Il-membri tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni iħeġġu favur in-newtralità klimatika waqt is-summit tan-NU dwar l-azzjoni klimatika u l-azzjonijiet ta’ aċċelerazzjoni attwali biex jiġu avvanzati l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli
Filwaqt li mijiet ta’ eluf kienu qed jistrajkjaw għall-klima, New York laqgħet mexxejja minn madwar id-dinja għas- summit tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Azzjoni Klimatika – flimkien mal-ewwel summit dwar l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs). Għalkemm mhux biżżejjed biex jintlaħqu l-miri tal-Ftehim ta’ Pariġi, is-Segretarju Ġenerali tan-NU, António Guterres, irnexxielu jagħti spinta lill-azzjoni klimatika b’100 belt u 77 pajjiż jimpenjaw ruħhom biex inaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra sa żero sal-2050 ( NU ). L-Unjoni Ewropea kkonfermat li 25% tal-baġit tal-UE li jmiss se jkun allokat għall-attivitajiet relatati mal-klima. L-Assemblea tal-UE tal-bliet u r-reġjuni kienet irrappreżentata mill-Ewwel Viċi President Markku Markkula flimkien ma’ diversi membri tal-KtR, li qasmu l-impenji u l-kisbiet tal-kostitwenzi tagħhom kemm dwar l-azzjoni klimatika kif ukoll dwar il-lokalizzazzjoni tal-SDGs.
L-Ewwel Viċi President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni Markku Markkula , qal: “ Issa huwa ż-żmien li nuru hawnhekk fi New York u aktar tard fil-COP25 fiċ-Ċilì, li l-gvernijiet lokali u reġjonali fl-Ewropa huma serji u impenjati favur l-azzjoni klimatika. Li aħna magħqudin u naġixxu flimkien, bejn l-Istati Membri u fi ħdan kull wieħed minnhom, fil-livelli kollha ta’ gvern u bl-involviment taċ-ċittadini, sabiex tinkiseb in-newtralità klimatika. ”
Il-Viċi President Markku Markkula fakkar li n-newtralità klimatika mhux se tinkiseb u lanqas m’huwa se jitreġġa’ lura t-tisħin globali mingħajr il-bliet u reġjuni. Il-Viċi President Markkula enfasizza l-ħtieġa li jiġi formalizzat ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fi ħdan il-Ftehim ta’ Pariġi permezz ta’ sistema f’diversi livelli li tintegra l- kontribuzzjonijiet lokali u reġjonali għall-pjanijiet nazzjonali dwar il-klima.
Juan Espadas (ES/PSE) , Sindku ta’ Sivilja, qal: “ Din hija ġimgħa importanti ħafna għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima fil-livell globali. Aktar mid-dikjarazzjonijiet politiċi, din il-ġimgħa hija dwar pjanijiet ta’ azzjoni, strumenti u mezzi finanzjarji biex issir il-bidla. Bħala president tan-Netwerk Spanjol tal-Bliet dwar il-Klima, il-preżenza tagħna fi New York turi l-impenn u l-kontribut tagħna għat-treġġigħ lura tat-tisħin globali permezz ta’ pjanijiet ta’ azzjoni dwar il-klima u l-enerġija fil-livell lokali. ”
Is-Sindku ta’ Lisbona, Fernando Medina (PT/PSE) , qal: “ Ta’ kuljum qed naraw l-isfidi tat-tibdil fil-klima. Waħda mill-prijoritajiet tagħna hija l-SDG 13 – jiġifieri s-sejħa urġenti għall-azzjoni klimatika. F’Lisbona, il-Belt Kapitali Ekoloġika tal-Ewropa 2020, qed naġixxu b’mod qawwi fuq il-mobilità b’titjib fis-sistema tat-trasport pubbliku, fuq soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura bħal infrastruttura ekoloġika u fuq l-effiċjenza enerġetika bl-użu tal-LEDs fid-dwal tat-traffiku u tal-pannelli solari fil-binjiet muniċipali. Jeħtieġ li naġixxu issa u flimkien. ”
Is-Sindku ta’ Manheim, Peter Kurz (DE/PSE) , enfasizza li ” is-Summit dwar l-SDGs huwa opportunità kbira biex tingħata spinta ulterjuri lill-iżvilupp sostenibbli tagħna. Aħna, l-Ewropej, irridu nagħmlu progress konsiderevoli f’dan il-qasam jekk irridu nżommu l-prosperità tagħna u nżommu r-riżorsa naturali tagħna. Politika ta’ sostenibbiltà komprensiva, b’kont meħud tal-koeżjoni soċjali, l-iżvilupp ekonomiku u l-ġlieda kontra l-faqar hija ta’ importanza ewlenija. ”
Kata Tűttö (HU/PSE) , membru tal-Gvern Lokali ta’ Distrett 12 f’Budapest, qalet: “ Madwar id-dinja kollha, din il-ġimgħa mijiet ta’ eluf ta’ tfal tagħna qed jinżlu fit-toroq u jistrajkjaw għall-klima bl-għajta li mhux qed nieħdu ħsieb il-futur tagħhom. Qed jitolbu li naġixxu issa. Il-bliet jistgħu jagħmlu bidla u jagħtu spinta lit-tranżizzjoni u b’hekk insejjaħ lill-politiċi lokali kollha biex jingħaqdu fil-ġlieda! ”
Andre Viola (FR/PSE) , President tal-Kunsill tal-Kontea tal-Aude, qal: “ L-SDGs mhumiex limitati biss għad-dimensjonijiet ambjentali u klimatiċi. Din hija aġenda globali biex “ħadd ma jitħalla lura”. Peress li għandna sfidi komuni, irridu nħarsu wkoll lejn soluzzjonijiet komuni. Ir-rikonoxximent tal-“lokalizzazzjoni tal-SDGs” jagħraf ir-rwol ewlieni li l-gvernijiet lokali u reġjonali għandhom f’dan il-qasam. Min-naħa tal-Kunsill tal-Kontea ta’ Aude, immirajna l-politiki pubbliċi kollha tagħna biex nilħqu l-SDGs bħala l-ewwel pass biex dawn jiġu mħaddna lokalment. ”
Anders Knape (SE/PPE) , Membru tal-Kunsill Muniċipali ta’ Karlstad u President tal-Kungress tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali tal-Kunsill tal-Ewropa, qal: “ Soċjetà b’aktar ugwaljanza bejn is-sessi hija prerekwiżit għall-kisba tal-miri tal-Aġenda 2030. Huwa importanti li l-ugwaljanza bejn is-sessi (mira 5) tiġi integrata fl-implimentazzjoni tas-16-il Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli l-oħra. ” Dan kien il-messaġġ tiegħu f’laqgħa ma’ Åsa Regner, Viċi Direttur ta’ UN Women f’New York.
Fl-aħħar laqgħa tal-ENVE , Cor Lamers (NL/PSE) , President tal-Kummissjoni ENVE u Sindku ta’ Schiedam, qal: " Irridu nqiegħdu l-klima fil-qalba tal-politiki tagħna. Għandna bżonn naħdmu flimkien fil-livelli kollha fuq tranżizzjonijiet differenti: l-enerġija, il-mobilità, l-ikel, eċċ. U jeħtieġ li ninvolvu ċ-ċittadini tagħna fl-implimentazzjoni ta’ dawk il-bidliet. ”
Membri oħrajn tal-KtR preżenti fi New York kienu jinkludu Raffaele Cattaneo (IT/PPE) , Membru tal-Gvern Reġjonali tal-Lombardija u Francois Decoster (FR/RE) , Sindku ta’ Saint Omer.
Fost attivitajiet oħra, il-membri ppreżentaw l-azzjonijiet ta’ aċċellerazzjoni tal-SDGs tagħhom fil- Forum tal-Gvernijiet Lokali u Reġjonali dwar l-SDGs .
F’ Ġunju li għadda, il-KtR adotta Opinjoni ta’ Michele Emiliano (IT/PSE) , President tar-reġjun tal-Puglia, li tiġbor flimkien sett ta’ rakkomandazzjonijiet biex l-Ewropa tilħaq in-newtralità klimatika sal-2050.
Informazzjoni ta’ sfond
Aqra hawn il-' 5 punti saljenti għall-bliet u r-reġjuni mis-Summit tan-NU dwar l-Azzjoni Klimatika ' (minn ICLEI) .
Aqra hawn l-editorjal dwar il-klima tal-President Karl-Heinz Lambertz (ippubblikat fit-23 ta’ Settembru 2019).
L-Ewropa mhux se tikseb newtralità klimatika sal-2050 mingħajr il-bliet u r-reġjuni tagħha.
Il-Ġimgħa Ewropea tar-Reġjuni u l-Bliet ta’ din is-sena (7-10 ta’ Ottubru) tinkludi aktar minn ħamsin avveniment marbuta mat-tranżizzjoni tal-enerġija, il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, il-bijodiversità u l-ekonomija ċirkolari. Ara l-programm hawnhekk.
Ikklikkja hawn biex taċċessa l-aġenda tas-sessjoni plenarja li jmiss tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (8-9 ta’ Ottubru).
Aqra hawn l-aħħar aħbarijiet mill-kummissjoni ENVE.
Kuntatt: david.crous@cor.europa.eu / +32 (0) 470 88 10 37