Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
Il-Premju Paweł Adamowicz se jonora lil dawk li jiġġieldu għal-libertà u s-solidarjetà u kontra l-intolleranza, l-oppressjoni u l-ksenofobija.  

Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, flimkien man-Network Internazzjonali tal-Bliet ta’ Rifuġju u l-belt ta’ Gdańsk, iħabbar it-tnedija tal-Premju biex tiġi onorata l-memorja tas-Sindku ta’ Gdańsk u membru tal-KtR, li nqatel fl-2019.

Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, flimkien man-Network Internazzjonali tal-Bliet ta’ Rifuġju (ICORN) u l-belt ta’ Gdańsk, illum ħabbru, fil-preżenza tal-Kummissarju għall-Affarijiet Interni, Ylva Johansson , li nħoloq il-Premju tas-Sindku Paweł Adamowicz. Il-Premju – imsemmi għal Paweł Adamowicz, Sindku ta’ Gdańsk u membru tal-KtR, li nqatel fl-2019 – se jonora lil dawk li jiġġieldu għal-libertà u s-solidarjetà, u kontra l-intolleranza, l-oppressjoni u l-ksenofobija.

L-għan tal-Premju tas-Sindku Paweł Adamowicz huwa li jiżviluppa l-legat tiegħu fl-ispirtu tal-missjoni ewlenija tal-ICORN: li tiġi avvanzata l-libertà ta’ espressjoni, jiġu difiżi l-valuri demokratiċi, u tiġi promossa s-solidarjetà internazzjonali. L-istabbiliment ta’ dan il-Premju huwa att li jonora u jirrikonoxxi lil kull min jaħdem b’kuraġġ u integrità kontra l-intolleranza, ir-radikalizzazzjoni, id-diskors ta’ mibegħda, l-oppressjoni u l-ksenofobija, u li jaħdem biex jiġu promossi l-opportunitajiet indaqs, l-integrazzjoni soċjali u d-drittijiet fundamentali.

Apostolos Tzitzikostas , President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni u Gvernatur tar-reġjun tal-Maċedonja Ċentrali, qal: “Qatt mhu se ninsew il-passjoni u d-dedikazzjoni ta’ Paweł Adamowicz għall-komunità tiegħu u l-protezzjoni li ta lil dawk fil-bżonn . B’dan il-Premju nixtiequ ninkoraġġixxu lill-atturi lokali u reġjonali biex ikomplu jiġġieldu kontra r-radikalizzazzjoni, id-diskors ta’ mibegħda u d-diskriminazzjoni fil-komunitajiet tagħhom” .

Ylva Johansson , Kummissarju Ewropew għall-Affarijiet Interni, iddeskriviet lil Paweł Adamowicz bħala “ mexxej lokali u mexxej Ewropew, li kien semma' leħnu għal-libertà u l-valuri tiegħu, fil-bidu bħala żagħżugħ kontra l-komuniżmu, aktar tard billi appoġġja d-drittijiet tar-refuġjati u l-persuni LGBTQ, spiss kontra oppożizzjoni qawwija, u saħansitra mibegħda”. Hija faħħret l-inizjattiva biex tinħoloq tifkira għall-memorja tiegħu, u qalet li hemm bżonn “ li tiġi rikonoxxuta l-ħidma tal-mexxejja lokali li jilqgħu lir-refuġjati fil-komunitajiet tagħhom, li jaħdmu għat-tolleranza, il-libertà, id-drittijiet fundamentali u l-inklużjoni soċjali, li jistħoqqilhom li jkunu fiċ-ċentru tal-attenzjoni, li jeħtieġ li jkunu fiċ-ċentru tal-attenzjoni ”. Hija wriet appoġġ qawwi għall-mexxejja lokali, billi qalet lill-mexxejja lokali u reġjonali li “ huma jinsabu fl-aħjar pożizzjoni biex jagħmlu differenza, fl-irħula, il-bliet u r-reġjuni, fit-toroq, fl-iskejjel u fil-viċinati tal-Ewropa . Għax dan huwa fejn issib il-qalba tal-komunitajiet tagħna, il-qalba tal-kontinent tagħna u l-qalba tal-Unjoni Ewropea tagħna. L-azzjoni lokali ma tfissirx azzjoni waħidha”.

Magdalena Adamowicz , Membru tal-Parlament Ewropew u l-armla ta’ Paweł Adamowicz, qalet: “Illum, il-ġlieda għall-ugwaljanza għal kull bniedem issir ġlieda għall-Unjoni Ewropea. L-ugwaljanza hija l-vera pedament tal-komunità tagħna, li mingħajrha l-eżistenza tal-Unjoni ma tkunx possibbli. Għandna bżonn kuraġġ biex niddefendu l-ugwaljanza u l-libertà, għaliex dan huwa fejn jolqtu l-antidemokratiċi. Jafu li jekk jaqtgħuna mill-valuri Ewropej, se jkun qishom qed jaqtgħu siġra mill-għeruq tagħha. Żewġi kien jaf b’dan u huwa għal din ir-raġuni illi ddefenda l-għeruq tagħna, il-valuri tal-umanitarjaniżmu u d-demokrazija b’kuraġġ bħal dan. Il-Premju Paweł Adamowicz se jfakkarna – lilna l-Ewropej – li l-paċi u l-prosperità jiddependu fuq il-kooperazzjoni, u l-kooperazzjoni teħtieġ fiduċja u rispett reċiproċi, u r-rispett huwa possibbli biss meta kulħadd jiġi ttrattat b’mod ugwali u b’dinjità.”

Is-Sindku ta’ Gdańsk, Aleksandra Dulkiewicz , qalet: “Gdańsk taqsam dak li hu tajjeb”. Dawn kienu l-aħħar kelmiet ta’ Paweł Adamowicz, li kien qed jibni dinja aħjar minkejja l-insensittività, l-intolleranza, il-mibegħda u l-vjolenza. U aħna nagħmlu l-istess – naqsmu t-tajjeb. Mhux biss mal-maħbubin tagħna, mhux biss maċ-ċittadini ta’ Gdańsk. Is-solidarjetà u l-libertà huma l-valuri li sawru Gdańsk u l-ħtieġa tal-lum għal azzjoni u appoġġ ġenwini għal dawk li jiksrulhom id-drittijiet tagħhom. U mhuwiex importanti minn fejn ġejjin, lil min iħobbu, u lil min jitolbu. Nistgħu naraw ħafna aktar fil-mistednin tagħna minn sempliċiment immigranti fil-bżonn. Għalina, din hija opportunità biex insiru nafuhom bħala artisti, imsieħba ugwali, personalitajiet siewja, u sempliċement bħala ġirien li jistħoqqilhom min jieħu ħsiebhom u huwa utli li noħolqu futur komuni magħhom”.

Helge Lunde , Direttur Eżekuttiv ta’ ICORN, qalet: ICORN jaħdem mill-konvinzjoni li l-bliet jistgħu jkunu atturi importanti għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertà tal-espressjoni. Matul dawn l-aħħar snin ħloqna network ta’ refuġji sikuri li joffru kenn għal kittieba u artisti ppersegwitati mid-dinja kollha, u l-valuri tal-ospitalità, tal-kreattività u tas-solidarjetà jkomplu jiġu minquxa fl-etos tal-belt. Is-Sindku Paweł Adamowicz iġġieled għal-libertà u s-solidarjetà tul ħajtu u l-karriera tiegħu. Fuq inizjattiva tiegħu, Gdańsk ingħaqdet mal-ICORN, u għalhekk huwa importanti li n-network tagħna jippromovi l-valuri li huwa kien jappoġġja. Nifirħu lill-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni għat-tnedija tal-Premju f’ismu fid-19 ta’ Marzu, u flimkien mal-belt ta’ Gdansk nistennew bil-ħerqa li nieħdu sehem fl-implimentazzjoni tal-ewwel edizzjoni tal-Premju”.

Il-Premju tas-Sindku Paweł Adamowicz se jingħata lil mexxej ta’ belt, mexxej ċiviku, organizzazzjonijiet li jaħdmu fi sħubija mal-awtoritajiet lokali u reġjonali, li, fuq l-eżempju tas-Sindku Adamowicz, jibni pontijiet u jwaqqa’ l-ostakli, b’sens ċar ta’ innovazzjoni u responsabbiltà għall-ġenerazzjonijiet futuri; u jwitti t-triq għall-bidliet soċjetali favur dawk l-aktar dgħajfa, mingħajr ma nitbiegħdu minn kwalunkwe ġlieda urġenti għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet ċivili fil-livell lokali nazzjonali jew internazzjonali.

Paweł Adamowicz ġie ferut b’arma bil-ponta fit-13 ta’ Jannar 2019 waqt li kien qed jitkellem f’avveniment ta’ karità. Huwa miet l-għada kaġun tal-feriti li ġarrab. Kellu 53 sena. Il-qtil tiegħu kien preċedut minn żieda fid-diskors ta’ mibegħda fil-konfront tiegħu. Mewtu qajmet dibattitu dwar il-kontribut ta’ deġenerazzjoni ta’ diskors pubbliku għall-vjolenza, l-estremiżmu, il-propaganda u l-intolleranza.

Is-Sur Adamowicz kien impenjat li jippromovi l-valuri fundamentali tal-UE, u kien membru attiv tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni. Fl-2016, is-Sindku Adamowicz nieda l-“Mudell għall-Integrazzjoni tal-Immigranti” ta’ Gdańsk, wara li ltaqa’ mal-Papa Franġisku. Serva bħala mudell li ispira bliet Pollakki oħra.

Kuntest:

  • Fis-7 ta’ Frar 2019, fuq l-inizjattiva tad-delegazzjoni Pollakka, il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, bħala l-assemblea politika tal-politiċi lokali u reġjonali fl-UE,
  • Riżoluzzjoni li tikkundanna d-diskors ta’ mibegħda u t-theddid ta’ kull tip kontra l-mexxejja politiċi.

  • In- Network Internazzjonali tal-Bliet ta’ Rifuġju (ICORN) huwa organizzazzjoni internazzjonali ta’ 75 belt u reġjun fl-Ewropa u lil hinn minnha, u joffri kenn lil kittieba u artisti ppersegwitati, jippromovi l-libertà tal-espressjoni, jiddefendi l-valuri demokratiċi u jippromovi s-solidarjetà internazzjonali. Aktar minn 250 kittieb u artist ġew offruti residenza f’belt tal-ICORN. F’ambjent sikur, huma jkomplu jaqdu rwol vitali, kemm biex jenfasizzaw il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertà tal-espressjoni fil-pajjiż fejn jgħixu, kif ukoll biex jappoġġjaw lill-kollegi fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom. Fuq inizjattiva tas-Sindku Pawel Adamowicz, il-Belt ta’ Gdańsk ingħaqdet mal-ICORN fit-30 ta’ Awwissu 2017.

Meta jissieħbu fl-ICORN, il-bliet isiru parti minn network dinamiku u globali ta’ solidarjetà u kreattività. L-ICORN jgħaqqad u jikkoopera ma’ istituzzjonijiet pubbliċi u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili rilevanti li huma attivi fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, il-kultura, l-arti u l-migrazzjoni, kif ukoll korpi governattivi u intergovernattivi, lokalment u internazzjonalment.

Xandira diretta online : fuq is- sit web tal-KtR.

Persuna ta’ kuntatt:

Kumitat Ewropew tar-Reġjuni    

Wioletta Wojewodzka    

Tel. +32 (0)2 282 2289      

Mowbajl: +32 (0)473 843 986      

wioletta.wojewodzka@cor.europa.eu

Belt ta’ Gdańsk

Maciej Buczkowski

Tel.: + 48 58 323 62 84

Network Internazzjonali tal-Bliet ta’ Rifuġju

Helge Lunde

Tel.: + 47 51 50 71 25

helge@icorn.org

Share: