Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
Il-mexxejja lokali u reġjonali f’kuntatt mal-Parlament Ewropew, mal-Kummissjoni Ewropea u mal-Fondazzjoni Bertelsmann biex imexxu ’l quddiem l-azzjonijiet b’rabta mal-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa  

Membri tal-Kummissjoni għaċ-Ċittadinanza, il-Governanza u l-Affarijiet Istituzzjonali u Esterni tal-KtR – CIVEX – iddiskutew mar-rappreżentanti tal-Parlament Ewropew, Antonio Tajani u Helmut Scholz dwar kif il-miljun politiku lokali u reġjonali jistgħu jiġu involvuti fi proġetti u inizjattivi li jistgħu jqarrbu lill-Ewropa lejn iċ-ċittadini u jagħmlu suċċess mill-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa. Huma appellaw b’mod partikolari għall-involviment tal-membri tal-KtR fil-proġett pilota “Nibnu l-Ewropa flimkien mal-Entitajiet Lokali” (BELE) imniedi mill-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (AFCO) tal-Parlament Ewropew.

Skont Ewrobarometru Speċjali dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa ppubblikat qabel l-iffirmar tad-Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa mill-Presidenti tat-tliet istituzzjonijiet tal-UE, Ursula von der Leyen, David Sassoli u Charles Michel fl-10 ta’ Marzu 2021, 76% ta’ dawk li wieġbu jaqblu li l-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa tirrappreżenta progress sinifikanti għad-demokrazija ġewwa l-UE u 92% tal-Ewropej jitolbu li l-vuċijiet taċ-ċittadini jitqiesu aktar fid-deċiżjonijiet relatati mal-ġejjieni tal-Ewropa. Għalhekk biex il-Konferenza li ser titnieda fid-9 ta’ Mejju tirnexxi l-konsultazzjonijiet effettivi maċ-ċittadini u l-feedback dwar l-eżitu tal-konsultazzjonijiet huma kruċjali. Membri tal-Kummissjoni għaċ-Ċittadinanza, il-Governanza u l-Affarijiet Istituzzjonali u Esterni tal-KtR – CIVEX – iddiskutew mar-rappreżentanti tal-Parlament Ewropew, tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Fondazzjoni Bertelsmann dwar kif l-eżerċizzju tal-Konferenza jista’ jirnexxi.

Mark Speich (DE/PPE), is-Segretarju tal-Istat għall-Affarijiet Federali, Ewropej u Internazzjonali ta’ Nordrhein-Westfalen u President tal-Kummissjoni CIVEX tal-KtR qal: “ Il-politiċi fil-livell reġjonali u lokali għandhom rwol essenzjali fir-relazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u ċ-ċittadini tagħha. Bil-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa, għandna opportunità li nwasslu fi Brussell l-ideat konkreti taċ-ċittadini għal Unjoni Ewropea tal-futur ”.

Matul l-ewwel dibattitu tematiku, ġie esplorat il-mod kif l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jappoġġjaw il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa u lil hinn minnha. Helmut Scholz , Membru tal-Parlament Ewropew (DE/GUE-NGL) u relatur tal-abbozz ta’ rapport dwar id-djalogi taċ-ċittadini u l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fit-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE ppreżenta lill-membri tas-CIVEX is-sejbiet ewlenin tar-rapport tiegħu, li jqis il-ħidma li diġà saret mill-istituzzjonijiet tal-UE u mill-KtR dwar il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini. Huwa jitlob l-iżvilupp ta’ mekkaniżmi parteċipattivi permanenti li jippermettu l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fit-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE. Diġà f’Ottubru 2018, din l-idea ta’ djalogu permanenti maċ-ċittadini li tmur lil hinn minn żmien l-elezzjoni kienet waħda mill-messaġġi ewlenin tal-Opinjoni tal-KtR dwar Nirriflettu dwar l-Ewropa: leħen l-awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex terġa’ tinkiseb il-fiduċja fl-Unjoni Ewropea (korelaturi: Karl-Heinz Lambertz u Markku Markkula).

Helmut Scholz qal: “ Il-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa hija opportunità unika biex iċ-ċittadini jiġu involvuti f’dibattitu dwar il-viżjonijiet u t-tħassib tagħhom rigward l-UE. Iżda diġà minn issa u b’mod ġenerali jrid ikun ċar: Kulħadd għandu jkun jista’ jipparteċipa fit-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE, anke barra mill-Konferenza. Għalhekk, għandna bżonn l-appoġġ tal-awtoritajiet lokali u reġjonali kif ukoll tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tal-imsieħba soċjali. B’dan il-mod biss ser inkunu nistgħu niżviluppaw sfera pubblika Ewropea u nsaħħu l-leġittimità demokratika tal-UE.

Dominik Hierlemann , Espert Għoli u Anna Renkamp , Maniġer Superjuri tal-proġett fil- Fondazzjoni Bertelsmann ippreżentaw lill-membri tal-Kummissjoni CIVEX l-esperjenzi passati fit-tmexxija ta’ djalogi taċ-ċittadini diġitali fil-livell lokali, reġjonali u transnazzjonali. Huma ddeskrivew ukoll x’tista’ toffri l-Fondazzjoni Bertelsmann fl-inizjattiva konġunta mal-KtR li hija ppjanata li titnieda dalwaqt. Se jiġu implimentati għodod ġodda biex jgħinu lill-politiċi lokali u reġjonali eletti jinteraġixxu aħjar maċ-ċittadini u biex itejbu l-prattiki demokratiċi u l-funzjonament tagħhom. Bejn Settembru 2021 u Jannar 2022 se jiġu organizzati djalogi u panels lokali maċ-ċittadini fil-livell transkonfinali. Abbażi wkoll tal-proposti mill- Opinjoni tal-KtR dwar L-awtoritajiet lokali u reġjonali fid-djalogu permanenti maċ-ċittadini , tali djalogi jkunu mfassla biex jipprovdu kontribut fil-Konferenza.

It-tieni dibattitu kien dwar l-inizjattivi lokali u reġjonali tal-Kunsilliera tal-UE. Filwaqt li f’Diċembru 2020, il-Bureau tal-CoR approva l-proposta għal Network tal-KtR ta’ Kunsillieri Lokali u Reġjonali tal-UE li jindirizzaw Affarijiet tal-UE fil-kostitwenzi tagħhom u jkunu jistgħu jinfurmaw lill-KtR dwar l-attivitajiet tagħhom fil-qafas tal-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa, il-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (AFCO) tal-Parlament Ewropew nieda proġett dwar "Nibnu l-Ewropa flimkien mal-Entitajiet Lokali" (BELE) li se jippermetti li, fi ħdan il-gvernijiet lokali li jkunu qed jipparteċipaw, jiġu identifikati kunsillieri inkarigati mill-komunikazzjoni liċ-ċittadini dwar programmi u proġetti ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea f’dik il-muniċipalità u responsabbli għal temi u inizjattivi oħrajn relatati mal-UE sabiex jikkontribwixxu għall-Konferenza. Iż-żewġ proġetti għandhom għanijiet u mezzi simili, u l-għan tad-dibattitu kien li jiġu esplorati sinerġiji possibbli bejn il-proġetti tal-KtR u tal-PE li jinvolvu Kunsilliera tal-UE minn madwar l-Unjoni Ewropea. Il-KtR jista’ jiffaċilita l-implimentazzjoni effettiva tal-proġett BELE jekk in-Network tal-KtR ta’ Kunsillieri Lokali u Reġjonali tal-UE jitqies bħala azzjoni ta’ implimentazzjoni għall-proġett BELE. L-implimentazzjoni tan-Network ta’ Kunsillieri Lokali u Reġjonali tal-UE għandha għalhekk tkun eliġibbli għall-finanzjament taħt il-proġett pilota BELE.

Il-President tal-Kumitat AFCO Antonio Tajani (IT/PPE) qal: “ Il-politiċi eletti reġjonali u lokali huma turija tal-ġid u d-diversità Ewropej. Is-sena l-oħra, il-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali tal-Parlament Ewropew ippreżenta l-proġett pilota BELE (Nibnu l-Ewropa flimkien mal-Entitajiet Lokali) li għandu l-għan li jqiegħed lill-amministraturi lokali fil-qalba tal-politiki tal-UE huma u jikkomunikaw maċ-ċittadini dwar l-attivitajiet imwettqa mill-Unjoni Ewropea. Il-komunikazzjoni dwar l-UE hija ta’ sfida fil-ġlieda kontra l-populiżmu u d-diżinformazzjoni u, f’dan, il-KtR u l-membri tiegħu jaqdu rwol ewlieni. Il-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa għandha ssir opportunità għal dibattitu ċar u nistieden lill-membri tal-KtR biex jieħdu sehem b’mod attiv fil-proġett BELE. Jekk il-Konferenza verament trid tkun il-megafonu tax-xewqat taċ-ċittadini, lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet lokali eletti demokratikament miċ-ċittadini għandha tagħtihom ir-rwol u r-rilevanza li jistħoqqilhom.”

Il-proġett BELE mbagħad ġie ppreżentat bid-dettalji tiegħu minn Alessandro Giordani, Kap ta’ Unità responsabbli għan-“Networks fl-Istati Membri” fid-Direttorat Ġenerali għall - Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea.

Minbarra d-dibattiti tematiċi, matul il-laqgħa tal-Kummissjoni CIVEX ġiet adottata l-Opinjoni ta’ Jean-Luc Vanraes (BE/RE) , membru tal-Kunsill Muniċipali ta’ Uccle, dwar Strateġija biex tissaħħaħ l-applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali fl-UE . Għar-relatur Jean-Luc Vanraes , “ir-reġjuni huma l-Gwardjani u l-Promoturi ewlenin tad-drittijiet fundamentali”. Il-gvernijiet lokali għandhom rwol importanti fil-promozzjoni, il-protezzjoni u r-rispett tad-drittijiet fundamentali, inkluż li jimplimentawhom fil-prattika, biex il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE ssir realtà. L-Opinjoni tenfasizza li l-involviment tal-KtR fid-djalogu interistituzzjonali dwar il-Karta huwa essenzjali, u tissuġġerixxi li jitwaqqfu punti ta’ kuntatt li jiffaċilitaw il-fluss ta’ informazzjoni dwar il-Karta bejn il-livelli differenti ta’ gvern. Dawn il-punti ta’ kuntatt jistgħu jipprovdu wkoll gwida għall-awtoritajiet lokali u reġjonali dwar kif ifasslu l-politiki tagħhom f’konformità sħiħa mal-Karta b’eżempji konkreti. Proposta oħra hija li peress li l-awtoritajiet lokali huma l-eqreb livell ta’ governanza għaċ-ċittadini u huma f’pożizzjoni tajba biex jissensibilizzaw lin-nies dwar id-drittijiet tagħhom u fejn jistgħu jirrikorru jekk id-drittijiet tagħhom jinkisru, il-membri tal-KtR jistgħu jieħdu l-opportunità ta’ Jum l-Ewropa fid-9 ta’ Mejju u tal-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa biex jippromovu attivitajiet lokali, filwaqt li jispjegaw u jenfasizzaw l-importanza kbira tad-Drittijiet Fundamentali u tal-Karta Ewropea fid-demokraziji tagħna. L-Opinjoni ntlaqgħet mis-Sinjura Barbara Nolan, Kap ta’ Unità fid-Direttorat Ġenerali għall-Ġustizzja u l-Konsumaturi, id-Drittijiet Fundamentali u l-Istat tad-Dritt, il-Politika dwar id-Drittijiet Fundamentali.

Barra dan, sar skambju ta’ fehmiet dwar id-dokument ta’ ħidma li se jservi ta’ bażi għall-Opinjoni ta’ Aleksandra Dulkiewicz (PL/PPE) , Sindku ta’ Gdansk , dwar Pjan ta’ Azzjoni għad-Demokrazija Ewropea (EDAP) propost mill-Kummissjoni Ewropea, fil-preżenza ta’ William Sleath, Direttur taċ-Ċittadini, is-Saħħa, il-Migrazzjoni u l-Unjoni tas-Sigurtà fi ħdan is-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea . L-EDAP għandu l-għan li jagħti liċ-ċittadini r-responsabbiltà biex jibnu demokraziji aktar reżiljenti madwar l-UE permezz tal-promozzjoni għal elezzjonijiet ħielsa u ġusti, it-tisħiħ tal-libertà tal-midja u l-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni. Matul id-diskussjoni, intwera dispjaċir għall-fatt li filwaqt li fil-biċċa l-kbira s-suċċess tal-EDAP se jkun marbut ma’ azzjonijiet mill-awtoritajiet lokali u reġjonali, sfortunatament dawn ma jissemmewx fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea. Is-Sinjura Dulkiewicz qalet “ L-EDAP għandu jwassal biex jiġu identifikati azzjonijiet konkreti, li għandhom jiġu implimentati f’kooperazzjoni b’saħħitha mal-awtoritajiet lokali u reġjonali . L-istat tad-demokrazija mhux se jissewwa mil-lum għall-għada, iżda aktar ma nieħdu azzjoni malajr, ikbar ikun iċ-ċans li niġġieldu l-marda”. Din l-Opinjoni ġiet adottata fil-Kummissjoni CIVEX fil-11 ta’ Mejju 2021.

Persuna ta’ kuntatt:

Marie-Pierre Jouglain

mariepierre.jouglain@cor.europa.eu

Mobile: +32 473 52 41 15

Ikkondividi :