Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
Il-pandemija: Il-KtR jiffirma Pjan ta’ Azzjoni mad-WHO u jwissi kontra d-distakk territorjali fir-rigward tat-tilqim  

Il-mexxejja lokali u reġjonali tal-UE jesprimu tħassib dwar il-progress tal-organizzazzjoni tad-distribuzzjoni tal-vaċċin mill-UE u jitolbu għal aktar koordinazzjoni u aċċess ugwali għall-Ewropej kollha.

Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni u l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) llum iffirmaw Pjan ta’ Azzjoni biex itejbu r-reżiljenza tas-sistemi tas-saħħa lokali u reġjonali permezz ta’ riċerka u tfassil ta’ politika konġunti. Il-Pjan ta’ Azzjoni, li jibni fuq il-kooperazzjoni dejjiema li tnediet f’Novembru 2016, iwieġeb ukoll għall-ħtieġa li jiġu indirizzati xi sfidi ewlenin tal-pandemija billi tittejjeb il-koordinazzjoni bejn il-livelli differenti tal-governanza tas-saħħa. Dan se jippermetti l-valutazzjoni konġunta tal-effettività tal-politiki tas-saħħa fuq il-post u jissuġġerixxi rimedji possibbli biex is-sistemi lokali u reġjonali jkunu aktar reattivi għall-isfidi tal-pandemija.

F’ Riżoluzzjoni li ġiet diskussa fil- #CoRplenary tal-4 ta’ Frar, il-mexxejja lokali u reġjonali tal-UE esprimew tħassib dwar il-progress tal-organizzazzjoni kkoordinata tad-distribuzzjoni tal-vaċċin mill-UE u talbu li tiġi żviluppata dashboard Ewropea għall-monitoraġġ tad-distribuzzjoni u t-teħid tal-vaċċin għal kull reġjun. B’mod partikolari, huma ċaħdu n-“nazzjonaliżmu” fir-rigward tal-vaċċin li jmur kontra l-prinċipji ta’ “solidarjetà, għaqda u effiċjenza” u l-“prinċipji ta’ aċċess ugwali għall-vaċċini għaċ-ċittadini kollha tal-UE”.

Apostolos Tzitzikostas , il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni u l-Gvernatur tar-Reġjun Grieg tal-Maċedonja Ċentrali, qal li: " Il-Pjan ta’ Azzjoni li qed inniedu llum flimkien mad-WHO ser itejjeb ir-reżiljenza tas-saħħa fir-reġjuni, il-bliet u l-irħula tagħna. Jekk nisiltu tagħlima waħda mill-isfidi li ffaċċjajna matul il-pandemija, din hija li r-rwol tal-gvernijiet lokali u reġjonali huwa essenzjali fit-tħejjija, ir-rispons, il-ġestjoni u l-irkupru mill-kriżi.”

Huwa u jitkellem dwar l-organizzazzjoni tal-kampanja tad-distribuzzjoni tal-vaċċin tal-UE, żied jgħid li: “ It-tilqim huwa essenzjali biex nerġgħu nniedu l-ekonomiji reġjonali u lokali tagħna. Irridu nevitaw il-kompetizzjoni għall-vaċċini bejn l-Istati Membri u fi ħdan l-Istati Membri. Kwalunkwe “distakk fir-rigward tal-vaċċin” li jżid l-inugwaljanzi bejn ir-reġjuni, il-bliet u l-irħula tagħna mhuwiex aċċettabbli; huwa għalhekk li l-Kumitat tagħna qed jitlob dashboard Ewropea li timmonitorja d-disponibbiltà u d-distribuzzjoni tal-vaċċini fil-livell reġjonali.”

Huwa u jitkellem waqt id-dibattitu, Dr Hans Henri P. Kluge , id-Direttur Reġjonali għall-Ewropa għall-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, qal li: “ Il-gvernijiet lokali fl-Ewropa kienu u għadhom fuq quddiem nett fit-trażżin tal-pandemija. Il-bliet huma epiċentri f’din l-emerġenza, mhux biss f’termini ta’ trażmissjoni fil-komunità u fil-pajjiż kollu, iżda wkoll bħala punti ta’ kura tas-saħħa, u ċentri tal-ivvjaġġar u tal-kummerċ. Il-bliet huma l-eqreb livell ta’ gvern għan-nies. U huma wkoll kruċjali għall-kondiviżjoni tal-esperjenzi u għall-ġlieda kontra l-miżinformazzjoni, bħala fornituri tas-servizzi u elementi ċentrali ta’ futur sostenibbli.”

Abbozz ta’ riżoluzzjoni dwar il-kampanja ta’ tilqim kontra l-pandemija tal-COVID-19 .

Informazzjoni ta’ sfond

Persuni ta’ kuntatt:

Michele Cercone

Kelliem tal-President

Tel. +32 (0)498 98 23 49

Michele.Cercone@cor.europa.eu

David French

Tel. +32 473 85 47 59

David.French@cor.europa.eu

Ikkondividi: