Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
Il-Kummissjoni Ewropea u l-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni jniedu l-Pjattaforma għall-Partijiet Ikkonċernati b’rabta mat-Tniġġis Żero  

Illum, il-Kummissjoni Ewropea u l-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni nedew pjattaforma għall-partijiet ikkonċernati biex tgħin fl-implimentazzjoni tal- Pjan ta’ Azzjoni tal-UE: “Lejn Tniġġis Żero għall-Arja, għall-Ilma u għall-Ħamrija” . Il-Pjan ta’ Azzjoni – riżultat ewlieni tal- Patt Ekoloġiku Ewropew u s-suġġett ewlieni tal- Ġimgħa Ekoloġika ta’ din is-sena – ġie adottat fit-12 ta’ Mejju 2021. Il-Pjan jistabbilixxi viżjoni integrata għall-2050 biex it-tniġġis jitnaqqas għal livelli li ma jibqgħux ta’ ħsara għas-saħħa tal-bniedem u l-ekosistemi naturali, u jistabbilixxi wkoll miri intermedjarji għall-2030, kif ukoll azzjonijiet biex jintlaħqu l-objettivi.

Il-bliet u r-reġjuni għandhom rwol ewlieni x’jaqdu biex din il-viżjoni tissarraf f’azzjoni fil-prattika. It-tnaqqis tat-tniġġis jeħtieġ għażliet nodfa għall-mobbiltà u l-enerġija reġjonali u urbani, investimenti fil-bini u l-infrastruttura, kif ukoll ġestjoni ġenerali tat-territorju. Dawn id-deċiżjonijiet kollha jaffettwaw is-saħħa u l-benesseri taċ-ċittadini.

Il-Kummissarju għall-Ambjent, l-Oċeani u s-Sajd, Virginijus Sinkevičius , qal: “Il-bliet u r-reġjuni jinsabu fuq quddiem nett fl-implimentazzjoni tal-politiki relatati mat-tniġġis, u huma atturi ewlenin biex jixprunaw it-tranżizzjoni ekoloġika. Ħafna minnhom diġà qed isibu soluzzjonijiet innovattivi biex inaddfu l-arja, l-ilma u l-ħamrija tagħhom, u biex jinkoraġġixxu xejriet aktar sostenibbli ta’ produzzjoni u konsum. Ninsab kuntent ħafna dwar is-sħubija mal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni biex tinħoloq din il-pjattaforma ġdida fejn nistgħu niskambjaw dawn l-ideat tajbin u nappoġġjaw l-objettivi ta’ tniġġis żero fuq il-post.”

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni u l-Gvernatur tar-Reġjun tal-Maċedonja Ċentrali fil-Greċja, Apostolos Tzitzikostas , laqa’ l-pjattaforma billi qal: “Aħna lkoll għandna responsabbiltà li nieħdu azzjoni biex nipproteġu l-ambjent tagħna, biex niżguraw il-futur sikur u b’saħħtu li t-tfal u l-pjaneta tagħna jistħoqqilhom.  Il-gvernijiet, in-negozji u l-partijiet ikkonċernati kollha jridu jingħaqdu flimkien biex iwaqqfu t-tniġġis tal-ilma, l-arja u l-art tagħna.  Dan jeħtieġ tmexxija lokali. Din hija r-raġuni għaliex il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni huwa kuntent li, flimkien mal-Kummissjoni Ewropea, qed iniedi l-Pjattaforma għall-Partijiet Ikkonċernati b’rabta mat-Tniġġis Żero”.

Vasco Alves Cordeiro , l-Ewwel Viċi President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni u Membru tal-Parlament Reġjonali tal-Azores, ħa sehem fl-avveniment tat-tnedija tal-Pjattaforma għall-Partijiet Ikkonċernati b’rabta mat-Tniġġis Żero, u qal: “Il-gvernijiet lokali u reġjonali huma responsabbli għat-twettiq ta’ 70% tal-politiki tal-UE, 70% tal-miżuri ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u sa 90% tal-miżuri ta’ adattament għat-tibdil fil-klima. Il-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Tniġġis Żero huwa essenzjali biex jiġu salvati l-ħajjiet u jinħoloq futur aktar sostenibbli. Il-Pjattaforma tiegħu se tgħin biex l-għanijiet Ewropej jissarrfu f’realtajiet lokali u reġjonali, peress li r-reġjuni u l-bliet jinsabu f’pożizzjoni aħjar biex jivvalutaw l-effettività tal-miżuri u l-kisba tal-għanijiet. Biex tkun ta’ suċċess, jeħtieġ li jkun hemm proċess miftuħ u inklużiv, li jimmobilizza ċ-ċittadini, l-SMEs, in-negozji, il-movimenti soċjali, u l-istituzzjonijiet tar-riċerka. Huwa essenzjali li jiġu eżaminati sinerġiji differenti u tiġi żgurata l-koeżjoni territorjali.”

Il-Pjattaforma għall-Partijiet Ikkonċernati b’rabta mat-Tniġġis Żero se tgħin biex jitwettqu l-inizjattivi u l-azzjonijiet ewlenin stabbiliti fil-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Tniġġis Żero billi:

tlaqqa’ flimkien atturi minn komunitajiet differenti u oqsma ta’ għarfien espert biex jiġu indirizzati l-isfidi interrelatati, eż. it-tisħiħ ta’ aġenda konġunta dwar l-ambjent u s-saħħa;

tiddefinixxi viżjoni komuni dwar kif jintlaħqu l-objettivi ta’ tniġġis żero;

tiżviluppa u taqsam prattiki tajbin dwar suġġetti trasversali bħall-finanzjament għal innovazzjoni u impjiegi ta’ tniġġis żero, issaħħaħ il-produzzjoni u l-konsum sostenibbli, u twaqqaf ċentri tematiċi bħall-Hub għat-Teknoloġiji għal Arja Nadifa.

It-tnedija tal-pjattaforma tħabbret fis-sessjoni tal-għeluq tal- Ġimgħa Ekoloġika ta’ din is-sena, l-akbar avveniment annwali dwar il-politika ambjentali tal-UE, li laqqa’ aktar minn 3 000 parteċipant mill-UE kollha biex jiddiskutu t-tniġġis żero mill-ħafna angoli tiegħu fil-konferenza prinċipali, li saret fi Brussell, kif ukoll online, u f’aktar minn 600 avveniment addizzjonali fl-Ewropa. Il-Ġimgħa Ekoloġika tnediet nhar it-Tnejn, 31 ta’ Mejju 2021 f’Lahti, il-Belt Kapitali Ekoloġika Ewropea 2021.

Kuntest

It-tniġġis huwa l-akbar kawża ambjentali ta’ mard mentali u fiżiku, u ta’ mwiet prematuri, speċjalment fost gruppi vulnerabbli bħat-tfal, il-persuni b’ċerti kundizzjonijiet mediċi u l-ġenerazzjonijiet akbar fl-età. In-nies li jgħixu f’żoni aktar żvantaġġati spiss jgħixu qrib siti kkontaminati jew f’żoni bi flussi għoljin tat-traffiku. It-tniġġis huwa wkoll waħda mir-raġunijiet ewlenin għat-telf tal-bijodiversità, u jnaqqas il-kapaċità tal-ekosistemi li jipprovdu servizzi bħas-sekwestru tal-karbonju u d-dekontaminazzjoni tal-arja u tal-ilma.

Il-bliet huma partikolarment affettwati mit-tniġġis. Aktar minn 100 belt fl-UE għadhom ma jissodisfawx l-istandards tal-kwalità tal-arja tal-UE. U minkejja t-titjib fil-konformità fir-rigward tat-trattament tal-ilma urban mormi, id-dranaġġ iġġenerat minn madwar 37 miljun persuna għadu mhuwiex trattat kif suppost, u hemm 7 bliet kapitali tal-Istati Membri tal-UE li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti minimi. L-iżgurar tat-trattament adatt tal-ilma mormi se jirrikjedi investimenti ta’ aktar minn EUR 200 biljun fis-snin li ġejjin.

Il-Ġimgħa Ekoloġika kienet l-ewwel avveniment ewlieni tal-partijiet ikkonċernati organizzat dwar it-tniġġis żero wara l-adozzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Tniġġis Żero. Il-Pjattaforma għall-Partijiet Ikkonċernati b’rabta mat-Tniġġis Żero se ssegwi dawn l-iskambji. Sa tmiem is-sena, il-Kummissjoni u l-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni se jagħtu bidu għall-attivitajiet billi jniedu espressjoni ta’ interess biex jiżguraw parteċipazzjoni wiesgħa u enfasi fuq temi ewlenin għal azzjoni komuni. Il-Pjattaforma għall-Partijiet Ikkonċernati b’rabta mat-Tniġġis Żero se tistabbilixxi wkoll sinerġiji ma’ inizjattivi rilevanti oħra, bħall- Patt Klimatiku Ewropew u l- Pjattaforma Ewropea tal-Partijiet Interessati tal-Ekonomija Ċirkolari .

Għal aktar informazzjoni

Komunikazzjoni dwar Pjan ta’ Azzjoni tal-UE: “Lejn Tniġġis Żero għall-arja, għall-ilma u għall-ħamrija”

Il-paġna web tal-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Tniġġis Żero

Il-Ġimgħa Ekoloġika 2021 dwar it-Tniġġis Żero

Il-Patt Ekoloġiku fil-Livell Lokali tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Għal mistoqsijiet dwar il-Pjattaforma għall-Partijiet Ikkonċernati b’rabta mat-Tniġġis Żero:

ENV-ZERO-POLLUTION@ec.europa.eu

Persuni ta’ kuntatt:

Kummissjoni Ewropea: Daniela Stoycheva / Daniela.Stoycheva@ec.europa.eu

Kumitat Ewropew tar-Reġjuni: David Crous / David.Crous@cor.europa.eu

Ikkondividi :