Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
“Irridu naġixxu issa, flimkien” ‎ Il-mexxejja lokali u reġjonali jistabbilixxu l-viżjoni biex jitwassal il-Patt Ekoloġiku Ewropew  
Il-KtR se jniedi Forum tal-bliet u r-reġjuni, il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri sabiex jimplimentaw il-Patt Ekoloġiku

Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR) stabbilixxa t-talbiet tiegħu għal Patt Ekoloġiku Ewropew, li huwa jemmen li jrid jinkiseb sabiex tintlaħaq in-newtralità klimatika sal-2050. Mill-enerġija sal-mobilità, l-agrikoltura, il-bijodiversità, id-diġitalizzazzjoni u l-ekonomija ċirkolari, il-Kumitat jargumenta li l-Patt Ekoloġiku jeħtieġ pjan ta’ azzjoni ċar b’għanijiet li jistgħu jitkejlu, azzjonijiet immirati, u finanzjament xieraq, imħejji flimkien mal-awtoritajiet lokali u reġjonali – jekk l-Ewropa trid tirrispondi għall-emerġenza klimatika.

F’dibattitu ma’ Frans Timmermans, il-Viċi President Eżekuttiv tal-Kummissjoni Ewropea għal Patt Ekoloġiku Ewropew, li għadu kemm inħatar, il-KtR talab lill-UE biex iżżomm it-tisħin globali taħt 1,5 °C billi tistabbilixxi pakkett leġislattiv u finanzjarju ambizzjuż li jappoġġja r-reġjuni u l-bliet kollha biex jitwasslu t-tranżizzjonijiet, u b’hekk is-sostenibbiltà titpoġġa fil-qalba tat-tfassil tal-politika. Ir- riżoluzzjoni adottata fi Brussell ftit qabel ma l-Kummissjoni Ewropea tiżvela pjanijiet għall-Patt Ekoloġiku fil-11 ta’ Diċembru, tappella lill-UE biex tistabbilixxi fil-liġi impenn li sal-2050 inkunu newtrali f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju, taġġorna l-għanijiet tagħha dwar l-enerġija, il-klima u l-ambjent u toffri biżżejjed fondi biex tappoġġja r-reġjuni u l-bliet.

Karl-Heinz Lambertz , President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, qal: "M’għadux iż-żmien li nagħlqu għajnejna għall-emerġenza klimatika. Il-Patt Ekoloġiku Ewropew huwa l-aħħar opportunità biex l-Ewropa tkun kredibbli, tikkonferma l-obbligi internazzjonali tagħha u toffri perkors ċar lejn in-newtralità f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju sal-2050. L-UE għandha taċċerta li l-politiki u l-investimenti kollha tagħha jkunu ekoloġiċi, filwaqt li tiżgura tranżizzjoni ġusta li tappoġġja kull reġjun u belt. Il-gvernijiet lokali u reġjonali għandhom ikunu msieħba u parteċipanti sħaħ, appoġġjati b’investiment reali. Il-proposti attwali tal-baġit tal-UE, inkluż tnaqqis għall-politika ta’ koeżjoni, se jdgħajfu l-isforzi tal-bliet u r-reġjuni biex jaċċelleraw l-azzjoni dwar il-klima. Iż-żmien qed jagħfas, ma nistgħux neżitaw u rridu naġixxu flimkien. Jekk it-tranżizzjoni ekoloġika ma tibdiex fil-bliet u r-reġjuni tagħna, mhux ħa sseħħ.”

Frans Timmermans , il-Viċi President Eżekuttiv tal-Kummissjoni Ewropea, wissa dwar in-nuqqas ta’ azzjoni u qal: “Il-livelli kollha tal-gvern se jkollhom jaqdu r-rwol tagħhom jekk irridu nirnexxu fit-tiswir tal-futur kollettiv tagħna: din mhijiex ħaġa li l-gvernijiet nazzjonali jistgħu jagħmlu waħedhom. Il-bliet u r-reġjuni għandhom rwol kbir x’jaqdu fit-trasformazzjoni fundamentali li l-Patt Ekoloġiku għandu jwassal fis-soċjetà tagħna. Minn trasport bla emissjonijiet għall-protezzjoni tal-bijodiversità, mill-effiċjenza enerġetika fil-bini għall-ekoloġizzazzjoni tal-bliet tagħna u r-riforestazzjoni, neħtieġu kull wieħed u waħda minnkom. Mhux se nilħqu l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku mingħajr l-awtoritajiet lokali u reġjonali.”

Il-politiċi żgħażagħ eletti jaqsmu t-talbiet tagħhom

Matul id-dibattitu plenarju, grupp ta’ politiċi żgħażagħ eletti ppreżentaw it-talbiet tagħhom għall-Ewropa lill-Viċi President Eżekuttiv Timmermans u lill-President Lambertz. Rappreżentant tal-programm 'Young Elected Politician (YEPs) United 4 Climate’ , Mar t ina Grech , kunsilliera lokali ta’ Ħal Qormi, Malta, qalet, “ Aħna, il-mexxejja żgħażagħ, naħdmu ħafna fil-komunitajiet lokali tagħna biex nagħmlu futur sostenibbli u abitabbli għalina u għat-tfal tagħna. Magħqudin, ġejna hawn minn partiti politiċi differenti u mill-pajjiżi Ewropej kollha. Jekk jiena, ta’ 19-il sena, nista’ nieħu azzjoni u jekk nista’ nippreżenta ruħi hawn illum biex insemma leħinna, anke intom tistgħu .“

Il- KtR ser ikun preżenti fil-COP25 f’Madrid din il-ġimgħa biex jiddefendi r-rwol tal-bliet u r-reġjuni biex jaċċelleraw l-azzjoni klimatika.

Segwi d-dibattitu sħiħ . Ritratti tal-plenarja hawnhekk .

Il-Patt Ekoloġiku bi sħubija mal-awtoritajiet lokali u reġjonali: Rakkomandazzjonijiet ewlenin

Inżidu l-miri u l-ambizzjoni tal-UE

Il-limitazzjoni tat-tisħin globali għal 1,5 °C, l-impenn legali lejn newtralità f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju tal-UE sal-2050 u li tiżdied il-mira tat-tnaqqis tal-gassijiet b’effett ta’ serra tal-UE għal mill-inqas 55 %, il-mira tal-effiċjenza fl-enerġija għal 40 % u l-enerġija rinnovabbli għal 40 %, sal-2030.

Il-miri tal-iskart tal-2030 : ir-riċiklaġġ tal-iskart muniċipali għal 70 %, it-tnaqqis tal-iskart tal-ikel b’50 % u massimu ta’ 5 % rimi f’terraferma.

Sostenibbiltà integrata fil-“mainstream”, ħidma mal-gvernijiet lokali u reġjonali

Pjan ċar: Aġenda għal Patt Ekoloġiku b’objettivi li jistgħu jitkejlu u azzjonijiet u finanzjament immirati, imħejjija flimkien mal-bliet u r-reġjuni fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-SDGs tan-NU. Il-progress għandu jiġi mmonitorjat permezz tal-proċess tal-UE dwar l-Istat tal-Unjoni.

It-tnedija ta’ Djalogi f’Diversi Livelli dwar il-Klima u l-Enerġija: jiġu involuti l-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-Pjanijiet Nazzjonali dwar l-Enerġija u l-Klima, filwaqt li jiġu żviluppati Kontributi Stabbiliti fil-Livell Lokali u Reġjonali.

Forum dwar il-Patt Ekoloġiku Ġdid: il-KtR se jniedi Forum tal-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jikkooperaw mal-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri sabiex issir eżami tal-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku.

UE sostenibbli: is-sostenibbiltà integrata fil-politiki, il-prijoritajiet makroekonomiċi u l-istrumenti finanzjarji kollha tal-UE, is-Semestru Ewropew u l-baġit tal-UE wara l-2020.

Kummerċ: il-ftehimiet kummerċjali tal-UE vvalutati fl-isfond tal-objettiv li jitnaqqsu l-gassijiet b’effett ta’ serra u s-sostenibbiltà.

Biedja sostenibbli: tissaħħaħ l-għajnuna finanzjarja għal prattiki tajbin għall-klima taħt iż-żewġ pilastri tal-Politika Agrikola Komuni.

Mobilità: miżuri tal-UE biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi, inkluż rieżami tal-arranġamenti tat-taxxa għal ċerti fjuwils.

Tranżizzjoni ambjentali: appell għal 8 Programm ta’ Azzjoni Ambjentali allinjat mal-Patt Ekoloġiku;

l-UE teħtieġ politiki aktar ambizzjużi dwar il-kwalità tal-arja u tal-ilma, is-sustanzi kimiċi u l-pestiċidi perikolużi sabiex jintlaħaq livell ta’ tniġġis żero fl-UE.

Finanzjament tal-Patt Ekoloġiku

Riżorsi ġodda: appoġġ għal taxxa fuq il-karbonju fil-fruntieri, tiġi estiża l-Iskema għall-Iskambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet u taxxa fuq il-fjuwil tal-avjazzjoni.

Fond għal Tranżizzjoni Ġusta: riżorsi ġodda barra mill-fondi tal-politika ta’ koeżjoni tal-UE.

Baġit Ekoloġiku tal-UE wara l-2020: mill-inqas 30 % tal-baġit tal-UE wara l-2020 allokat għall-azzjoni dwar il-klima u l-bijodiversità, l-eliminazzjoni gradwali tas-sussidji għall-fjuwils fossili; il-fondi għall-politika ta’ koeżjoni jibqgħu l-istess.

Fondi ta’ kontinġenza: appoġġ finanzjarju għall-Patt Ekoloġiku jekk ma jsirx qbil dwar il-Baġit tal-UE sal-2020.

L-għajnuna mill-Istat : tiżdied l-għajnuna mill-istat permissibbli u Direttiva dwar it-Tassazzjoni tal-Enerġija sabiex jiġu promossi fjuwils b’emissjonijiet baxxi.

Għandhom jiġu aboliti s-sussidji, l-għajnuna u l-programmi ta’ appoġġ tal-UE li jagħmlu ħsara lill-ambjent.

Finanzjament tar-rinnovazzjoni tad-djar: jitlob li jkun hemm Pjan ta’ Azzjoni tal-UE għal akkomodazzjoni affordjabbli biex jiġi miġġieled il-faqar enerġetiku, flimkien ma’ pjan ta’ finanzjament ambizzjuż għar-rinnovazzjoni tad-djar.

Komunikazzjoni maċ-ċittadini

Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa: il-Kummissjoni Ewropea għandha torganizza djalogi taċ-ċittadini mal-KtR, b’enfasi fuq il-Patt Ekoloġiku u t-tibdil fil-klima.

Kuntatt: PresseCdr@cor.europa.eu

Ikkondividi :