Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
It-tibdil tal-klima: ir-reġjuni u l-bliet tal-UE jfittxu li jikkooperaw b’mod transkonfinali biex jimplimentaw il-Ftehim ta’ Pariġi  

Xahar qabel il-COP 23, il-bliet u r-reġjuni jappellaw lill-Ewropa biex tibqa’ f’pożizzjoni ta’ tmexxija fil-ġlieda kontra t-tisħin globali b’ambizzjoni aġġornata u b'inizjattivi ta’ finanzjament ġodda għal azzjoni lokali dwar il-klima. Fi sforz għat-twettiq tal-Ftehim ta’ Pariġi, membri tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR) – l-assemblea tal-UE tal-awtoritajiet lokali u reġjonali – talbu għal mekkaniżmi adatti għall-finanzjament għall-klima, tennew l-importanza ta’ involviment tal-livelli kollha ta’ gvern, u qalu li se jkomplu jsaħħu r-relazzjonijiet ma’ bliet u reġjuni lil hinn mill-fruntieri tal-Ewropa biex imexxu ’l quddiem l-aġenda dwar il-klima.

Meta kien qed jitkellem fi Brussell, il-president tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni , Karl-Heinz Lambertz qal li: “l-KtR jinsab impenjat li jsaħħaħ ir-relazzjonijiet ma’ gvernijiet lokali u reġjonali madwar id-dinja.” Wara li dan l-aħħar ifformalizza ftehimiet ta’ koperazzjoni ma’ ICLEI u Climate Alliance , il-KtR issa qed jittama li jkun f’kuntatt mal-Konferenza tas-Sindki tal-Istati Uniti u mal-Federazzjoni Kanadiża tal-Muniċipalitajiet. Il-president Lambertż żied jgħid li: “t-tibdil fil-klima huwa theddida għalina lkoll, li tista’ tingħeleb biss permezz tal-kooperazzjoni. Madwar id-dinja, gvernijiet lokali u reġjonali qed juru livell ta’ konvinzjoni dwar it-tibdil fil-klima li ta’ spiss jisboq l-ambizzjonijiet nazzjonali. Il-gvernijiet lokali u reġjonali tal-Ewropa huma lesti jiżviluppaw rabtiet ma’ bliet u reġjuni madwar l-Atlantiku u lil hinn biex jaqsmu l-esperjenzi, jaħdmu flimkien u jiżguraw li t-temperaturi globali jinżammu sew taħt il-livell limitu ta’ 2 gradi stabbilit f’Pariġi.”

Il-Kummissarju tal-UE għall-Enerġija u l-Klima, Miguel Arias Cañete , qal li: “jeħtieġ nagħmlu progress tajjeb fl-implimentazzjoni tal-ftehim ta’ Pariġi u nilħqu kunsens dwar il-programm ta’ ħidma tiegħu sal-iskadenza tal-2018.. Id-dinja tista’ tkompli sserraħ fuq l-Ewropa biex tkun f’pożizzjoni ta’ tmexxija dinjija. Se naħdmu mal-imsieħba kollha tagħna biex niżguraw li l-COP23 tirnexxi, inkluż mal-ħafna bliet, reġjuni u negozji li jissoktaw bl-azzjoni klimatika.” Il-Kummissarju Arias Cañete rrefera għall-Wegħda tal-Amerika, koalizzjoni ta’ 227 belt u kontea, 9 stati u madwar 1,650 negozju u investitur mill-Istati li “resqin biex jieħdu pożizzjoni favur iż-żamma tal-impenji tal-Istati Uniti fil-ftehim ta’ Pariġi.”

 

Membri tal-assemblea tal-UE tal-bliet u r-reġjuni adottaw il-pożizzjoni uffiċjali tagħha għall-COP23 dwar il-Finanzjament għall-klima . Ir-relatur Marco Dus (IT/PSE) qali li: "mhijiex ir-rieda politika li jonqoshom il-bliet u r-reġjuni tal-UE, imma mekkaniżmi ta’ finanzjament imfasslin apposta u l-kapaċità teknika biex jiksbu aċċess għalihom". Marco Dus jappella biex jiġu żviluppati mezzi ġodda – pereżempju bonds ekoloġiċi u garanziji kollettivi – biex jiffinanzjaw l-azzjoni klimatika fil-livell lokali. Il-membru tal-Kunsill Muniċipali ta’ Vittorio Veneto fi Treviso żied jgħid li: "minbarra l-ħtieġa għal mekkaniżmi ta’ finanzjament addizjonali mfasslin apposta għall-gvernijiet lokali, huwa essenzjali li s-sussidji għal attivitajiet ekonomiċi b’impatt ambjentali akbar jitnaqqsu gradwalment u jitneħħew għal kollox sal-2035."

Andrew Cooper (UK/EA), relatur għall-opinjoni dwar kif il-liġi ambjentali tista’ tiġi implimentata aħjar fl-Ewropa, qal li: "t-tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ CO2 li rnexxielhom jilħqu l-gvernijiet lokali hemm bżonn li jitkejjel, jiġi apprezzat u inkoraġġit. Hemm bżonn tiġi stabbilita sistema ta’ Kontributi Determinati fil-Livell Lokal (LDCs) minbarra l-Kontributi Determinati fil-Livell Nazzjonali (NDCs) biex tgħin sabiex jitneħħa d-distakk f’termini ta’ emissjonijiet.”

Il-Kunsiller ta’ Kirklees jgħid li "l-kontributi determinati fil-livell lokali” se jgħinu biex iż-żieda fit-temperatura globali titrażżan għal 1.5 gradi. Se jippermettulna wkoll li nistabbilixxu miri ogħla iżda li xorta jistgħu jintlaħqu.” L-inizjattiva tal-LDCs minn Andrew Cooper hija konformi u għandha l-appoġġ tal-opinjoni adottata ta’ Marco Dus (IT/PSE) dwar il-finanzjament tal-azzjoni klimatika.

 

Il-COP23 tan-NU ser issir f’Bonn mis-6 sas-17 ta’ Novembru 2017. Fit-13 ta’ Novembru, il-KtR ser jorganizza Djalogu Transatlantiku dwar it-Tibdil fil-Klima flimkien mal-Kummissjoni Ewropea u mal-Patt tas-Sindki u b’involviment mill-qrib tal-Konferenza tas-Sindki tal-Istati Uniti u l-Federazzjoni Kanadiża tal-Muniċipalitajiet.

Filwaqt li l-KtR qed ikompli jippromovi l-inizjattiva tal-Patt Globali tas-Sindki fi ħdan kif ukoll barra mill-fruntieri tal-UE, hu jfaħħar l-inizjattiva tal-Wegħda tal-Amerika b’għadd mingħajr preċedent ta’ stati, bliet, negozji, kulleġġi u universitajiet tal-Istati Uniti li affermaw mill-ġdid l-appoġġ tagħhom għall-Ftehim ta’ Pariġi.  Il-KtR ffirma Memorandum ta’ Qbil mal-Konferenza tas-Sindki tal-Istati Uniti fl-2010 u qed jesplora mezzi biex jaħdem flimkien ma’ muniċipalitajiet Kanadiżi sabiex tinħoloq koalizzjoni Transatlantika ġdida dwar il-klima. 

Noti lill-edituri

L-Assemblea tal-UE tal-bliet u r-reġjuni dan l-aħħar ikkummissjonat rapport dwar il-finanzjament tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Dan jidentifika skemi eżistenti fil-livell tal-UE u dak internazzjonali, u jiddeskrivi l-ostakli u l-mezzi biex jingħelbu. Ara r-rapport sħiħ dwar 'Financing climate action: opportunities and challenges for local and regional authorities’ [Il-finanzjament tal-azzjoni klimatika: opportuniatjiet u sfidi għall-awtoritajiet lokali u reġjonali]. Fil-perjodu baġitarju attwali, l-UE hija impenjata li tagħmel disponibbli 20 % tal-baġit tal-UE għall-perjodu 2014-2020 għall-azzjoni klimatika.

• It-tnaqqis fl-impatt tat-tibdil fil-klima huwa s-suġġett ta’ konferenza koorganizzata mill-KtR u n-Nazzjonijiet Uniti fit-12 ta’ Ottubru. Rappreżentant Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti għat-Tnaqqis tar-Riskju tad-Diżastri, se jindirizza l-konferenza filgħaxija tal-Jum Internazzjonali tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Programm ta’ Tnaqqis tad-Diżastri.

Mappa tar-riskji ambjentali tinsab disponibbli fuq il-pjattaforma Ewropea dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima (Climate-ADAPT). Din il-mappa hija maħsuba biex tgħin lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jiksu fehim ċar tar-riskji klimatiċi fiż-żona tagħhom sabiex ikunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet bl-aħjar mod possibbli. It-titjib fil-valutazzjoni soċjoekonomika, ir-rappurtar u fil-komunikazzjoni jgħin biex jiġi artikolat l-impatt tal-azzjoni klimatika fuq is-soċjetà, filwaqt li tingħata informazzjoni għat-teħid tad-deċiżjonijiet u jiġu allokati riżorsi.

• Il-COP23 tan-NU f’Bonn se ssir mis-6 sas-17 ta’ Novembru 2017. Ċentru ta’ Informazzjoni tal-COP23.

Aktar informazzjoni dwar il-Kumitat tar-Reġjuni fil-COP22 f’Marrakesh

COP22: Marrakesh sets new path for faster local climate action [Marrakexx tistabbilixxi triq ġdida għal azzjoni klimatika aktar rapida]

COP22 activities and related articles [Attivitajiet u atikli relatati tal-COP22]

Opinjonijiet adottati tal-KtR relatati mal-klima:

Francesco Pigliaru (IT/PSE), President ta’ Sardinja dwar L-implimentazzjoni tal-ftehim globali dwar il-klima – approċċ territorjali għall-COP22 f’Marrakesh.

Bruno Hranić (HR/PPE), Sindku tal-Muniċipalità Kroata ta’ Vidovec dwarIl-governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u l-enerġija nadifa'.

Michiel Rijsberman (NL/ALDE), Membru tal-Kunsill tal-Provinċja ta’ Flevoland L-effiċjenza fl-enerġija u l-bini'.

Daiva Matonienė (LT/KRE), Membru tal-Kunsill tal-Belt ta’ Šiauliai u eks-ministru tal-ambjent tal-Litwanja dwar L-enerġija rinnovabbli u s-suq intern tal-elettriku ’.

Kuntatt: David Crous | +32 (0) 470 88 10 37 | david.crous@cor.europa.eu

Ikkondividi :