Il-Kummissjoni ENVE li għadha kif ġiet kostitwita se tiffoka fuq l-opportunitajiet miġjuba mill-Patt Ekoloġiku hekk kif it-tisħin globali jiggrava l-isfidi tal-klima
Fis-27 ta’ Frar, is-sindku ta’ Sevilja Juan Espadas (ES/PSE) ippresieda l-ewwel laqgħa tiegħu bħala president tal-Kummissjoni għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Enerġija (ENVE) tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR). Il-Patt Ekoloġiku Ewropew huwa l-ogħla prijorità għal dan il-mandat il-ġdid. L-opinjonijiet tal-ENVE li jmiss jinkludu l-ilma, l-arja nadifa, l-idroġenu u l-bijodiversità. Inħatru relaturi ġodda għal ‘Liġi Ewropea dwar il-Klima’, ‘Il-Patt dwar il-Klima’ u ‘Il-Pjan ta’ Azzjoni ġdid għal Ekonomija Ċirkolari’.
It-2 laqgħa tal-Kummissjoni ENVE bdiet b’dibattitu dwar il-Patt Ekoloġiku. Il-president tal-ENVE u s-Sindku ta’ Sevilja Juan Espadas (ES/PSE) iddikjara: “Il-Patt Ekoloġiku Ewropew huwa sfida enormi iżda wkoll opportunità kbira li ma nistgħux nitilfu. Irridu nsaħħu l-alleanza tagħna mal-Parlament Ewropew sabiex il-vuċi tal-bliet u r-reġjuni tissaħħaħ fir-riformi leġislattivi u politiċi li għandna quddiemna. Għandna nkunu atturi attivi biex niżguraw li l-Patt Ekoloġiku jġib benefiċċji konkreti liċ-ċittadini tagħna b’impjiegi ġodda, kwalità aħjar tal-arja, enerġija affordabbli u soluzzjonijiet ta’ mobbiltà nadifa għal kulħadd. Bħala rappreżentanti lokali u reġjonali, irridu kemm nimpenjaw ruħna kif ukoll niżguraw li t-tranżizzjoni ekoloġika hija bidla fejn nirbħu kollha kemm aħna.”
L- MEP Pierre Larrouturou enfasizza l-ħtieġa li “jiġu multiplikati r-riżorsi finanzjarji disponibbli bħala l-uniku mod kif nistgħu nirnexxu fit-tranżizzjoni li huwa l-għan tal-Green Paper” . Ir-rapporteur ġenerali tal-Parlament Ewropew dwar il-baġit 2021 ta parir li jiġu stabbiliti regoli ta’ trasparenza biex jiġi żgurat li l-banek u l-kumpaniji tal-assigurazzjoni jeliminaw gradwalment l-investimenti tal-fjuwils fossili. “Nistgħu nagħmlu dan iżda jeħtieġ li nistabbilixxu qafas ta’ żmien ċar issa”.
Ir-relatur tal-KtR dwar il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta, Vojko Obersnel (HR/PES) , fakkar li “Jekk l-UE hija verament impenjata li tilħaq in-newtralità klimatika sal-2050, allura neħtieġu finanzjament adegwat, li ma jistax ikun ta’ detriment għall-Politika ta’ Koeżjoni. Fi żminijiet ta’ populiżmu li dejjem qed jikber, ma nistgħux naċċettaw li l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta jintlagħab kontra l-Fond Soċjali Ewropew. Ma nistgħux nispjegaw liċ-ċittadini li jeħtieġ li jitnaqqsu l-programmi tas-suq tax-xogħol f’reġjun wieħed biex tiġi appoġġjata t-tranżizzjoni ekoloġika ta’ reġjun ieħor. Neħtieġu finanzjament addizzjonali għal dan il-fond ġdid. Din l-isfida qed tagħfas fuq il-kredibbiltà tal-UE.” L-Opinjoni tar-relatur Obersnel għandha tiġi addottata fis-sessjoni plenarja li jmiss tal-25 u s-26 ta' Ġunju 2020.
Il-membri kellhom skambju ta’ fehmiet dwar l-Opinjonijiet li jmiss li ġejjin:
Idroġenu: Pjan Direzzjonali għal Idroġenu Nadif – il-kontribut tal-awtoritajiet lokali u reġjonali għal Ewropa newtrali għall-klima mir-relatur Birgit Honé (DE/PSE) “ Għandna bżonn urġenti ta’ strateġija Ewropea dwar l-idroġenu ekoloġiku flimkien ma’ qafas tal-UE li jagħti spinta lill-ħolqien ta’ ekonomija tal-idroġenu b’saħħitha. Dan is-sors ta’ enerġija joffri opportunitajiet kbar għall-innovazzjoni, il-ħolqien tal-valur u l-impjiegi f’ħafna reġjuni tal-UE u huwa element ewlieni biex jintlaħqu l-objettivi tad-dekarbonizzazzjoni u n-newtralità tal-klima tal-Patt Ekoloġiku” , qal il-Ministru għall-Affarijiet Federali u Ewropej u l-Iżvilupp Reġjonali tal-Land tas-Sassonja t’Isfel. L-opinjoni għandha tiġi addottata fis-sessjoni plenarja tat-13 u l-14 ta' Mejju.
Ilma: Opinjoni dwar il-Kontroll tal-idoneità tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma u tad-Direttiva dwar l-Għargħar , mir-relatur Piotr Całbecki (PL/PPE). “Jeħtieġ li nużaw għodod innovattivi għall-ġestjoni tal-ilma, ibbażati fuq ir-riċerka, ix-xjenza interdixxiplinari u s-soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura. L-għan ta’ din l-opinjoni huwa li jitressqu proposti konkreti biex tittejjeb u tiġi ssemplifikata l-leġislazzjoni filwaqt li jogħlew l-istandards tal-kwalità tal-ilma fit-territorji tagħna” , qal il-President tar-Reġjun ta’ Kujawsko-Pomorskie. L-opinjoni ser tiġi adottata matul is-sessjoni plenarja tat-13 u l-14 ta’ Mejju.
Arja Nadifa: “Il-kwalità ħażina tal-arja tikkawża mwiet prematuri u problemi respiratorji kroniċi, taċċellera t-telf tal-bijodiversità u tħalli impatt negattiv fuq il-wirt kulturali. Huwa biss b’inizjattivi lokali u reġjonali u proġetti innovattivi, appoġġati minn fondi tal-UE, li jista’ jkollna impatt reali fuq it-titjib tal-kwalità tal-arja għaċ-ċittadini tagħna” , qal János Ádám Karácsony (HU/PPE), membru tal-Gvern Lokali ta’ Tahitótfalu u relatur tal-Opinjoni Il-Futur tal-Politika tal-UE għal Arja Nadifa fil-qafas ta’ ambizzjoni ta’ tniġġis żero . L-adozzjoni tal-opinjoni hija skedata għal matul is-sessjoni plenarja tal-1 u t-2 ta’ Lulju 2020.
B ijodiversità: “Il-bijodiversità kbira u meraviljuża tal-pjaneta tagħna tinsab f’riskju. Jeħtieġ li tittieħed azzjoni issa biex jiġu protetti u rrestawrati l-ekosistemi u l-bijodiversità tagħna f’kull livell, minn dak lokali għal dak globali. Biex tirnexxi l-istrateġija tal-UE dwar il-bijodiversità, il-bliet u r-reġjuni għandhom jiġu involuti fil-ħolqien ta’ azzjonijiet politiċi ambizzjużi, finanzjament adegwati u l-implimentazzjoni” , enfasizza r-relatur Roby Biwer (LU/PSE), Membru tal-Kunsill Muniċipali ta’ Bettembourg, matul l-iskambju ta’ fehmiet dwar l-Opinjoni Bliet u reġjuni bijodiversi lil hinn mill-2020 fil-COP 15 tal-KDB tan-NU u fl-istrateġija li jmiss tal-UE . L-opinjoni ser tiġi adottata matul is-sessjoni plenarja tat-13 u l-14 ta’ Mejju.
Il-membri tal-Kummissjoni ENVE ħatru lir-relaturi li ġejjin:
Juan Manuel Moreno Bonilla (ES/PPE), President tar-reġjun ta’ Andalusija, inħatar bħala r-relatur dwar ‘Liġi Ewropea dwar il-Klima li tistabbilixxi l-għan tan-newtralità klimatika sal-2050’.
Tjisse Stelpstra (NL/KRE), Membru tal-Kunsill Eżekuttiv tal-Provinċja ta’ Drenthe, ġie maħtur bħala r-relatur dwar ‘Il-Pjan ta’ Azzjoni ġdid għal Ekonomija Ċirkolari’.
Rafał Trzaskowski (PL/PPE), Sindku ta’ Varsavja, inħatar bħala r-relatur dwar ‘Il-Patt dwar il-Klima’.
Agħfas hawnhekk biex taċċessa d-dokumenti tal-laqgħa.
Ikkuntattja lil David Crous / david.crous@cor.europa.eu / +32 (0) 470 88 10 37