Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
Il-Barometru Reġjonali u Lokali tal-UE jwissi: minħabba l-kriżi tal-COVID, is-servizzi pubbliċi se jispiċċaw b’defiċit ta’ EUR 180 biljun  

Il-President tal-KtR tal-UE Tzitzikostas iwissi li hemm lakuna ta’ EUR 180 biljun fil-finanzi lokali u jikkritika n-nuqqas tal-gvernijiet nazzjonali li jikkonsultaw lill-gvernijiet lokali fil-pjani ta’ investiment

Il- Barometru Reġjonali u Lokali – maħruġ mill- Kumitat Ewropew tar-Reġjuni – li ġie ppubblikat illum wissa li l-irkupru tal-UE qed jiddgħajjef minħabba n-nuqqas tal-bliet kapitali nazzjonali li jikkonsultaw il-bliet u r-reġjuni dwar il-pjani ta’ rkupru ta’ emerġenza ffinanzjati mill-UE. Il-prospett li l-fondi tal-UE ma jiġux diretti fejn il-bliet u r-reġjuni jħossu li huma l-aktar meħtieġa jirriskja wkoll li jaggrava l-problemi maħluqa minn diskrepanza fil-finanzjament ta’ EUR 180 biljun bejn in-nefqa u d-dħul ikkawżata mill-pandemija tal-COVID-19.

It- tieni rapport annwali , li jinkludi wieħed mill-akbar stħarriġiet tal-opinjoni fl-UE kollha tal-gvernijiet lokali u reġjonali li qatt saru – jenfasizza wkoll it-twessigħ tal-inugwaljanzi soċjali u ekonomiċi bejn ir-reġjuni fl-istess pajjiż u madwar l-UE, inkluż distakk diġitali rurali-urban li qed idgħajjef l-ambizzjonijiet tal-UE għal tranżizzjoni ekonomika ekoloġika u diġitali.

Huwa u jippreżenta r-rapport, Apostolos Tzitzikostas (EL/PPE), President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni u gvernatur elett tar-Reġjun tal-Maċedonja Ċentrali fil-Greċja, qal: “Il-Barometru Reġjonali u Lokali tagħna jkejjel l-impatt tal-pandemija fuq ir-reġjuni, il-bliet u l-irħula tagħna sabiex il-livelli kollha ta’ governanza – tal-UE, nazzjonali, reġjonali u lokali – ikunu jistgħu jieħdu azzjoni konkreta biex jindirizzaw il-problemi ta’ niesna. Ta’ spiss, l-Ewropa tiġi assoċjata biss mas-27 Stat Membru tagħha. L-Ewropa hija ħafna aktar rikka: hija magħmula minn 300 reġjun, 90 000 muniċipalità u 1,1 miljun politiku elett lokalment u reġjonalment, li jirrappreżentaw aktar minn 400 miljun persuna. Il-Barometru tagħna joffri perspettiva ġdida dwar l-istat tal-UE, filwaqt li jqis aħjar id-diversità, il-kumplessità u r-rikkezza tagħha”.

Hawn taħt qed jiġu elenkati xi wħud mis-sejbiet ewlenin tal-Barometru Reġjonali u Lokali:

  • Il-finanzi reġjonali u lokali qegħdin f’riskju. L-awtoritajiet reġjonali u lokali jġorru l-piż li jipprovdu servizzi pubbliċi u tas-saħħa ta’ kwalità tajba għan-nies tagħhom fi żmien meta l-finanzi lokali jinsabu f’livell drastikament baxx. Madwar l-UE, iż-żieda fl-ispejjeż u t-tnaqqis fid-dħul ħallew distakk ta’ madwar EUR 180 biljun fl-2020, b’EUR 130 biljun mitlufa mil-livelli reġjonali u intermedji, u EUR 50 biljun mitlufa fil-livell muniċipali. L-UE u l-Istati Membri għandhom id-dmir li jgħinu b’mod urġenti lill-awtoritajiet lokali biex jassorbu x-xokkijiet fuq il-finanzi tagħhom, anke permezz ta’ pjani nazzjonali ta’ rkupru.

  • Li tiġi injorata d-dimensjoni territorjali tal-kriżi tas-saħħa tpoġġi l-ħajjiet f’riskju. L-aħjar mod għall-UE u l-gvernijiet nazzjonali biex jaċċellaraw l-irkupru huwa billi jiżguraw li l-isforzi tagħhom jikkunsidraw bis-sħiħ l-ispeċifiċitajiet reġjonali u lokali: li tiġi injorata d-dimensjoni territorjali tas-saħħa qed ipoġġi l-ħajjiet f’riskju. Biex inkunu protetti aħjar, jeħtieġ li nerġgħu nivvalutaw il-kompetenzi tas-saħħa bejn il-livelli differenti tal-gvern. L-UE għandha tinvesti aktar fil-bini tar-reżiljenza fis-sistemi reġjonali u tikkoordina testijiet tal-istress b’rabta mal-kapaċitajiet biex tivvaluta l-istat ta’ tħejjija tagħhom għall-kriżijiet.

  • Ir-reġjuni qed jiġu injorati fil-Pjani Nazzjonali ta’ Rkupru, u dan qed jipperikola l-irkupru tal-UE u t-tilħiq tal-miri ekoloġiċi. Nirriskjaw li ma nilħqux il-miri ta’ rkupru minħabba li l-istrateġiji ma jqisux il-ħtiġijiet reali, id-diversità u d-disparitajiet tal-komunitajiet tagħna. Il-gvernijiet nazzjonali għandhom jimplimentaw pjani flimkien mar-reġjuni u l-bliet tagħhom. Irridu nkunu atturi ewlenin tal-governanza tal-pjani, minħabba r-responsabbiltajiet tagħna f’oqsma bħall-akkwist pubbliku, it-trasport, l-azzjoni klimatika, is-saħħa u l-edukazzjoni.

  • Id-distakk diġitali bejn iż-żoni urbani u rurali jista’ jpoġġi l-irkupru f’riskju: jinħtieġ b’mod urġenti appoġġ għall-“koeżjoni diġitali” . Il-kopertura totali tal-unitajiet domestiċi tal-UE b’networks ta’ kapaċità għolja ħafna hija ta’ 44 % fiż-żoni urbani, meta mqabbla ma’ 20 % fiż-żoni rurali. L-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jinvestu b’mod urġenti: il-koeżjoni diġitali hija kruċjali għal irkupru sod u inklużiv.

  • Il-faqar kaġun tal-COVID qed isir realtà. Qed jiżdied ir-riskju ta’ ġenerazzjoni mitlufa kaġun tal-COVID. Il-ħaddiema żgħażagħ u dawk b’livell baxx ta’ ħiliet kienu l-aktar affettwati. In-nies li jgħixu f’kundizzjonijiet ħżiena, il-persuni b’diżabilità u l-anzjani sofrew kundizzjonijiet tal-għajxien li sejrin għall-agħar. L-Ewropa trid taġixxi b’mod konkret u b’solidarjetà biex ikun hemm irkupru aktar ġust.

  • Il-politiċi reġjonali u lokali jaħsbu li mhumiex importanti biżżejjed fl-UE u jridu jkollhom aktar influwenza f’oqsma bħall-ekonomija, il-ġustizzja soċjali, it-tibdil fil-klima u l-ambjent. Li din is-sejħa tiġi injorata jkun żball mhux skużabbli, u se jwessa’ d-distakk bejn l-UE u l-komunitajiet tagħha. Neħtieġu spinta ġdida għad-demokrazija Ewropea biex insaħħu l-valuri Ewropej tagħna. Il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa għandha tkun il-post fejn tinbeda riflessjoni ġenwina dwar il-mudell demokratiku tal-UE.

KUNTEST

Il-Barometru joffri stampa tal-impatt tal-kriżi soċjali, ekonomika u tas-saħħa fuq ir-reġjuni u l-bliet tal-UE. Il-fatti u s-sejbiet tagħha huma kkomplementati minn stħarriġ tal-opinjoni pubblika ta’ politiċi lokali u reġjonali fis-27 Stat Membru tal-UE. L-istħarriġ, ikkummissjonat mill-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni u mwettaq mill-IPSOS, jistaqsi dwar il-fehmiet ta’ dawn il-politiċi fir-rigward tal-kwalità tar-relazzjoni bejn il-gvernijiet sottonazzjonali u l-gvernijiet nazzjonali u l-UE, l-istat tad-demokrazija fl-UE, u l-aġenda tagħhom għall-progress.

Il- Barometru Reġjonali u Lokali Annwali (#EURegionalBarometer) huwa ssupplimentat minn riżoluzzjoni politika mit-329 membru tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, l-assemblea politika tal-UE tal-gvernijiet lokali u reġjonali.

Sejbiet tal-Barometru Reġjonali u Lokali Annwali: [links għad iridu jiġu aġġornati]

Persuna ta’ kuntatt :

Michele Cercone

Kelliem tal-President

Tel. +32 (0)498 9823 49

michele.cercone@cor.europa.eu

Share: