Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
Pjattaforma tal-broadband: il-bliet u r-reġjuni jingħaqdu mal-Kummissjoni biex inaqqsu d-distakk diġitali  

Illum, il-Kummissjoni Ewropea u l-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR) nedew pjattaforma konġunta sabiex jgħinu jwasslu l-broadband b’veloċità għolja fir-reġjuni Ewropej kollha, inklużi żoni rurali u skarsament popolati fejn ma jkunx hemm biżżejjed żvilupp immexxi mis-suq. L-ewwel laqgħa tal-Pjattaforma tal-Broadband saret fi Brussell fil-preżenza tal-Kummissarju għall-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali, Mariya Gabriel, il-President tal-KtR, Karl-Heinz Lambertz u politiċi lokali u reġjonali mill-Istati Membri tal-UE.

L-għan tal-pjattaforma l-ġdida huwa li tikkontribwixxi għall-iskjerament ta’ broadband ta' veloċità għolja sostenibbli, aħjar u aktar mgħaġġel fir-reġjuni Ewropej kollha, li b’hekk taħdem lejn l-eliminazzjoni tad-distakk diġitali minħabba l-lokazzjoni ġeografika jew falliment tas-suq. Is-suġġetti diskussi inkludew il-governanza, l-għażliet ta’ politika u teknoloġiċi, il-qafas regolatorju u l-opportunitajiet finanzjarji. Fil-laqgħa inawgurali, kien hemm enfasi partikolari fuq l-inizjattiva WiFi4EU li għandha l-għan li tiġi pprovduta konnettività mingħajr fili b’xejn fiż-żoni pubbliċi kollha madwar l-Ewropa.

Il-President tal-KtR Karl-Heinz Lambertz qal: "Il-konnettività tal-broadband b’veloċità għolja hija pedament tas-Suq Uniku Diġitali tal-UE u prerekwiżit għall-kompetittività fil-livell globali, pereżempju fil-qasam tal-kummerċ elettroniku. Din il-pjattaforma għandha ttejjeb il-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni Ewropea, l-awtoritajiet lokali u reġjonali, esperti u partijiet interessati differenti, u tippermetti li jiġu identifikati l-ostakli għall-investiment fl-iskjerament tal-broadband u biex jiġu żviluppati opportunitajiet ta’ finanzjament permezz tal-programmi tal-UE u sħubijiet pubbliċi-privati innovattivi.”

Mariya Gabriel , Kummissarju tal-UE għall-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali, qalet: “Il-kopertura tal-broadband tista’ sseħħ biss jekk ikunu totalment involuti l-persuni fil-livell lokali. Għandna bżonn li r-reġjuni jkunu parti minn dan sabiex nifhmu x’inhuma l-ħtiġijiet reali tagħhom għall-investiment. Jeħtieġ li nifhmu x’ostakli jiltaqgħu magħhom u kif aħna, il-Kummissjoni, nistgħu ngħinu nindirizzawhom. Il-Pjattaforma tal-Broadband, flimkien mal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, ser tkun strumentali biex tipprovdi lil dawk li jfasslu l-politika b’input siewi u infurmat dwar ir-realtà fuq il-post, proċess ta’ politika mill-iktar livell baxx li ser jippermetti lir-reġjuni Ewropej li jkunu involuti fl-iżvilupp tal-konnettività tagħhom.”

Il-Pjattaforma tal-Broadband tistabbilixxi djalogu politiku regolari bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni. Il-parteċipanti, li jinkludu 12-il membru tal-KtR, ser jiltaqgħu darbtejn fis-sena biex jiddiskutu suġġetti varji relatati mal-iskjariment tal-broadband: politika u governanza, għażliet teknoloġiċi, sorsi finanzjarji, qafas regolatorju.

Kieran McCarthy (IE/AE), membru tal-Kunsill Muniċipali ta’ Cork, li ħa sehem fl-ewwel laqgħa, qal: “L-awtoritajiet lokali u reġjonali jippromovu l-innovazzjoni u l-kompetittività fl-ekonomija tad-data permezz ta' soluzzjonijiet imfassla apposta għad-domanda u l-provvista, inkluża l-introduzzjoni tal-broadband, l-ekonomija diġitali, l-inklużjoni elettronika u l-gvern elettroniku. Madankollu, ħafna drabi r-reġjuni żvantaġġati m’għandhom la infrastruttura bażika u lanqas l-għarfien espert meħtieġ biex tiġi stabbilita ekonomija mmexxija mid-data diġitali. Permezz ta’ din il-pjattaforma, aħna naqsmu bejnietna l-aħjar prassi u nipprovdu soluzzjonijiet biex ngħinu lil kulħadd jikseb aċċess għas-suq uniku diġitali Ewropew.”

McCarthy mexxa r-rapport tal-KtR dwar Il-bini ta' ekonomija Ewropea tad-data , adottat nhar l-Erbgħa, li jappella lill-Kummissjoni biex tappoġġja lill-awtoritajiet lokali u reġjonali billi tipprijoritizza l-użu ta’ Fondi Strutturali u ta’ Investiment tal-UE għall-infrastruttura diġitali fir-reġjuni Ewropej kollha. L-Opinjoni ta’ McCarthy tenfasizza wkoll il-potenzjal enormi tal-ġbir tad-data għall-awtoritajiet lokali u reġjonali u n-negozji f'għadd ta' oqsma, li jvarjaw mis-saħħa, l-ambjent, is-sigurtà tal-ikel, il-klima u l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi, sal-enerġija, is-sistemi intelliġenti tat-trasport u l-bliet u r-reġjuni intelliġenti.

Kuntatt:
Lauri Ouvinen
Tel. +32 22822063

lauri.ouvinen@cor.europa.eu

Ikkondividi :