In-Network ta’ Ċentri Reġjonali (RegHub) tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR) huwa network ta’ reġjuni u bliet Ewropej li jivvaluta l-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE. Huwa tnieda fl-2018 u bħalissa għandu 36 membru.
In-network jikkonsisti f’uffiċjali pubbliċi (“punti ta’ kuntatt”) ibbażati fil-livell reġjonali u lokali, li jiġbru feedback tekniku mill-partijiet ikkonċernati dwar l-esperjenza tagħhom tal-implimentazzjoni fuq il-post tal-politiki tal-UE eżistenti.
Ir-RegHub jiġbor din l-informazzjoni mill-punti ta’ kuntatt tiegħu permezz ta’ konsultazzjonijiet immirati, li huma tradotti bil-lingwi kollha tal-UE. Dan ifisser li l-partijiet ikkonċernati jistgħu jissottomettu l-kontributi tagħhom bil-lingwa materna tagħhom. Il-punt ta’ kuntatt imbagħad jgħaqqad l-informazzjoni miġbura f’“rapport ta’ implimentazzjoni”, li l-KtR juża fid-diversi evalwazzjonijiet tal-politiki tal-UE. Għaldaqstant, in-network iżid il-perspettiva lokali u reġjonali fit-tfassil tal-politika tal-UE u jkabbar il-bażi ta’ evidenza tagħha.
Min jista’ jissieħeb fir-RegHub 2.0 u x’inhu mistenni mill-membri?
Madwar sentejn ilu l-KtR nieda l-fażi pilota tar-RegHub. Wara evalwazzjoni pożittiva tal-prestazzjoni tar-RegHub, il-KtR issa qiegħed iniedi l-fażi operattiva tan-network (RegHub 2.0) u ppubblika sejħa għal applikanti ġodda sabiex jissieħbu fin-network.
Kull awtorità lokali u reġjonali fl-Unjoni Ewropea tista’ tapplika u ssir membru fin-network RegHub. Mhuwiex meħtieġ li l-awtorità lokali jew reġjonali li tapplika tkun rappreżentata fil-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni.
Ċentru reġjonali għandu jaħtar “punt ta’ kuntatt” dedikat għar-RegHub. Dan il-punt ta’ kuntatt għandu jkun membru tal-persunal tal-amministrazzjoni lokali u reġjonali, idoneu u esperjenzat, u bbażat fit-territorju taċ-ċentru. Dan il-punt ta’ kuntatt għandu jkollu livell tajjeb ta’ Ingliż mitkellem u miktub u jingħata mandat mill-amministrazzjoni tiegħu/tagħha sabiex:
- jieħu sehem fil-laqgħat tar-RegHub (laqgħat fiżiċi jew virtwali);
- jieħu sehem fil-konsultazzjonijiet kollha tar-RegHub;
- jiġbor il-kontribut tal-partijiet ikkonċernati għal kull konsultazzjoni tar-RegHug;
- u jaġixxi bħala punt ta’ kuntatt għall-istituzzjonijiet u l-organizzazzjonijiet rilevanti fit-territorju tiegħu/tagħha involuti fl-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE.
Ir-reġjuni u l-bliet li jieħdu sehem se jiffinanzjaw l-ispejjeż kollha relatati maċ-ċentru reġjonali tagħhom, ħlief għall-parteċipazzjoni tal-punt ta’ kuntatt taċ-ċentru fil-laqgħat fiżiċi tan-network. L-ispejjeż tal-ivvjaġġar marbuta mal-laqgħat fiżiċi se jiġu rimborżati skont ir-regolamenti finanzjarji applikabbli.
Il-kriterji tal-għażla
L-għażla tal-membri tar-RegHub 2.0 se tkun ibbażata fuq il-kriterji li ġejjin:
- il-prestazzjoni matul il-fażi pilota (dan il-kriterju japplika biss għall-membri attwali tar-RegHub);
- il-motivazzjoni u l-kapaċita tal-applikanti li jikkontribwixxu;
- id-diversità tal-membri mil-lat tar-rwol istituzzjonali u s-setgħat leġiżlattivi, kif ukoll popolazzjoni, daqs, u karatteristiċi soċjali u ekonomiċi;
- u bilanċ ġeografiku adegwat tal-membri fl-UE.
Għaliex ir-reġjun jew il-belt tiegħi għandhom japplikaw?
Iċ-ċentri reġjonali u l-partijiet ikkonċernati tagħhom għandhom pożizzjoni privileġġjata bħala sorsi tal-esperjenza tal-utenti primarja fir-rigward tal-evalwazzjonijiet tal-politika tal-UE. Barra minn hekk, iċ-ċentri se jkunu parti mis-sottogrupp RegHub tal-pjattaforma l-ġdida
Fit for Future tal-Kummissjoni Ewropea u. għaldaqstant, se jkollhom impatt ikbar u aktar dirett fuq it-tfassil aħjar tal-liġijiet.
Kif jistgħu japplikaw il-belt jew ir-reġjun tiegħi?