Il-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel u l-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen se jiddiskutu r-rispons tal-Unjoni Ewropea għall-pandemija tal-coronavirus fil-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni fit - 12 u t-13 ta’ Ottubru. L-assemblea tal-UE għall-politiċi lokali u reġjonali ser torganizza wkoll dibattiti mal-President u l-Viċi President tal-Bank Ewropew tal-Investiment, Werner Hoyer u Lilyana Pavlova . Se jsiru wkoll dibattiti ma’ erba’ kummissarji – Frans Timmermans, Viċi President Eżekuttiv u Kummissarju għall-Patt Ekoloġiku Ewropew; Elisa Ferreira, Kummissarju għall-Koeżjoni u r-Riformi; Paolo Gentiloni, Kummissarju għall-Ekonomija; u Nicolas Schmit, Kummissarju għall-Impjiegi u d-Drittijiet Soċjali.
Il-plenarja ser tipprovdi lill-membri tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR) b’opportunità biex jivvalutaw il-kontribut potenzjali tal-UE għall-isforzi ta’ rkupru fil-livell lokali u reġjonali u biex jiddiskutu l-pakkett ta’ rkupru tal-UE u l-baġit fit-tul.
Id-dibattiti ser ikunu infurmati minn stħarriġ estensiv mill-KtR dwar l-impatt tal-pandemija fuq is-saħħa, l-ekonomiji u l-komunitajiet tar-reġjuni u l-bliet tal-UE. L-istħarriġ – l-ewwel Barometru Reġjonali u Lokali Annwali – jissejjes fuq feedback miġbur permezz ta’ mekkaniżmi ġestiti mill-KtR, fuq stħarriġ dwar il-finanzi sottonazzjonali mwettaq b’mod konġunt mal-OECD u fuq studji mill-aġenziji tal-UE. Dan jinkludi wkoll l-ewwel stħarriġ tal-opinjoni minn mindu seħħet il-pandemija tal-fiduċja pubblika fil-gvernijiet lokali, reġjonali u nazzjonali fl-UE, kif ukoll il-fiduċja fl-UE. Barra minn hekk, is-26 000 persuna mistħarrġa minn Kantar ġew mistoqsija jekk iħossux li l-bliet u r-reġjuni għandhomx biżżejjed influwenza fuq id-deċiżjonijiet meħuda fil-livell tal-UE u – jekk le – f’liema oqsma tal-ħajja jixtiequ li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkollhom aktar influwenza.
Apostolos Tzitzikostas (EL/PPE), President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni u Gvernatur tal-Maċedonja Ċentrali, qal: “L-ewwel Barometru Reġjonali u Lokali Annwali juri xi wħud mill-oqsma fejn l-UE għandha tiffoka l-appoġġ tagħha fuq ir-reġjuni, il-bliet u l-irħula. Dan jenfasizza kif il-pandemija qed twessa’ d-distakki soċjoekonomiċi reġjonali u qed tagħmel pressjoni tremenda fuq il-finanzi tal-gvernijiet lokali u reġjonali. L-istħarriġ tal-opinjoni kkummissjonat apposta tagħna juri li, għaċ-ċittadini tagħna, l-aħjar mod biex inqarrbu lill-UE lejn il-poplu tagħha u nibnu l-fiduċja fil-politiċi tal-Ewropa huwa li l-livelli kollha tal-gvern – lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropej – jikkooperaw aħjar.”
Il-Barometru Reġjonali u Lokali Annwali (#EURegionalBarometer) huwa skedat biex jikkoinċidi mal- Ġimgħa Ewropea tar-Reġjuni u l-Bliet (#EURegionsWeek), li hija koorganizzata mill-KtR u mill-Kummissjoni Ewropea. It-18-il edizzjoni tal-#EURegionsWeek se tinfetaħ uffiċjalment mill- Kummissarju Elisa Ferreira u l-President Tzitzikostas fit-12 ta’ Ottubru. Il-Kummissarju Ferreira se tieħu sehem ukoll fi Djalogu maċ-Ċittadini fit-13 ta’ Ottubru.
Din is-sena, #EURegionsWeek hija mifruxa fuq tliet ġimgħat u primarjament se ssir online . Dan għadu l-akbar avveniment uniku organizzat mill-UE, b’800 imsieħeb, u aktar minn 9000 parteċipant irreġistrati. Il-proġetti ffinanzjati mill-UE li juru eċċellenza partikolari u approċċi ġodda għall-iżvilupp reġjonali se jiġu rikonoxxuti fiċ-ċerimonja tal-għoti tal-premjijiet RegioStars fl-14 ta’ Ottubru; hemm ħames rebbieħa magħżula minn lista ristretta ta’ 25.
Matul it-tlett ijiem (12-14 ta’ Ottubru) tas-sessjoni plenarja tal-KtR, il-membri tal-KtR ser jiddibattu u jadottaw ukoll rakkomandazzjonijiet dwar 26 punt separat ta’ leġiżlazzjoni tal-UE, kull wieħed minnhom bil-potenzjal li jikkontribwixxi għall-isforz ta’ rkupru tal-UE.
ID-DIBATTITI EWLENIN
- 12 ta’ Ottubru, 11 a.m. : Dibattitu dwar il-Barometru Lokali u Reġjonali Annwali ma’ Ursula von der Leyen , President tal-Kummissjoni Ewropea u l- Viċi President Maroš Šefčovič .
- 12 ta’ Ottubru, 2.30 p.m .: Dibattitu dwar il-koeżjoni u l-ftuħ uffiċjali tat-18-il #EURegionsWeek, ma’ Elisa Ferreira , Kummissarju għall-Koeżjoni u r-Riformi.
- 13 ta’ Ottubru, 9 a.m .: Dibattitu dwar il-Patt Ekoloġiku, ma’ Frans Timmermans , Viċi President Eżekuttiv tal-Kummissjoni Ewropea, Kummissarju għall-Patt Ekoloġiku Ewropew.
- 13 ta’ Ottubru, 2.30 p.m .: Dibattitu dwar il-Presidenza Ġermaniża ma’ Angela Merkel , Kanċillier tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja.
- 14 ta’ Ottubru, 10 a.m .: Dibattitu dwar il-fondi u l-irkupru ma’ Werner Hoyer , President tal-Bank Ewropew tal-Investiment, u Lilyana Pavlova , Viċi President tal-Bank Ewropew tal-Investiment.
- 14 ta’ Ottubru, 11.30 a.m. : Kwistjonijiet tal-UE għall-awtoritajiet lokali u reġjonali.
- 14 ta’ Ottubru, 2.30 p.m.: Dibattitu dwar ir-reżiljenza u l-irkupru, ma’ Paolo Gentiloni , Kummissarju għall-Ekonomija.
- 14 ta’ Ottubru, 3.30 p.m.: Debate dwar l-affarijiet soċjali, ma’ Nicolas Schmit , Kummissarju għall-Impjiegi u d-Drittijiet Soċjali.
OPINJONIJIET GĦALL-ADOZZJONI
- Il-pakkett REACT-EU . Relatur: Mieczysław Struk (PL/PPE), President tar-Reġjun ta’ Pomrskie .
- Pjan ta’ rkupru għall-Ewropa: Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u l-istrument ta’ appoġġ tekniku . Relatur: Christophe Rouillon (FR/PSE), Sindku ta’ Coulaines .
- Il-kura tas-saħħa transkonfinali . Relatur: Karsten Uno Petersen (DK/PSE), Kunsill Reġjonali tad-Danimarka tan-Nofsinhar .
- Mekkaniżmu tal-UE għall-Emerġenzi tas-Saħħa . Relatur : Birgitta Sacrédeus (SE/PPE), Kunsill tal-Kontea ta’ Dalarna
- Il-Programm “L-UE għas-Saħħa” . Relatur: Nathalie Sarrabezolles (FR/PSE), President tal-Kunsill tal-Kontea ta’ Finistère .
- Ir-rwol tal-politika ta’ koeżjoni tal-UE fir-rigward tal-bidla ekonomika intelliġenti u innovattiva fir-reġjuni fl-isfond tal-kriżi tal-coronavirus . Relatur: Michiel Rijsberman (NL/Renew Europe), Kunsill tal-Provinċja ta’ Flevoland .
- Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili msaħħaħ Relatur: Alberto Cirio (IT/PPE), President tar-Reġjun tal-Piemonte
- Ewropa soċjali b’saħħitha għal tranżizzjonijiet ġusti . Relatur: Anne Karjalainen (FI/PSE), Kunsill tal-Belt ta’ Kerava .
- Kundizzjonijiet tal-għajxien indaqs bħala kompitu komuni għal-livelli kollha ta’ amministrazzjoni fl-Ewropa Relatur: Bernd Lange (DE/PPE), Kap fid-Distrett Amministrattiv ta’ Görlitz.
- L-awtoritajiet lokali u reġjonali fid-djalogu permanenti maċ-ċittadini Relatur: Declan McDonnell (IE/AE), Kunsill tal-Belt ta’ Galway.
- Strateġija Industrijali Ġdida għall-Ewropa Relatur: Jeannette Baljeu (NL/Renew Europe), Kunsill tal-Provinċja tal-Olanda tan-Nofsinhar.
- Strateġija għall-SMEs . Relatur: Eddy van Hijum (NL/PPE), Kunsill tal-Provinċja ta’ Overijssel.
- Ir-Rapport dwar l-Ostakli għas-Suq Uniku u l-Pjan ta’ Azzjoni għall-Infurzar tas-Suq Uniku Relatur: Tadeusz Truskolaski (PL/AE), Sindku tal-Belt ta’ Białystok.
- Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Innovazzjoni Reġjonali u l-impatt tagħha fuq il-politiki reġjonali bbażati fuq il-post Relatur : Mikel Irujo Amezaga (ES/AE), Direttur Ġenerali responsabbli għall-Azzjoni Esterna tal-Gvern ta’ Navarra .
- Unjoni ta’ Ugwaljanza: Strateġija dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri għall-2020-2025 . Relatur: Concepción Andreu Rodríguez (ES/PSE), President tal-Gvern Reġjonali ta’ La Rioja .
- L-isfidi għad-demokrazija lokali fil-Balkani tal-Punent . Relatur: Nikola Dobroslavić (HR/PPE), Prefett tal-Kontea ta’ Dubrovnik-Neretva.
- Il-Patt Klimatiku Ewropew . Relatur: Rafał Trzaskowski (PL/PPE), Sindku ta’ Varsavja.
- It-Tiġdid tal-Karta ta’ Leipzig dwar il-Bliet Ewropej Sostenibbli . Relatur: Juan Espadas Cejas (ES/PSE), Sindku ta’ Sevilja.
- Bliet u reġjuni bijodiversi lil hinn mill-2020 fil-COP 15 tal-KDB tan-NU u fl-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030 Relatur: Roby Biwer (LU/PSE), Kunsill Muniċipali ta' Bettembourg.
- Lejn użu sostenibbli tar-riżorsi naturali fil-kuntest insulari tal-Mediterran. Relatur: Francina Armengol i Socias (ES/PSE), President tal-Gżejjer Baleariċi .
- Pjan ta’ Azzjoni Ġdid dwar l-Ekonomija Ċirkolari . Relatur: Tjisse Stelpstra (NL/KRE), Kunsill tal-Provinċja ta’ Drenthe.
- Strateġija għall-ġejjieni diġitali tal-Ewropa u Strateġija għad-data . Relatur: Mark Weinmeister (DE/PPE), Segretarju tal-Istat għall-Affarijiet Ewropej, Land ta’ Hessen .
- Intelliġenza Artifiċjali – Approċċ Ewropew għall-eċċellenza u għall-fiduċja . Relatur: Guido Rink (NL/PSE), Muniċipalità ta’ Emmen.
- Is-Sena Ewropea tal-Ferroviji (2021) . Relatur: Jarosƚaw Stawiarski (PL/KRE), President tar-Reġjun ta’ Lubelskie .
- It-tibdil demografiku: proposti dwar il-kejl u l-indirizzar tal-effetti negattivi tiegħu fir-reġjuni tal-UE . Relatur: János Ádám Karácsony (HU/PPE), Assemblea Lokali ta’ Tahitótfalu.
Informazzjoni prattika:
- Post : Kummissjoni Ewropean – Charlemagne.
- Data : it-Tnejn, 12 ta’ Ottubru – l-Erbgħa, 14 ta’ Ottubru 2020.
- Materjal ta’ sfond : L- aġenda tal-plenarja u l- opinjonijiet u d-dokumenti inkwistjoni.
- Xandira dirett a online : mis- sit web tal-KtR.
Kuntatt :
PresseCdr@cor.europa.eu