Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
L-Istat tal-Unjoni Ewropea: ‎ approċċ minn fuq għal isfel ser iwaqqaf lill-Ewropa milli twettaq il-wegħdiet tagħha minflok iqarribha iktar lejn in-nies  

Stqarrija minn Apostolos Tzitzikostas, President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Huwa u jikkummenta dwar id-diskors tal-lum dwar l-Istat tal-Unjoni Ewropea li sar mill-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, Apostolos Tzitzikostas, qal:

“Id-diskors dwar l-Istat tal-UE wera bir-raġun it-tisħiħ tas-solidarjetà tal-Unjoni Ewropea u l-kapaċità tagħha li tirreaġixxi kif imiss għall-pandemija. Fl-Ewropa kollha, għandna nirrikonoxxu l-isforz kondiviż inkredibbli bejn il-gvernijiet, l-industrija u s-servizzi pubbliċi biex il-vaċċini jitwasslu lil kull reġjun u belt. Barra minn hekk, il-Kumitat tagħna jappoġġja bis-sħiħ il-prijoritajiet stabbiliti llum: bħala Unjoni, b’baġit u pjan ta’ rkupru tal-UE ta’ daqs bla preċedent, issa jeħtieġ li ninvestu flimkien sabiex nassiguraw li nirkupraw flimkien, filwaqt li fl-istess waqt inħaffu l-pass tat-tranżizzjoni klimatika u diġitali.

Madankollu, mhux se nwettqu dawn l-għanijiet kondiviżi billi nieħdu approċċ minn fuq għal isfel. L-UE trid twieġeb għall-ħtiġijiet reali tan-nies fil-postijiet fejn jgħixu u jaħdmu. Huwa biss bl-applikazzjoni ta’ approċċ minn isfel għal fuq li l-Ewropa tista’ tirnexxi u tibni mill-ġdid l-appoġġ taċ-ċittadini fil-qlub u l-imħuħ tagħhom. Il-pandemija, u l-għargħar u n-nirien reċenti, laqtu l-ħajja tal-komunitajiet tagħna, u kienu l-miljun mexxej lokali u reġjonali tal-Ewropa li kienu fuq quddiem nett f’ħidma mas-servizzi pubbliċi u ta’ emerġenza biex isalvaw il-ħajjiet u l-ekonomiji tagħna. In-nuqqas ta’ involviment tal-atturi lokali – responsabbli għat-twettiq ta’ 70 % tal-liġijiet kollha tal-UE – b’mod suffiċjenti fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-Pjani Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza huwa theddida għall-irkupru tal-Ewropa. Il-Patt Ekoloġiku jsir realtà biss jekk iseħħ fil-livell lokali u reġjonali ma’ politiċi eletti lokalment. Jekk le, dan ser ifalli. Il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa tinsab fil-periklu li ssir konkors ta’ sbuħija bejn l-istituzzjonijiet ta’ Brussell jekk ma tilħaqx il-komunitajiet lokali kollha madwar l-Ewropa.

Id-diskors tal-lum kien opportunità mitlufa biex jiġi rikonoxxut ir-rwol imperattiv tal-atturi lokali, u biex tiġi offruta viżjoni ġdida għall-governanza li se tagħmel lill-UE aktar effettiva u eqreb lejn in-nies. L-Ewropa ma tistax tibqa’ proġett astratt minn fuq għal isfel u trid toħloq sħubija reali ma’ dawk li huma s-sisien tad-Dar Ewropea tad-Demokrazija tagħna – il-presidenti eletti reġjonali u lokali, il-gvernaturi, is-sindki u l-kunsilliera. Din hija verità li ma tistax tiġi injorata jekk irridu nibnu flimkien futur aktar prosperuż, ġust u reżiljenti għan-nies tagħna. Ser nirduppjaw l-isforzi tagħna biex nerġgħu niksbu bilanċ permezz tar-rwol tagħna bħala leħen il-Gvern sottonazzjonali fil-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa din il-ħarifa.”

Ottubru 12: il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni ser joħroġ l-analiżi tiegħu tal-istat tar-reġjuni u l-bliet tal-UE

Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni ser jippreżenta l- Barometru Reġjonali u Lokali Annwali tal-UE tiegħu fit-12 ta’ Ottubru 2021, li fih joffri stampa tal-ħafna effetti tal-pandemija fuq ir-reġjuni u l-bliet tal-UE u juri d-differenzi kbar li jeżistu fi ħdan l-Unjoni tagħna u f’kull Stat Membru. Se juri l-“effett ta’ mqass” tal-pandemija fuq il-finanzi lokali u reġjonali, kif ir-reġjuni u l-bliet tagħna qed jimxu 'l quddiem – jew qed ibatu – hekk kif qed jippruvaw jiksbu ħakma tat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, kif l-isfida tat-tnaqqis tad-differenzi ekonomiċi u soċjali bejn ir-reġjuni saret aktar kumplessa, u kif ir-reġjuni u l-bliet qed jimmodernizzaw id-demokrazija lokali. U, bl-iktar stħarriġ wiesa’ li qatt sar fost il-1,15 miljun politiku lokali u reġjonali fl-UE, se juri l-fehmiet tal-politiċi li jibnu l-Unjoni tagħna kuljum fil-komunitajiet lokali tagħhom.

Persuna ta’ kuntatt :

Michele Cercone

Tel. +32 498 982 349

michele.cercone@cor.europa.eu

Share: