Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
Inressqu lill-Ewropa eqreb taċ-ċittadini: ‎ Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni jistabbilixxi tliet prijoritajiet għall-2020-2025  

1) Jifformula mill-ġdid il-mudell demokratiku tal-UE biex jirrifletti aħjar ir-rwol u r-responsabbiltajiet tal-awtoritajiet reġjonali u lokali

2) Jimmaniġġja trasformazzjonijiet soċjetali bħal pandemiji globali, rivoluzzjonijiet diġitali u ekoloġiċi, id-demografija

3) Irawwem il-koeżjoni u jagħmilha l-boxxla għall-politiki kollha tal-UE

Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR) adotta riżoluzzjoni fit-2 ta’ Lulju li tistabbilixxi t-tliet prijoritajiet tiegħu għall-ħames snin li ġejjin. L-assemblea politika għandha l-għan li tagħmel l-Unjoni Ewropea aktar reżiljenti, sostenibbli u koeżiva, billi ssaħħaħ l-involviment tar-reġjuni u l-bliet fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politika tal-UE.

1) Id-demokrazija u l-futur tal-Unjoni Ewropea

L-ewwel prijorità għandha l-għan li tqarreb lill-UE dejjem iktar lejn in-nies bl-għajnuna tal-mexxejja reġjonali u lokali. Id-deċiżjonijiet kollha tal-UE u dawk nazzjonali għandhom jittieħdu kemm jista’ jkun qrib iċ-ċittadini, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Il-Kumitat ser ikompli jinsisti wkoll biex jiġi żgurat li leġislazzjoni futura tal-UE tnaqqas il-piż amministrattiv u l-ispejjeż ta’ implimentazzjoni għar-reġjuni, il-bliet u l-irħula.

2) Nibnu komunitajiet lokali u reġjonali reżiljenti

It-tieni prijorità tiffoka fuq l-isfidi attwali li qed jiffaċċjaw l-irħula, il-bliet u r-reġjuni: il-ġestjoni tal-pandemija, u t-trasformazzjoni ekoloġika, diġitali u demografika, inklużi l-flussi migratorji. L-indirizzar b’suċċess ta’ dawn l-isfidi huwa possibbli biss jekk il-komunitajiet lokali kollha tal-Ewropa jsiru aktar reżiljenti.

3) Politiki tal-UE bbażati fuq il-post

It-tielet prijorità tenfasizza l-koeżjoni bħala valur fundamentali li jeħtieġ li jsir il-boxxla tal-politiki kollha tal-UE. It-tagħlima li għandha tittieħed mill-kriżi COVID-19 hija li l-koeżjoni hija aktar minn sempliċiment flus: hija valur li tmexxi t-tkabbir sostenibbli, toħloq impjiegi ta’ kwalità fit-tul u twassal għal politiki bbażati fuq il-post li jissodisfaw il-ħtiġijiet taċ-ċittadini.

Aqra l-fuljett dwar il-prijoritajiet ta’ ħames snin tal-Kumitat .

Apostolos Tzitzikostas (EL/PPE), il-Gvernatur tal-Maċedonja Ċentrali u l-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni minn Frar li għadda, qal: “Il-miljun politiku elett lokali u reġjonali huma kemm il-pedament tal-Ewropa kif ukoll ix-xibka ta’ sikurezza tagħha. Ninsabu fl-ewwel linja li ngħinu liċ-ċittadini jegħlbu l-agħar mumenti ta’ kriżi u mmexxu l-irkupru. Il-pandemija reċenti wriet li l-livelli kollha ta’ governanza jridu jaħdmu aħjar flimkien biex joffru soluzzjonijiet li jiżguraw u jtejbu l-ħajja tan-nies tagħna. Mudell bidimensjonali tal-Ewropa, ibbażat fuq l-istituzzjonijiet tal-UE u l-gvernijiet nazzjonali, wera l-limiti tiegħu. Jeħtieġ li l-UE tibdel u ġġedded il-kostruzzjoni tagħha b’mod tridimensjonali biex tirrifletti b’mod sħiħ ir-rwol tal-gvernijiet lokali u reġjonali fit-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE. Dan huwa l-messaġġ qawwi li se nwasslu lill-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa.”

Vasco Alves Cordeiro (PT/PSE), il-President tal-Azores u l-Ewwel Viċi President tal-KtR, qal: “Għall-ħames snin li ġejjin, il-KtR ser iwitti t-triq u jafferma mill-ġdid il-prijoritajiet tal-bliet u r-reġjuni għall-futur tal-Unjoni tagħna. Se nkunu qed naħdmu mal-bqija tal-istituzzjonijiet Ewropej kif ukoll mal-imsieħba Ewropej, nazzjonali u lokali tagħna. Il-missjoni tagħna hija wkoll li nqarrbu l-UE lejn fejn jgħixu ċ-ċittadini: il-bliet u r-reġjuni tagħhom.”

Il-presidenti tal-erba’ gruppi politiċi iżgħar enfasizzaw aspetti tal-prijoritajiet kondiviżi li huma ta’ importanza partikolari għall-membri tagħhom.

François Decoster (FR/Renew Europe), membru tal-Kunsill Reġjonali ta’ Hauts-de-France u President tal-grupp Renew Europe , qal: "Issa, aktar minn qatt qabel, neħtieġu investiment ambizzjuż. L-objettiv tagħna huwa li, aktar milli fil-passat, l-investiment tal-UE għandu jkun ta’ benefiċċju għall-ekonomiji lokali, il-komunitajiet lokali, u l-ambjent lokali. Din hija ambizzjoni li tgħaqqad il-gruppi politiċi kollha fil-KtR. U, bħala liberali, aħna ta’ Renew Europe nemmnu li tali investiment għandu u se jgħin biex tiġi ssalvagwardjata soċjetà ġusta, ħielsa u miftuħa li tfittex li tibbilanċja l-libertà, l-ugwaljanza u l-komunità.”

Władysław Ortyl (PL/KRE), il-President tar-Reġjun ta’ Podkarpackie u l-kap tal-grupp Konservattivi u Riformisti Ewropej , qal: "Aħna fil-KRE infittxu li nippreservaw dak li hu tajjeb u nirriformaw dak li jeħtieġ li jinbidel. It-tibdil fil-klima jobbliga deċiżjonijiet diffiċli ħafna, għalhekk, bħala membri tal-KRE se nenfasizzaw il-ħtieġa li jiġi żgurat li t-tranżizzjoni lejn ekonomija aktar ekoloġika tkun appoġġjata minn finanzjament adegwat u tippermetti flessibbiltà. Huwa ċar għalina li ċerti elementi tal-Patt Ekoloġiku tal-UE jirrikjedu reviżjoni u titjib. In-nuqqas li jsir dan se jġib miegħu spejjeż industrijali u soċjali sostanzjali għall-komunitajiet lokali tagħna.”

Kieran McCarthy (IE/Alleanza Ewropea), membru tal-Kunsill tal-Kontea ta’ Cork u President tal- Alleanza Ewropea , qal: “L-Alleanza Ewropea hija difensur tal-komunitajiet lokali u dejjem ġġieldet biex tiżgura li l-postijiet f’riskju ma jitħallewx lura fil-proġett Ewropew. Ninsabu kuntenti li oħrajn fil-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni ser ikomplu jaħdmu magħna fil-ħames snin li ġejjin fil-ġlieda biex inħarsu l-mezzi ta’ għajxien tal-bliet u l-muniċipalitajiet żgħar u tal-komunitajiet rurali u tal-gżejjer, u biex bħala bażi tat-tiġdid tal-Ewropa, jintużaw il-kulturi, l-esperjenzi u l-modi ta’ ħajja lokali rispettivi. L-UE tirrappreżenta s-solidarjetà u l-komunitajiet tagħna jeħtieġu bil-qawwa l-prinċipji tas-solidarjetà u s-sussidjarjetà f’dan iż-żmien ta’ sfidi globali kbar. Il-ħtieġa għal pjani direzzjonali prattiċi biex jiġu solvuti dawn l-isfidi hija essenzjali issa aktar minn qatt qabel.”

Satu Haapanen (FI/Ħodor), membru tal-Kunsill tal-Belt ta’ Oulu u kopresident tal-grupp tal-Ħodor, qalet: "Din ir-riżoluzzjoni hija, nittamaw, rikonoxximent mill-gruppi politiċi kollha li rridu naġixxu malajr, b’mod komprensiv, u b’mod kollettiv biex tiġi evitata katastrofu klimatiku li ma jistax jiġi kkontrollat. L-esperjenza turina li aktar ma l-komunitajiet iħaddnu aġenda ekoloġika, aktar ma jilħqu l-benefiċċji ekonomiċi u soċjali, u għalhekk inħeġġu lill-mexxejja lokali kollha biex jaħtfu l-opportunitajiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u biex il-bliet u r-reġjuni jkollhom aċċess dirett għall-fondi tal-UE. Il-Patt Ekoloġiku jeħtieġ li jkun patt soċjali wkoll. Ninsabu mħassba ħafna li ż-żgħażagħ – ġenerazzjoni li qed tmexxi l-politika klimatika ’l quddiem u l-ġenerazzjoni li se tkun l-aktar affettwata mit-tisħin globali – qed ibatu ħafna mill-kriżi tal-coronavirus. Għalhekk ninsabu kuntenti li l-gruppi politiċi l-oħra fil-KtR ser jingħaqdu magħna biex nagħmlu pressjoni għal Garanzija għaż-Żgħażagħ aktar b’saħħitha u għall-ħolqien ta’ Garanzija Ewropea għat-Tfal sabiex kull tifel u tifla f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali jkollu aċċess għal kura tas-saħħa b’xejn, edukazzjoni bla ħlas, edukazzjoni u kura mingħajr ħlas tat-tfal, akkomodazzjoni deċenti u nutrizzjoni adegwata."

F’Ottubru, fis-sessjoni plenarja li jmiss tal-KtR, se jsir segwitu bikri għar-riżoluzzjoni, meta l-President Tzitzikostas ser jippreżenta l-ewwel Barometru Lokali u Reġjonali Annwali, valutazzjoni bbażata fuq l-evidenza dwar kwistjonijiet ta’ tħassib speċjali għar-reġjuni u l-muniċipalitajiet tal-UE. L-ewwel Barometru se jikkunsidra l-istat tad-demokrazija lokali u r-rispons għall-pandemija tal-coronavirus.

Ir-riżoluzzjoni, intitolata 'Riżolużżjoni dwar Il-prijoritajiet tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni għall-2020-2025 – Ewropa eqreb taċ-ċittadini ' – hija disponibbli fis-sit web tal-KtR.

Kuntatt:

Andrew Gardner

Tel. +32 473 843 981

andrew.gardner@cor.europa.eu