Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
Il-President Lambertz jagħti l-ewwel diskors annwali dwar “L-Istat tal-Unjoni Ewropea: il-Perspettiva tar-Reġjuni u l-Bliet”  

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR), Karl-Heinz Lambert, ta llum l-ewwel diskors li qatt sar dwar “L-Istat tal-Unjoni Ewropea: il-Perspettiva tar-Reġjuni u l-Bliet” li ġie segwit minn dibattitu mal-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk. Dan l-eżerċizzju l-ġdid għandu jitqies fil-kuntest tad-dibattitu politiku kontinwu dwar il-ġejjieni tal-Ewropa.

Id-Diskors tal-President Lambertz, (FR) li ngħata llum fi Brussell fil-plenarja tal-KtR - magħmula minn rappreżentanti lokali u reġjonali eletti, mill-Istati Membri kollha tal-UE - għandu l-għan li jieħu kont tas-sitwazzjoni attwali tal-bliet u r-reġjuni fl-UE u jħares ‘l quddiem lejn l-isfidi ewlenin għas-snin li ġejjin.

“Fil-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, aħna nħarsu lejn l-Unjoni mil-livell lokali ‘l fuq, mill-perspettiva tan-nies komuni, mil-lenti tat-350 rappreżentant lokali u reġjonali elett tagħna. Din hija l-perspettiva li nixtiequ nikkomunikaw "; qal il-President Lambertz.

" L-Ewropa għandha dejjem aktar post importanti fl-attivitajiet tal-mexxejja lokali u reġjonali. Huma jimplimentaw il-biċċa l-kbira tal-leġislazzjoni tal-UE. Huma jibnu, jikkofinanzjaw u jiġġestixxu proġetti Ewropej. Dawn jitkellmu dwar l-Ewropa fl-assembleji tagħhom u ma’ sħabhom iċ-ċittadini l-oħra. Peress li l-livell Ewropew jinfluwenza l-livell lokali u reġjonali, il-livell lokali u reġjonali għandu jkun jista’ b’mod sħiħ jeżerċita l-influwenza tiegħu fil-livell Ewropew ,” huwa insista wkoll.

Il-President tal-Kunsill Ewropew, Donald Tusk, tenna din il-fehma, filwaqt li enfasizza li “ l-fiduċja fiha nnifisha u l-benessri tal-Ewropa jiddependu fuq il-vitalità tal-bliet, ir-reġjuni u l-muniċipalitajiet” .

Messaġġi Ewlenin tad-Diskors dwar l-Istat tar-Reġjuni tal-2017:

Rabta mill-ġdid maċ-ċittadini: L-impenn tar-rappreżentanti lokali u reġjonali eletti huwa ppremjat b’kunfidenza pubblika fl-awtoritajiet lokali u reġjonali, li hija aktar importanti minn dik mogħtija lill-UE u l-Istati Membri tagħha b’mod ġenerali. Dan huwa sors ta’ kburija konsiderevoli, għaliex dan ifisser li l-bliet u r-reġjuni tagħna jikkostitwixxu element ta’ fiduċja f’Unjoni li xi drabi hija mimlija dubji.”

"L-isforzi tagħna għandhom ikunu ggwidati minn żewġ prinċipji: azzjoni fil-livell it-tajjeb, u djalogu maċ-ċittadini Ewropej (…). Minn Marzu 2016 ‘l hawn, aħna organizzajna aktar minn 140 dibattitu pubbliku f’95 reġjun.”

“Nemmen bis-sħiħ li huwa billi jiġu indirizzati l-aspettattivi taċ-ċittadini li s-suspett lejn l-Ewropa ser jiġi sostitwit b’xewqa għall-Ewropa.”

Il-futur tal-politika ta’ koeżjoni: "Il-politika ta’ koeżjoni tagħmel kontribut essenzjali bbażat fuq is-solidarjetà għall-konsolidazzjoni tal-Unjoni Ewropea u hija l-kontroparti neċessarja għar-regoli tas-suq intern." Il-futur tagħha u l-futur tal-Ewropa huma interkonnessi.”

Tal-inqas tliet Ewropej minn erbgħa jemmnu li l-investiment reġjonali tal-UE għandu effetti pożittivi għall-belt u r-reġjun tagħhom.”

"It-talba tagħna lill-Kunsill tinqasam fi tnejn: li tkun żgurata politika ta’ koeżjoni b’saħħitha li tinvolvi lir-reġjuni kollha, u jkun garantit li din il-politika tirċievi finanzjament ta’ mill-inqas terz mill-baġit tal-UE, kif isir bħalissa."

Il-baġit tal-UE u l-investiment pubbliku : "L-ambizzjoni għall-Ewropa għandha tkun appoġġjata minn riżorsi sinifikanti biex tkun kredibbli, b’mod partikolari billi tillibera r-riżorsi proprji ġodda."

Il-migrazzjoni: "L-identitajiet tagħna għandhom jikkomunikaw b’mod paċifiku u għandhom dejjem ikunu miftuħa għad- dinja esterna pjuttost milli jingħalqu fihom infushom".

“F’Katanja, f’Ateni, fil-gżejjer Griegi u f’ħafna postijiet u pajjiżi oħra, l-uffiċjali lokali u reġjonali organizzaw l-ilqugħ ta’ eluf ta’ migranti f’ċirkostanzi diffiċli ħafna. (...) Permezz tal-kuraġġ u s-solidarjetà tagħhom, huma għamlu l-ispirtu Ewropew kburi.”

Brexit : "Brexit huwa n-nuqqas ta’ Unjoni bbażata fuq sistemi ta’ derogi (…). Id-deċiżjoni ta’ Brexit ser ikollha konsegwenzi serji għall-komunitajiet Brittaniċi u lokali Ewropej.”

L-Ewropa soċjali : "Is-sigurtà għandha tfisser ukoll sigurtà soċjali. Għad hemm differenzi ekonomiċi u soċjali kbar bejn l-Ewropej. Wieħed minn kull ħames Ewropej jgħixu f’dar taħt il-linja tal-faqar jew f’qagħda ta’ esklużjoni soċjali. (...) L-Ewropej jeħtieġu mudell soċjali b’saħħtu li jipproteġi lil kulħadd”.

" L-Ewropej jeħtieġu mudell soċjali b’saħħtu li jipproteġi lil kulħadd. Qatt m’għandna ninsew li l-Ewropa hija msejsa fuq il-prospett ta’ protezzjoni soċjali aħjar. Dan huwa preċiżament il-punt tas-Summit Soċjali li ser isir f’Gothenburg, l-Iżvezja, fis-17 ta’ Novembru, li fih il-Kumitat tagħna ser ikun involut”.

L-ambjent : “Is-sigurtà taċ-ċittadini Ewropej tiddependi wkoll fuq il-ħarsien tal-ambjent u l-bijodiversità. Hawnhekk ukoll, ir-reġjuni u l-bliet huma atturi ewlenin bħalma huma l-istati Amerikani u l-irħula li b’kuraġġ iddeċidew li jimplimentaw l-għanijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi minkejja l-pożizzjoni irresponsabbli ta’ Donald Trump.”

“Il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima hija wkoll prijorità għalina. Għadna kif dħalna fi sħubiji man-netwerk Ewropew tal-Alleanza għall-Klima u man-netwerk internazzjonali tal-ICLEI.”

Pjan direzzjonali

Bħala parti mill-kontribut tiegħu lejn id-dibattitu dwar il-ġejjieni tal-Ewropa, il-KtR nieda inizjattiva minn isfel għal fuq imsejħa “Nirriflettu dwar l-Ewropa” li tikkonsisti fi djalogi taċ-ċittadini u dibattiti fil-livell lokali li involvew 350 membru u membri supplenti. Din il-konsultazzjoni hija kkumplimentata minn stħarriġ onlajn pan-Ewropew magħmul minn sett ta’ mistoqsijiet dwar il-ġejjieni tal-Ewropa u li għandhom l-għan li jiġbru l-feedback taċ-ċittadini. B’riżultat ta’ dan, il-KtR ser jadotta l-viżjoni tiegħu dwar il-ġejjieni tal-Ewropa minn perspettiva lokali u reġjonali fl-ewwel semestru tal-2018. Huwa ser jorganizza “Summit tal-Mexxejja Lokali u Reġjonali tal-Ewropa” fl-ewwel tliet xhur tal-2019.

Fid-9 ta’ Ottubru, il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni flimkien ma’ assoċjazzjonijiet ewlenin tal-bliet u r-reġjuni tal-UE nieda koalizzjoni mal-Ewropa kollha - #CohesionAlliance - li titlob li l-baġit tal-UE wara l-2020 jagħmel il-politika ta’ koeżjoni aktar b’saħħitha, aktar effettiva, viżibbli u disponibbli għal kull reġjun fl-Unjoni. Il-mexxejja lokali u reġjonali minn madwar l-Ewropa kollha, flimkien mal-Membri tal-Parlament Ewropew u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u tal-assoċjazzjonijiet tan-negozju qegħdin jissieħbu mad-dikjarazzjoni tal-Alleanza.

Noti lill-edituri

Kull sena f’Ottubru minn issa ‘l quddiem, il-President tal-KtR ser jagħti d-diskors tiegħu dwar “L-Istat tar-Reġjuni tal-UE” fil-plenarja tal-KtR. L-għan huwa li jittieħed kont tas-sitwazzjoni attwali tal-bliet u r-reġjuni tal-UE u nħarsu ‘l quddiem lejn l-isfidi ewlenin għas-snin li ġejjin. Id-diskors għandu jitqies ukoll bħala reazzjoni inizjali tal-KtR għall-proposti ewlenin imħabbra fil-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni Ewropea. Wara d-diskors ikun hemm dibattitu waqt il-plenarja flimkien mal-membri tal-KtR u r-rappreżentanti ta’ livell għoli tal-UE.

Ir-reazzjonijiet tal-gruppi politiċi tal-KtR huma disponibbli fuq il- paġni web rispettivi tagħhom .

• Is-sit web tal-KtR dwar "L-Istat tal-Unjoni Ewropea: il-perspettiva tar-reġjuni u l-bliet"

Diskors mill-President Donald Tusk lill-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Segwina: #SOTREG #EULocal

Il-gallerija ta’ ritratti fuq Flickr

Kuntatt:
Nathalie Vandelle

Tel. +32 (0)2 282 24 99

nathalie.vandelle@cor.europa.eu

Ikkondividi :