Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
Mewġa ta’ Rinnovazzjoni: il-bliet u r-reġjuni huma lesti jwettquha  

Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jistabbilixxu mekkaniżmi ta’ finanzjament aktar faċli u aktar rapidi għall-awtoritajiet lokali u reġjonali biex iwettqu proġetti ta’ rinnovazzjoni

Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR) adotta unanimament Opinjoni dwar il-Mewġa ta’ Rinnovazzjoni , il-pjan tal-UE biex jittejjeb ir-rendiment tal-enerġija tal-istokk tal-bini tal-Ewropa. Peress li l-bini jirrappreżenta 40% tal-konsum tal-enerġija tal-Ewropa u 36% tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra (GHG), ir-rinnovazzjoni tiegħu hija kruċjali biex l-UE tilħaq in-newtralità klimatika sal-2050. Il-bliet u r-reġjuni jappellaw għal reviżjoni tal-iskemi ta’ għajnuna mill-Istat, regoli baġitarji aktar flessibbli biex jiġu sfruttati l-investimenti u r-rinnovazzjonijiet, miri sottonazzjonali għar-rinnovazzjoni tal-bini, u l-integrazzjoni ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fi proġetti ta’ rinnovazzjoni.

Wara dibattitu plenarju mal-Kummissarju tal-UE għall-Enerġija, Kadri Simson, Enrico Rossi (IT/PSE) , ir-relatur tal-KtR għall- Opinjoni dwar il-Mewġa ta’ Rinnovazzjoni , Membru tal-Kunsill Komunali ta’ Signa (Firenze) u l-eks president tar-Reġjun ta’ Toscana (2010-2020), qal: "L-irkupru ekoloġiku jibda fi djarna. Bil-Mewġa ta’ Rinnovazzjoni bħala pilastru fundamentali tal-Patt Ekoloġiku, nistgħu nerġgħu nniedu l-ekonomija tagħna, noħolqu 160,000 impjieg fis-settur tal-bini, u niġġieldu l-faqar enerġetiku, filwaqt li fl-istess ħin nilħqu l-miri tagħna dwar in-newtralità klimatika. Jeħtieġ li niżguraw li r-riżorsi tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali l-ġdid, il-Pjan ta’ Rkupru, u l-fondi nazzjonali u reġjonali jintużaw f’sinerġija u ma jiġux devjati xi mkien ieħor. Biex tirnexxi, il-bliet u r-reġjuni jridu jaqdu rwol ewlieni. Huwa għalhekk li neħtieġu għodod konkreti, bħal faċilità ta’ assistenza teknika lokali, li tkun aċċessibbli għall-awtoritajiet lokali u reġjonali kollha biex jimplimentaw il-Mewġa ta’ Rinnovazzjoni, flimkien ma’ taħriġ għall-ħaddiema, b’mod partikolari fl-SMEs, biex jgħinu biex jinħolqu aktar impjiegi.”

Il-KtR jappella lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jistabbilixxu mekkaniżmi ta’ finanzjament dirett għall-awtoritajiet lokali u reġjonali biex iwettqu proġetti ta’ rinnovazzjoni. Iħeġġeġ ukoll it-twettiq tar-reviżjoni mħabbra tal-iskemi Ewropej ta’ għajnuna mill-Istat għall-effiċjenza enerġetika fil-bini sabiex jingħelbu l-ostakli attwali għall-investiment.

Il-bliet u r-reġjuni jħeġġu lill-Kummissjoni Ewropea biex taħdem mal-Istati Membri biex tistabbilixxi regoli baġitarji aktar flessibbli għall-amministrazzjonijiet lokali u reġjonali sabiex tissaħħaħ il-kapaċità tagħhom li jinvestu fir-rinnovazzjoni ta’ bini eżistenti u f'akkomodazzjoni soċjali ġdida. Huwa jinnota wkoll li, sabiex tiġi implimentata l-Mewġa ta’ Rinnovazzjoni, il-Kummissjoni u l-Istati Membri jridu jipprovdu appoġġ sinifikanti lis-settur tal-kostruzzjoni biex jingħelbu l-lakuni ta' għarfien rigward il-ħiliet, it-teknoloġija u t-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema.

Il-Mewġa ta’ Rinnovazzjoni għandha tkun appoġġjata minn assistenza teknika solida li tkun disponibbli għall-awtoritajiet lokali u reġjonali kollha. Il-membri huma favur it-tisħiħ u d-deċentralizzazzjoni tal- faċilità ELENA tal-BEI billi jiġi ssimplifikat il-mudell tal-One-Stop-Shop sabiex joffri assistenza teknika lill-awtoritajiet lokali u reġjonali u lin-negozji kollha.

L-Opinjoni tal-KtR tħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jinkorporaw bis-sħiħ il-Mewġa ta’ Rinnovazzjoni fil-programmi għall-irkupru u r-reżiljenza (RRF) kif ukoll il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE).

Proposti addizzjonali tal-KtR biex tiġi introdotta b’suċċess il-Mewġa ta’ Rinnovazzjoni f’kull territorju jinkludu:

  • Miżuri biex jiġu evitati żgumbramenti li jseħħu abbażi ta’ rinnovazzjoni ("renovictions"). Il-Kummissjoni Ewropea u l-livelli kollha tal-gvernijiet għandhom jevitaw li l-ispejjeż tar-rinnovazzjoni jiġu mgħoddija lill-inkwilini u jipproponu żidiet fil-kera li għandhom jiġu bbilanċjati mill-iffrankar tal-enerġija.
  • Il-KtR jappella lill-Kummissjoni Ewropea tesiġi li l-Istati Membri jinvolvu bis-sħiħ u b’mod effettiv lill-awtoritajiet reġjonali u lokali fl-abbozzar u fl-implimentazzjoni tal-pjani nazzjonali rispettivi tagħhom ta’ rkupru u ta’ reżiljenza billi jiżviluppaw djalogi effettivi f’diversi livelli dwar il-klima u l-enerġija.
  • Il-mewġa ta’ rinnovazzjoni għandha tintuża b’mod ugwali f’żoni inqas urbanizzati, aktar periferiċi, inklużi komunitajiet rurali.
  • It-trawwim ta’ proċessi ċirkolari fis-settur tal-kostruzzjoni u t-tisħiħ tal-mekkaniżmi ta’ ċertifikazzjoni li jinkoraġġixxu l-għażla tal-materjali u t-tekniki tal-kostruzzjoni abbażi taċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom.
  • Jissaħħu l-komunitajiet tal-enerġija lokali u l-“prosumatur” permezz ta’ produzzjoni deċentralizzata tal-enerġija u inċentivi biex jiġi żviluppat il-mudell ta’ “kera li tkopri kollox (warm rent)” – il-prinċipju bażiku applikat fl-Iżvezja u fil-Finlandja – fejn is-sidien tal-proprjetà huma mħeġġa jiffrankaw l-enerġija filwaqt li jiggarantixxu ambjent intern xieraq.
  • Tiġi estiża l-analiżi tal-faqar enerġetiku lil hinn mill-unitajiet domestiċi individwali u jintuża l-mudell ta’ “żoni ta’ manifattura li jirrispettaw l-ambjent” bħala referenza utli għall-involviment tal-industrija tal-manifattura fil-Mewġa ta’ Rinnovazzjoni.
  • Jingħata appoġġ sinifikanti lis-settur tal-kostruzzjoni, li ntlaqat ħażin ħafna mill-kriżi u spiss jinvolvi negozji żgħar.
  • Sforzi aktar ambizzjużi għad-dekarbonizzazzjoni tat-tisħin u t-tkessiħ residenzjali, li huwa responsabbli għal aktar minn 80% tal-konsum ġenerali tal-enerġija tal-bini fl-UE.
  • Il-membri jilqgħu l- Patt Klimatiku u jimpenjaw ruħhom li jappoġġjaw l-introduzzjoni tiegħu, b’mod partikolari billi jinvolvu liċ-ċittadini. Il-KtR jirrikonoxxi r-rwol fundamentali tal-Patt Klimatiku li jiggarantixxi li l-Mewġa ta’ Rinnovazzjoni tintuża b’mod effettiv, u li l-kapaċità u l-għodod ikunu disponibbli għall-awtoritajiet lokali u reġjonali.
  • Il-membri jappellaw lill-Kummissjoni Ewropea biex tkompli tippromovi l-użu ta’ sistemi ta’ ġestjoni tal-enerġija u tal-Immudellar tal-Informazzjoni dwar il-Bini (Building Information Modeling - BIM).
  • Tiġi żviluppata applikazzjoni sistematika tal-kriterji tal-Akkwist Pubbliku Ekoloġiku għas-settur tal-bini biex twassal għal tnaqqis rapidu fil-konsum tal-enerġija u tiżgura l-użu mifrux ta’ mudelli ta’ ġestjoni aktar sostenibbli.
  • Id-data dwar il-konsum tal-enerġija tal-bini għandha tkun faċilment disponibbli mingħajr ħlas madwar l-UE kollha.
  • Jiġu stabbiliti miri sottonazzjonali għall-integrazzjoni ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fil-bini.
  • Il-KtR japprova l-proposta għal Indikatur tal-Potenzjal ta’ Intelliġenza (Smart Readiness Indicator - SRI) bil-għan li jivvaluta sa liema grad il-bini huwa lest biex jintegra t-teknoloġiji intelliġenti u li jissensibilizza lis-sidien u lill-inkwilini tal-bini dwar ir-riżultati.
  • Jiġi aġġornat il-qafas taċ-ċertifikati tar-rendiment fl-użu tal-enerġija (EPCs) biex jiżdied il-proporzjon tal-istokk immobiljari li għandu ċertifikati tar-rendiment fl-użu tal-enerġija.
  • Ir-rekwiżiti leġiżlattivi għax-xiri u r-rinnovazzjoni tal-bini pubbliku eżistenti kollu, l-istandards minimi tar-rendiment fl-użu tal-enerġija u l-miri obbligatorji għar-rati annwali ta’ rinnovazzjoni jeħtieġ li jkunu flessibbli biex iqisu l-karatteristiċi u ċ-ċirkostanzi differenti tal-bini f’kull territorju.

Informazzjoni ġenerali

Huwa stmat li bejn 34 u 50 miljun ċittadin Ewropew ibatu minn faqar enerġetiku. L-Opinjoni tal-KtR dwar il-Mewġa ta’ Rinnovazzjoni tinkludi proposta lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex jikkalkulaw il-faqar enerġetiku fil-livell subreġjonali.

Minkejja li 75% tal-bini eżistenti fl-UE huwa meqjus bħala ineffiċjenti fl-enerġija, bħalissa 1% biss jiġi rinnovat kull sena. Huwa stmat li l-Mewġa ta’ Rinnovazzjoni tista’ toħloq 160,000 impjieg addizzjonali fis-settur tal-kostruzzjoni sal-2030. 

Flimkien mad-dekarbonizzazzjoni tas-settur tat-trasport u l-ekoloġizzazzjoni tal-bliet, ir-rinnovazzjoni tal-istokk tal-bini tal-UE hija prijorità ewlenija tal- Patt Ekoloġiku . Mhux biss minħabba l-kapaċità potenzjali tagħha li tnaqqas kemm l-użu tal-enerġija kif ukoll l-emissjonijiet tas-CO 2 , iżda wkoll bħala xprun għat-tkabbir sostenibbli u l-ħolqien tal-impjiegi. Is-settur tal-kostruzzjoni huwa l-akbar ġeneratur ta’ impjiegi għal kull miljun euro investit ( Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija 2020 ).

Il-Mewġa ta’ Rinnovazzjoni tnediet fl-14 ta’ Ottubru 2020 permezz tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar “Mewġa ta’ Rinnovazzjoni għall-Ewropa – l-ekoloġizzazzjoni tal-binjiet tagħna, il-ħolqien tal-impjiegi, it-titjib tal-ħajja” . Hija pilastru ewlieni tal- pjan direzzjonali tal-Patt Ekoloġiku Ewropew .

Il-Mewġa ta’ Rinnovazzjoni għandha l-għan li tneħħi l-ostakli għar-rinnovazzjonijiet tal-bini. Il-Grupp ta’ Istituzzjonijiet Finanzjarji għall-Effiċjenza fl-Enerġija ( EEFIG ) identifika sitt tipi ta’ ostakli: ostakli strutturali, ostakli għall-informazzjoni, fallimenti tas-suq, nuqqas ta’ għarfien espert, taħlita ta’ fatturi li jagħmluha diffiċli biex il-proġetti jiġu aggregati u/jew jitwettqu approċċi distrettwali aktar effiċjenti, u ostakli regolatorji. Dawn l-ostakli kollha jaffettwaw direttament lill-awtoritajiet lokali u reġjonali u jxekklu l-kapaċità tagħhom li jinvestu aktar fi proġetti effiċjenti fl-enerġija.

Ir-rinnovazzjoni tal-bini hija prijorità ewlenija tal- Patt Ekoloġiku fil-Livell Lokali (GDGL) , inizjattiva ġdida tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, li għandha l-għan li tqiegħed il-bliet u r-reġjuni fil-qalba tat-tranżizzjoni tal-UE lejn in-newtralità klimatika. Il-Patt Ekoloġiku fil-Livell Lokali tnieda fil-15 ta’ Ġunju 2020 bil-ħolqien ta’ Grupp ta’ Ħidma speċifiku magħmul minn 13-il membru . Aqra l-istqarrija għall-istampa hawnhekk . Skopri 200 prattika tajba tal-Patt Ekoloġiku fil- mappa online tagħna.

Persuna ta’ kuntatt:

David Crous

david.crous@cor.europa.eu

+32 (0) 470 88 10 37

Ikkondividi :