Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
It-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Innovazzjoni Reġjonali 2019: Ir-reġjuni kapitali Nordiċi huma fl-ogħla livell, filwaqt li d-distakk fl-innovazzjoni jibqa' kwistjoni ta’ tħassib  

Helsinki-Uusimaa fil-Finlandja, ir-Reġjun ta’ Stokkolma fl-Iżvezja u r-Reġjun ta' Copenhagen (Hovedstaden) fid-Danimarka huma t-tliet reġjuni l-iktar innovattivi fl-UE, skond it-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Innovazzjoni Reġjonali tal-Kummissjoni Ewropea 2019 ippubblikata nhar it-Tnejn. It-tabella ta’ valutazzjoni turi xi konverġenza fil-prestazzjoni reġjonali bi tnaqqas fid-differenzi tal-prestazzjoni bejn il-biċċa l-kbira tar-reġjuni tal-UE, għalkemm id-distakk lejn l-aktar pajjiżi modesti kiber.

Markku Markkula , l-Ewwel Viċi President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni u l-President tal-Bord Reġjonali ta’ Ħelsinki-Uusimaa, iddikjara: “ It-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Innovazzjoni Ewropea u t-Tabella tal-Innovazzjoni Reġjonali għall-2019 tal-Kummissjoni Ewropea juru li l-prestazzjoni innovattiva tal-UE ilha titjieb għal erba’ snin konsekuttivi. Dan kien ukoll il-każ għall-biċċa l-kbira tar-reġjuni tal-UE, li minnhom 159 minn 238 żiedu l-prestazzjoni tagħhom matul l-aħħar tmien snin. Ninsab kuntent ħafna nara li r-reġjun tiegħi, Helsinki-Uusimaa, jinsab fuq nett fil-klassifika, ’il fuq mill-pajjiżi ġirien tagħna Skandinavi mir-reġjuni ta’ Stokkolma u Copenhagen.”

“Madankollu, filwaqt li r-rapport tal-Kummissjoni Ewropea jenfasizza d-distakki fil-prestazzjoni li qed jonqsu bejn innovaturi ewlenin, b’saħħithom u moderati, fl-istess ħin xi reġjuni tal-UE waqgħu lura aktar. Dawk ir-reġjuni li ta’ spiss ibatu minn eżodu ta’ mħuħ u popolazzjoni li qed tixjieħ jeħtieġu appoġġ biex jiġu żviluppati infrastrutturi ta’ riċerka adegwati u biex iġeddu r-riċerka tagħhom u l-potenzjal xjentifiku uman tagħhom lokalment. Għandna bżonn sħubijiet aktar b’saħħithom bejn ir-reġjuni ewlenin tal-innovazzjoni u oħrajn, inkluż f’kull Stat Membru u bejn ir-reġjuni madwar l-Ewropa. Barra minn hekk, permezz ta’ regoli aktar ċari u aċċessibbli għall-programm Orizzont Ewropa , l-UE tista’ tiffaċilita parteċipazzjoni ġusta u trasparenti u tqassam l-eċċellenza b’mod aktar ugwali madwar l-Ewropa kollha", enfasizza Markkula.

“Jeħtieġ li l-Ewropa tinvesti aktar u jkollha iktar minn ta’ quddiem biex issir mexxej globali. Bħala eżempju, l-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU tista’ titħaffef biss permezz ta’ sħubijiet effettivi bl-użu ta’ strumenti ta’ finanzjament tal-UE flimkien ma’ investituri privati”, ikkonkluda Markkula.

Il-membri tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni ser jiddibattu dwar il-lokalizzazzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli ma’ Jyrki Katainen, il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea għall-Impjiegi, it-Tkabbir, l-Investiment u l-Kompetittività, fis-sessjoni plenarja tal-ġimgħa d-dieħla nhar is-26 ta’ Ġunju.

Kuntatt:

Lauri Ouvinen

Tel. +32 22822063

lauri.ouvinen@cor.europa.eu

Ikkondividi :