Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
Brexit: niffaċċjaw l-inċertezzi, waqt li r-reġjuni u l-bliet iħejju għal kwalunkwe eżitu  
Il-Kap Negozjatur tal-UE, is-Sur Barnier, u l-President tal-KtR, is-Sur Lambertz, jappellaw lill-gvernijiet lokali u reġjonali biex jippreparaw għax-xenarji kollha possibbli fin-negozjati tal-Brexit.

Il-Kap Negozjatur għall-Unjoni Ewropea ħeġġeġ lir-reġjuni u l-bliet tal-UE biex iżidu t-tħejjijiet tagħhom għal kwalunkwe eżitu mit-taħditiet dwar il-ħruġ tar-Renju Unit. L-appell minn Michel Barnier kien ripetut mill-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni eżatt qabel ma l-Parlament tar-Renju Unit ivvota favur dewmien fid-data tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE.

Waqt li kien qed jindirizza lill-mexxejja lokali u reġjonali mill-UE fl-14 ta’ Marzu hekk kif il-Parlament tar-Renju Unit kien qed jipprepara biex jivvota biex idewwem il-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE, is-Sur Barnier qal: “L-UE għamlet dak kollu li tista’ biex tiffinalizza l-Ftehim dwar il-Ħruġ. L-impass jista’ jiġi solvut biss fir-Renju Unit. Il-preparamenti tagħna ta’ “l-ebda ftehim” huma aktar importanti minn qatt qabel. Minkejja dan tgħallimna lezzjonijiet importanti: l-ewwel nett, neħtieġu UE li tisma’ liċ-ċittadini u, it-tieni nett, għal ġejjieni b'suċċess kulħadd fl-UE jeħtieġ li jaħdem flimkien. Rajna li dan huwa possibbli.”

Karl-Heinz Lambertz , President tal- Kumitat Ewropew tar-Reġjuni , qal: “Ir-reġjuni u l-bliet madwar l-UE għandhom ikunu ppreparati sew biex jimmaniġġjaw l-impatt fuq il-popolazzjoni tagħhom u l-ekonomiji tagħhom, minkejja l-vot favur estensjoni mill-Parlament tar-Renju Unit. L-ispejjeż se jvarjaw b’mod sinifikanti minn reġjun għal ieħor, iżda l-effetti ta’ interruzzjoni kaotika għal għexieren ta’ snin ta’ relazzjonijiet soċjali u ekonomiċi jistgħu jkunu kolossali. Aħna nilqgħu d-deċiżjoni tas-Sur Barnier li jiġi fil-KtR f’dan l-aktar punti kruċjali fil-proċess tal-Brexit. Huwa jenfasizza li l-indirizzar tal-isfidi tal-Brexit għandu jkun sforz kollaborattiv bejn kull livell ta’ gvern fl-UE. Għalina dan huwa ċar: aħjar inkunu solidarji milli solitarji, u rridu niżguraw li l-UE tal-futur tkun aktar minn ekonomija tas-suq u tirrispondi b’mod suffiċjenti għall-ħtiġijiet soċjali taċ-ċittadini.”

Introduzzjoni

Is-Sur Barnier u l-President Lambertz kienu qed jitkellmu fis- Summit Ewropew tar-Reġjuni u l-Bliet , li laqqa’ flimkien membri tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni u madwar mitt politiku elett ieħor biex jiġi diskuss kif għandha tiġġedded l-UE. Is-Summit ta’ jumejn – li sar fl-14-15 ta’ Marzu f’Bucharest – wassal għal dikjarazzjoni li ser tintbagħat lill-mexxejja tal-UE biex jikkunsidrawha meta jiltaqgħu fid-9 ta’ Mejju f’Sibiu biex jiddikjaraw mill-ġdid l-impenn tagħhom għal UE aktar magħquda, aktar b’saħħitha u aktar demokratika.

Il-KtR ppubblika żewġ riżoluzzjonijiet dwar il-Brexit – waħda f’ Marzu 2017 u oħra f’ Mejju 2018 – li fihom enfasizza l-ħtieġa li jiġi evitat li tinħoloq fruntiera fiżika fil-gżira tal-Irlanda, li jiġu protetti d-drittijiet taċ-ċittadini, u li jiġi żgurat li l-gvernijiet lokali u reġjonali ma jitħallewx jindirizzaw l-effetti tal-Brexit waħedhom. Il-KtR jappoġġja relazzjoni futura mar-Renju Unit li tippermetti kooperazzjoni mill-qrib mar-reġjuni, il-bliet, in-negozji u l-universitajiet. Bi tħejjija għall-ħruġ tar-Renju Unit, il-KtR qasam it-tħassib tar-reġjuni u l-bliet ma’ dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fl-UE, kellu kuntatti mal-assoċjazzjonijiet tal-gvernijiet lokali fir-Renju Unit, u stabbilixxa pjattaforma politika interna – intergrupp Brexit – għall-membri tiegħu. Biex it-teħid tad-deċiżjonijiet ikun infurmat, huwa ddettalja t-tħassib tal-membri tal-KtR, eżamina ma’ Eurochambres l-aspettattivi u t-tħejjijiet tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-kmamar tal-kummerċ, u kkummissjona studju li jivvaluta l-impatt tal-Brexit fuq reġjuni u setturi speċifiċi.

Kuntatt:

Andrew Gardner

Tel. +32 473 843 981

andrew.gardner@cor.europa.eu

Ikkondividi: