Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
Ir-reġjuni u l-bliet jingħaqdu flimkien mal-UEFA biex jippromovu l-investiment reġjonali tal-UE fl-isport  
Photo gallery | Twitter: #CohesionAlliance

Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR) u l-UEFA ingħaqdu flimkien biex tittejjeb l-aċċessibbiltà għall-finanzjament tal-UE għall-isport. Iż-żewġ korpi enfasizzaw l-importanza li l-investiment reġjonali tal-UE – il-politika ta’ koeżjoni tal-UE – għandu fl-appoġġ tar-reġjuni biex l-isport ikun b’saħħtu fil-livell lokali, u r-rwol sussegwenti tiegħu fil-promozzjoni tal-koeżjoni territorjali madwar l-Ewropa. Dan il-messaġġ twassal f’dikjarazzjoni konġunta ffirmata mill-President tal-KtR Karl-Heinz Lambertz u l-Ewwel Viċi President tal-UEFA Karl-Erik Nilsson matul il-konferenza ta’ livell għoli li saret fi Brussell illum.

L-avveniment laqqa’ flimkien parteċipanti mill-istituzzjonijiet tal-UE – inkluż il-Kummissarju tal-UE Tibor Navracsics – u rappreżentanti mill-55 assoċjazzjoni nazzjonali tal-futbol tal-UEFA. L-avveniment enfasizza l-importanza tal-finanzjament tal-UE għall-isport fi ħdan il-kuntest ta’ #CohesionAlliance , koalizzjoni madwar l-UE ta’ dawk li jemmnu li l-politika ta’ koeżjoni tal-UE għandha tkompli tkun pilastru fil-ġejjieni tal-UE.

Karl-Heinz Lambertz , il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, qal: “Naqsmu l-istess għan bħall-UEFA: li nsaħħu l-koeżjoni u s-solidarjetà fl-Ewropa. L-investiment fl-isport huwa redditu fuq l-investiment li jikkontribwixxi għas-saħħa, l-inklużjoni soċjali, it-turiżmu u l-iżvilupp ekonomiku. Din hija r-raġuni għaliex huwa kruċjali li l-UE tkompli tipprovdi biżżejjed fondi tal-politika ta’ koeżjoni biex jippermettu lir-reġjuni u l-bliet jipprovdu infrastruttura sportiva deċenti madwar il-fruntieri. Bħala sostenituri ta’ #CohesionAlliance, nafu b’mod dirett li l-fondi strutturali tal-UE jistgħu jagħmlu differenza reali, billi joffru kwalità aħjar tal-ħajja u ħajja iktar sana għall-komunitajiet tagħna.”

Karl-Erik Nilsson , l-Ewwel Viċi President tal-UEFA, li ffirma #CohesionAlliance fl-20 ta’ Marzu aktar kmieni din is-sena, enfasizza: "Il-UEFA temmen fl-importanza tal-isport, u kull sena tagħmel kontribuzzjoni inkredibbli permezz tal-inizjattiva tagħha, il- programm ta’ assistenza HatTrick . Bis-saħħa ta’ dan il-programm infrastruttura u attivitajiet sportivi sinifikanti huma appoġġati madwar l-Ewropa. Iżda l-isforzi tal-UEFA jeħtieġ li jiġu appoġġati minn finanzjament tal-UE ddedikat, speċjalment għal livell l-iżjed fundamentali. L-investiment fl-isport ifisser investiment għall-ġejjieni tal-Ewropa. L-organizzazzjonijiet sportivi, l-awtoritajiet nazzjonali u l-istituzzjonijiet tal-UE jridu jaħdmu flimkien biex jagħmlu l-aħjar użu mill-opportunitajiet ta’ finanzjament eżistenti kollha.”

Tibor Navracsics , il-Kummissarju għall-Edukazzjoni, il-Kultura, iż-Żgħażagħ u l-Isport, qal: “L-isport għandu potenzjal uniku biex jgħinna nindirizzaw l-isfidi l-kbar li qed jiffaccċċjaw is-soċjetajiet tagħna, u biex insaħħu l-iżviupp tal-bliet u r-reġjuni. Biex nagħmlu l-aħjar użu minn dan il-potenzjal, irridu nsibu modi ta’ inkorporazzjoni tal-isport fl-azzjonijiet tagħna fl-oqsma kollha ta’ politika. B’mod partikolari, jeħtieġ li din tiġi inkorporata b’mod aktar effettiv fi strateġiji lokali u reġjonali, billi tibni fuq is-saħħiet u l-ambizzjonijiet individwali tar-reġjuni u l-bliet.”

F’dikjarazzjoni konġunta ffirmata mill-President Lambertz u l-Ewwel Viċi President Nilsson, il-KtR u l-UEFA enfasizzaw li:

L-isport jagħti kontribut importanti biex jintlaħqu l-objettivi strateġiċi tal-politika ta’ koeżjoni tal-UE u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli.

Il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li jirdoppja l-finanzjament tal-Erasmus fil-baġit fit-tul tal-UE li jmiss (li se jkopri l-perjodu 2021-27) u l-attenzjoni mogħtija lill-isport tal-massa, il-governanza tajba u l-integrità fl-isport hija pass ’il quddiem apprezzat.

Attwalment, in-nuqqas ta’ politiki bbażati fuq l-isport u nuqqas ta’ infrastruttura għall-isports tal-massa huma tnejn mill-ikbar ostakli li jxekklu l-aċċess liberu u ugwali għal attivitajiet sportivi għaċ-ċittadini kollha, inklużi persuni b’diżabilità. Li jiġi żgurat aċċess universali għal attivitajiet sportivi huwa fundamentali għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali u biex jiżdied in-numru globali ta’ persuni involuti f’attivitajiet sportivi.

Għandu jiġi rikonoxxut aħjar il-kontribut tal-isport għall-iżvilupp ekonomiku u t-trawwim tal-inklużjoni soċjali. Ir-regolamenti li jirregolaw il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE) u politiki Ewropej oħra xierqa għandhom jappoġġaw politiki bbażati fuq l-isport, inkluż l-investiment f’infrastruttura għall-isport fiżiku sabiex jiżdiedu s-solidarjetà u l-prosperità permezz tal-isport.

Il-KtR u l-UEFA jaqblu li jaħdmu flimkien fi ħdan # CohesionAlliance għal politika ta’ koeżjoni b’saħħitha li tippromovi l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali madwar l-UE wara l-2020.

Il-KtR riċentement esprima bosta minn dawn ir-rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni Ewropea permezz ta’ Opinjoni dwar L-integrazzjoni tal-isport fl-aġenda tal-UE wara l-2020 (relatur: Roberto Pella (IT/PPE), Sindku ta’ Valdengo).

Nota ta’ spjegazzjoni

#CohesionAlliance hija koalizzjoni ta’ dawk li jemmnu li l-politika ta’ koeżjoni tal-UE għandha tkompli tkun pilastru fil-ġejjieni tal-UE. Bħala konsegwenza tal-Brexit u l-ħtieġa biex l-UE tiffinanzja prijoritajiet ġodda bħad-difiża, is-sigurtà u l-kontroll tal-fruntieri esterni, l-allokazzjonijiet finanzjarji għall-politika tal-koeżjoni huma fil-periklu li jitnaqqsu fil-baġit fuq medda twila ta’ żmien li jmiss tal-UE – jew il- Qafas Finanzjarju Pluriennali – li jitabbilixxi l-limiti massimi tal-infiq tal-UE għall-perjodu wara l-2020.

Sabiex dan jiġi evitat u titqajjem kuxjenza dwar ir-rwol essenzjali tal-politika ta’ koeżjoni, tnediet #CohesionAlliance inizjalment mill-assoċjazzjonijiet ewlenin tar-reġjuni u l-bliet – l- Assoċjazzjoni tar-Reġjuni Ewropej tal-Fruntiera (AEBR), l- Assemblea tar-Reġjuni Ewropej (AER), il- Konferenza ta’ Assemblej Leġislattivi Reġjonali Ewropej (CALRE), il- Kunsill tal-Muniċipalitajiet u r-Reġjuni Ewropej (CEMR), il- Konferenza tar-Reġjuni Marittimi Periferiċi tal-Ewropa (CPMR) u EUROCITIES - kif ukoll il- Kumitat Ewropew tar-Reġjuni f’Ottubru 2017.

L-Alleanza qed titlob li l-baġit tal-UE wara l-2020 jagħmel il-politika ta’ koeżjoni aktar b’saħħitha, aktar effettiva, viżibbli u disponibbli għal kull reġjun fl-Unjoni Ewropea. Sa mit-tnedija tagħha, id- dikjarazzjoni tal-Alleanza ġiet iffirmata minn iktar minn 8300 firmatarju, 116 reġjun, 109 belt u kontea, 50 assoċjazzjoni tal-gvernijiet reġjonali u lokali, 40 Membru tal-Parlament Ewropew, 35 assoċjazzjoni settorjali tal-UE.

Kuntatt:

Lauri Ouvinen

Tel. +32 22822063

lauri.ouvinen@cor.europa.eu

Ikkondividi :