati.

Il-Presidenza Ċeka tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tippjana li f’Ottubru torganizza konferenza kbira ffukata fuq il-ħtiġijiet tar-rikostruzzjoni tal-Ukrajna, qabel it-tnedija tal-Pjattaforma ta’ Rikostruzzjoni tal-Ukrajna ppjanata għal tmiem l-2022. Fid-diskors tiegħu waqt il-plenarja tal-KtR tad-29 ta’ Ġunju, Ivan Bartoš, Viċi Prim Ministru għad-Diġitalizzazjoni u Ministru għall-Iżvilupp Reġjonali, qal li r-rikostruzzjoni tal-Ukrajna se tkun fost il-prijoritajiet tal-Presidenza Ċeka, filwaqt li stqarr li: “L-istabbiltà tal-Ukrajna hija kruċjali għall-futur.”

It-tnedija hija disponibbli fuq Europe by Satellite. Għal siltiet mit-tnedija u l-intervisti mas-Sindku Markushyn ta’ Irpin, mal-Kunsilliera Irina Yarmalenko ta’ Bucha, u ma’ membri individwali tal-KtR li attendew it-tnedija, jekk jogħġbok ikkuntattja lil audiovisualcor@cor.europa.eu.

Uffiċjal tal-istampa: Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok ikkuntattja lil Andrew Gardner, andrew.gardner@cor.europa.eu, +32 473 843 981.

Sfond:

  • L-Alleanza qed tappella sabiex ir-rikostruzzjoni tal-Ukrajna tinbena fuq il-prinċipji ta’: appoġġ għall-integrità territorjali u s-sovranità tal-Ukrajna; appoġġ għall-integrazzjoni Ewropea tal-Ukrajna; tisħiħ tal-pożizzjoni tal-awtonomija lokali; strateġija ta’ rikostruzzjoni mibnija fuq ippjanar integrat fil-livelli muniċipali u reġjonali; il-prinċipji tal-Karta Ewropea dwar l-Awtonomija Lokali; l-iżvilupp u l-modernizzazzjoni tal-kampanja; it-titjib tal-governanza tajba; l-iżvilupp u l-innovazzjoni tan-negozju reġjonali. L-UE identifikat sfida tripla għall-promozzjoni tar-reżiljenza, l-irkupru u r-riforma fl-oqsma tal-istituzzjonijiet, l-ekonomija, is-soċjetà, u t-trasformazzjonijiet ekoloġiċi u diġitali.
  • Aktar informazzjoni dwar l-Alleanza Ewropea tal-Bliet u r-Reġjuni għar-rikostruzzjoni tal-Ukrajna tinsab fuq is-sit web tal-KtR, flimkien ma’ informazzjoni dwar aspetti oħra dwar l-appoġġ tal-KtR għall-Ukrajna. Minn mindu faqqgħet il-gwerra, is-sindki Ukreni tkellmu f’kull plenarja tal-KtR u fil-laqgħat estiżi u ta’ emerġenza tal-Grupp ta’ Ħidma tal-KtR fit-30 ta’ Marzu u fit-23 ta’ Mejju. Fis-27 ta’ Ġunju, il-KtR organizza konsultazzjoni mal-esperti dwar ir-rwol tal-bliet u r-reġjuni tal-UE fir-rikostruzzjoni tal-Ukrajna.
  • Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, fit-12 u t-13 ta’ Ottubru, qed jippjana li jadotta sett ta’ rakkomandazzjonijiet dwar kif għandha tiġi megħjuna r-rikostruzzjoni tal-Ukrajna. Fit-23 ta’ Ġunju, Dario Nardella(IT/PSE), Sindku ta’ Firenze u President ta’ Eurocities, inħatar bħala r-relatur ġenerali. Karl-Heinz Lambertz (BE/PSE), President tal-Assoċjazzjoni ta’ Reġjuni mal-Fruntieri Ewropej, huwa membru tal-KtR u kien il-President tal-KtR mill-2017 sal-2020. Cees Loggen(NL/Renew Europe), President tal-Konferenza tar-Reġjuni Periferiċi Marittimi, huwa eks membru tal-KtR.
  • Ir-reġjuni u l-bliet rappreżentati fl-assoċjazzjonijiet Ewropej u fil-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni ilhom jipprovdu appoġġ umanitarju lir-refuġjati Ukreni mill-bidu nett tal-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja. In-Nazzjonijiet Uniti jistmaw li bħalissa hemm 5,2 miljun Ukren irreġistrati bħala refuġjati. Fid-29 ta’ Ġunju, il-Kummissjoni Ewropea ħabbret li se tiffaċilita u tħaffef l-għoti ta’ fondi lir-reġjuni u l-bliet tal-UE li qed jospitaw ir-refuġjati Ukreni, hija se żżid ukoll il-flessibiltà tal-istrument għall-appoġġ ta’ emerġenza li nħoloq f’Marzu, Azzjoni ta’ Koeżjoni għar-Refuġjati fl-Ewropa (CARE).
  • Informazzjoni dwar l-appoġġ estensiv u varjat li qed jipprovdu l-assoċjazzjonijiet territorjali Ewropej tinsab fuq is-siti web ta’ CALRE, CEMR, CPMR, Eurocities, AER, u AEBR. Kollha kemm huma kienu qed jikkooperaw mal-amministrazzjonijiet lokali u reġjonali fl-Ukrajna qabel il-gwerra.
  • Il-KtR ilu jaħdem mal-bliet u r-reġjuni Ukreni mill-2010, u fl-2015 stabbilixxa task force biex jappoġġja r-riformi ta’ deċentralizzazzjoni tal-Ukrajna. B'mod ġenerali huwa rikonoxxut li r-riformi qed jikkontribwixxu għas-suċċess tal-Ukrajna li tirreżisti għall-invażjoni tar-Russja.
  • Il-KtR enfasizza l-ħidma ta’ 13-il amministrazzjoni lokali Ukrena matul il-gwerra f’wirja ta’ ritratti fil-marġini tal-plenarja. Għal ritratti, jekk jogħġbok ikkuntattja lil: SupportUkraine@cor.europa.eu.
Ikkondividi :