Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
It-tariffi tal-Istati Uniti fuq il-prodotti agroalimentari tal-UE: ir-reġjuni jitolbu miżuri ta’ kumpens urġenti  
Appoġġ kbir mir-reġjuni tal-UE biex jiġu kkumpensati n-negozji agroalimentari milquta minn tariffi ta’ 25 % fuq aktar minn 1 400 prodott reġjonali inklużi l-inbid, il-ġobon, iż-żejt taż-żebbuġa u l-likuri

It-tilwim kummerċjali bejn l-UE u l-Istati Uniti laqat il-prodotti agroalimentari reġjonali Ewropej. F’dibattitu plenarju, il-bliet u r-reġjuni tal-UE esprimew tħassib kbir peress li t-tariffi tal-Istati Uniti jagħmlu ħsara lis-setturi produttivi, ifixklu l-ekonomiji lokali u jaffettwaw numru kbir ta’ negozji tal-familja. Fuq inizjattiva proposta mid-delegazzjoni Spanjola, il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR) għandu jinkludi sensiela ta’ appelli dwar il-ftehimiet kummerċjali f’Opinjoni li se toħroġ f’Mejju 2020. Bħala reazzjoni għall-għajnuniet tal-UE lill-Airbus , l-Istati Uniti qed jimponu tariffi b’valur ta’ EUR 6.9 biljun li jolqtu aktar minn 1 400 prodott mit-18 ta’ Ottubru 2019 ’il quddiem .

Illum, il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni kellu dibattitu intensiv dwar il-ħtieġa li jiġu kkumpensati b’mod urġenti s-setturi affettwati mit-tariffi li ġew imposti reċentement mill-amministrazzjoni ta’ Trump. Il-bażi għad-dibattitu hija dokument ta’ pożizzjoni ppreżentat mid-delegazzjoni Spanjola.

Bosta reġjuni jappoġġjaw id-dokument ta’ pożizzjoni Spanjol, li jħeġġeġ lill-UE tilħaq ftehim produttiv biex tirrimedja s-sitwazzjoni attwali, tikkumpensa lin-negozji affettwati u tippjana miżuri ta’ mitigazzjoni għas-setturi u l-prodotti li jistgħu jiġu affettwati mill-eżiti li jmiss tal-litigazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO).

F’isem id-delegazzjoni Spanjola tal-KtR, Joan Calabuig (ES/PSE) , is-Segretarju Reġjonali għall-Unjoni Ewropea u r-Relazzjonijiet Esterni tar-Reġjun ta’ Valenzja, qal: “Huwa essenzjali li l-UE tintroduċi miżuri ta’ kumpens urġenti biex tgħin lis-setturi agrikoli u agroalimentari Ewropej kollha milquta b’mod negattiv mill-kontromiżuri implimentati mill-Istati Uniti bħala riżultat tal-għajnuna tal-UE lill-manifattur tal-inġenji tal-ajru, Airbus . L-impożizzjoni ta’ tariffi mill-Istati Uniti se taffettwa l-ekonomiji lokali għad-detriment ta’ għadd kbir ta’ negozji żgħar tal-familja. Peress li d-WTO għandha bosta dikjarazzjonijiet pendenti, il-KtR jitlob lill-KE biex taħdem bi grad akbar ta’ prospettiva hija u tfassal miżuri ta’ mitigazzjoni għas-setturi li jistgħu jintlaqtu direttament mill-eżitu tal-proċessi ta’ litigazzjoni futuri.” Ir-reġjuni Spanjoli jirċievu EUR 930 miljun mill-kummerċ annwali tal-prodotti agroalimentari mal-Istati Uniti.

Is-suq tal-Istati Uniti huwa wieħed mid-destinazzjonijiet ewlenin għall-esportazzjonijiet tal-prodotti agrikoli u agroalimentari Ewropej. It-tariffi fuq il-prodotti ajrunawtiċi huma stabbiliti għal 10 %, filwaqt li l-bqija tal-prodotti, l-aktar agroalimentari, huma affettwati minn rata tat-taxxa ta’ 25 %.

Michael Murphy (IE/PPE), Membru tal-Kunsill tal-Kontea ta’ Tipperary, Kap tad-delegazzjoni Irlandiża u relatur tal-Opinjoni li jmiss tal-KtR dwar il-ftehimiet kummerċjali, qal: “Ninsab imħasseb ħafna dwar l-impatt li dawn is-sanzjonijiet qed ikollhom fuq ir-reġjuni fl-Irlanda li jiddependu ħafna mis-settur agroalimentari, inkluż ir-reġjun tiegħi stess. Din is-sitwazzjoni tirriżulta f’xenarju fejn ir-reġjuni kemm fl-UE kif ukoll fl-Istati Uniti joħorġu telliefa. It-tilwim kummerċjali jiddestabilizza l-ekosistemi produttivi u l-impatti tagħhom l-ewwel u qabel kollox jinħassu fil-livell lokali. Bħal kif qed jiġri fi Spanja, ir-reġjuni Irlandiżi qed iġorru piż sinifikanti minħabba t-tariffi imposti mill-Istati Uniti. Huwa importanti li jiġu stabbiliti miżuri ta’ appoġġ ta’ emerġenza biex jittaffa dan it-telf filwaqt li l-UE taħdem fuq soluzzjoni negozjata għal din it-tilwima. Bħala relatur tal-Opinjoni tal-KtR dwar l-implimentazzjoni tal-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles , ninsab ħerqan biex naħdem flimkien mal-partijiet interessati u niffaċilitaw id-diskussjonijiet dwar l-iżvilupp ta’ għodod u metodi li jistgħu jintużaw biex jiżdiedu l-adozzjoni u l-fehim tal-FTAs, b’mod partikolari fost il-mikrointrapriżi u l-SMEs fir-reġjuni kollha tal-UE ”.

Fl-2018, l-Irlanda rreġistrat valur ta’ esportazzjonijiet ta’ prodotti lejn l-Istati Uniti ta’ EUR 39.4 biljun. Il-valur totali tal-esportazzjonijiet Irlandiżi fl-2018 soġġetti għall-miżuri tal-Istati Uniti huwa stmat għal EUR 366 miljun li, b’rata ta’ 25 %, jattira EUR 91.6 miljun f’tariffi addizzjonali. L-esportazzjonijiet mir-reġjuni Irlandiżi tal-likur tal-krema Irlandiż u l-butir jammontaw għal 44 % u 95 % rispettivament tal-valur totali tat-tariffi fuq dawn il-prodotti fil-mira.

Guillaume Cros, Viċi President tar-Reġjun ta’ Occitanie u r-relatur tal-KtR dwar il-Politika Agrikola Komuni, qal li: “Is-settur agrikolu tal-UE iddgħajjef minħabba l-prijorità mogħtija lill-esportazzjoni u l-importazzjoni. L-objettiv tal-UE fir-rigward tal-klima jwassal ukoll għal reviżjoni tal-politika kummerċjali tagħna, filwaqt li tingħata prijorità lis-suq Ewropew u l-kummerċ internazzjonali jingħata l-post li jixraqlu. Għaldaqstant, il-KtR jitlob lill-UE tuża l-influwenza tagħha bħala l-akbar importatur u esportatur globali tal-ikel biex jiġu emendati r-regoli tal-kummerċ internazzjonali agrikolu introdotti bil-għan li jkun hemm relazzjonijiet kummerċjali aktar ġusti u b’aktar solidarjetà”.

Għall-kuntrarju tax-xampanja, l-industrija Franċiża tal-inbid se tkun affettwata b’mod konsiderevoli mit-tariffi l-ġodda tal-Istati Uniti, peress li s-suq tal-Istati Uniti jirrappreżenta 20 % tal-esportazzjoni tal-inbid Franċiż u dħul annwali ta’ EUR 1 biljun. L-esportazzjonijiet tal- industrija tal-ikel tal- Ġermanja lejn is-suq tal-Istati Uniti jinkludu volum totali ta’ 1.7 biljun. L-Assoċjazzjoni Taljana tal-bdiewa ssostni li se jiġu affettwati l-esportazzjonijiet ta’ prodotti li jammontaw għal EUR 500 miljun. Fl- Awstrija , l-esportazzjonijiet tal-ġobon li jammontaw għal EUR 4 miljun u l-esportazzjonijiet tal-meraq tal-frott li jammontaw għal EUR 11-il miljun huma milquta.

Id-dokument ta’ pożizzjoni Spanjol iwissi li l-impożizzjoni ta’ tariffi tista’ twassal għal żieda fil-miżuri tat-taxxa li se jagħmlu ħsara lil setturi produttivi oħrajn kemm fl-Istati Uniti kif ukoll fl-Unjoni Ewropea.

Id-dokument ifakkar li d-WTO għandha diversi dikjarazzjonijiet pendenti dwar it-tilwim kummerċjali tal-Airbus u l-Boeing u jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tistabbilixxi l-bażi globali għall-għajnuniet għall-industrija ajrunawtika u tippjana miżuri ta’ mitigazzjoni għal setturi u prodotti li jistgħu jiġu affettwati mill-eżiti l-ġodda tal-litigazzjoni.

Id-dokument iħeġġeġ it-tisħiħ minnufih tal-mezz ta’ komunikazzjoni bejn l-amministrazzjoni tal-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea bil-għan li jintlaħaq ftehim produttiv li jirrimedja s-sitwazzjoni attwali.

Jenfasizza wkoll li l-ftehimiet kummerċjali bejn l-UE u pajjiżi terzi huma essenzjali għall-iżvilupp tas-setturi agrikoli u agroalimentari fir-reġjuni Ewropej.

Sfond

Ikklikkja hawn biex taċċessa l-lista sħiħa ta’ prodotti u pajjiżi affettwati mit-tariffi tal-Istati Uniti.

Kuntatt: David Crous / david.crous@cor.europa.eu / +32 (0) 470 88 10 37

Ikkondividi :