Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
(Re)New EUrope: Summit Ewropew tal-Bliet u r-Reġjuni ‎ li se jsir f’Bucharest fl-14 u l-15 ta’ Marzu 2019  
Aktar minn 500 politiku nazzjonali u lokali se jfasslu viżjoni dwar kif jistgħu jissaħħu d-demokrazija, il-qrubija u s-solidarjetà fl-Unjoni Ewropea

Aktar minn 500 mexxej Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali mill-Istati Membri kollha se jiltaqgħu f’Bucharest fl-14 u l-15 ta’ Marzu biex jiddibattu dwar il-futur tal-Ewropa u r-rwol tar-reġjuni u l-bliet f’Unjoni Ewropea mġedda. Bit-titolu “(Re)New EUrope”, is-Summit se jlaqqa’ wkoll rappreżentanti ta’ livell għoli tal-UE, fosthom il-President tar-Rumanija, Klaus Iohannis, il-Prim Ministru tar-Rumanija, Viorica Dăncilă, il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, Karl-Heinz Lambertz, il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, Luca Jahier, u l-Kap Negozjatur tal-UE għall-Brexit, Michel Barnier .

L-isfond u t-temi tas-Summit

Is-Summit se jsir fi żmien kritiku għall-UE meta deċiżjonijiet importanti se jsawru l-futur tagħha, inkluż il-ħruġ mistenni tar-Renju Unit mill-UE, l-elezzjonijiet Ewropej f’Mejju, u n-negozjati dwar il-baġit fit-tul tal-UE wara l-2020.

Koorganizzat mill- Kumitat Ewropew tar-Reġjuni – l-assemblea tal-UE tal-politiċi eletti fil-livell lokali u reġjonalii - il- Presidenza Rumena tal-Kunsill tal-UE , u l-assoċjazzjonijiet ewlenin Rumeni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, ir-reġjuni u l-bliet tal-UE se jistabbilixxu l-viżjoni tagħhom għall-futur tal-Ewropa qabel ma jiltaqgħu l-mexxejja tal-UE f’Sibiu fid-9 ta’ Mejju.

Il-programm se jikkonsisti f’diskorsi prinċipali u sitt dibattiti tematiċi dwar: 1)  Il-koeżjoni soċjali u l-integrazzjoni fir-reġjuni u l-bliet; 2) Il-bliet u r-reġjuni tal-UE jibnu futur sostenibbli; 3) Il-koeżjoni territorjali biex tgħaqqad liċ-ċittadini tal-UE; 4) Is-sussidjarjetà attiva; 5) It-tisħiħ tad-demokrazija Ewropea; u 6) L-aspettattivi tal-mexxejja lokali u reġjonali żgħażagħ fir-rigward tal-UE.

Brexit: Dibattitu ma’ Michel Barnier

Ftit qabel id-data ppjanata għall-Brexit (id-29 ta’ Marzu), il-Kap Negozjatur tal-UE għall-Brexit, Michel Barnier, huwa mistenni li jieħu sehem fis-Summit biex jiddiskuti dwar l-impatt tal-Brexit fuq ir-reġjuni u l-bliet tal-UE, kif l-UE se tappoġġja lil dawk l-aktar esposti, kif ukoll it-tagħlimiet misluta għall-futur tal-Ewropa. Fid-dawl taż-żmien tas-Summit u l-konsegwenzi tal-Brexit fuq il-bliet u r-reġjuni – b’mod partikolari fil-każ ta’ “ebda ftehim”, id-dibattitu se jagħmel referenza għal żewġ studji:

Stħarriġ tal-2018 immexxi mill-KtR u l-EUROCHAMBRES li jispjega fid-dettall il-konsegwenzi tal-Brexit fuq il-kummerċ u l-ekonomija fir-reġjuni u l-bliet tal-UE27 (ara l- istqarrija għall-istampa );

Studju li ġie ppubblikat ġimagħtejn ilu biss – immexxi mill-Università ta’ Birmingham – u ppreżentat fil-KtR li juri li “Brexit ta’ ebda ftehim” jikkawża ħsara kbira mmens lill-ekonomiji lokali kemm fl-UE kif ukoll fir-Renju Unit (ara l- istqarrija għall-istampa ).

100 politiku elett żagħżugħ se jipparteċipaw fis-Summit

Ġew mistiedna 100 politiku żagħżugħ mil-livell lokali u reġjonali f’Bucharest biex jikkontribwixxu għad-dibattitu dwar il-futur tal-Ewropa. Il-mexxejja żgħażagħ se jaqsmu l-fehmiet tagħhom dwar kwistjonijiet bħall-futur tal-Ewropa; kif l-UE tista’ tistabbilixxi skambju permanenti mal-mexxejja lokali u reġjonali żgħażagħ; u x’jistgħu jagħmlu r-reġjuni, il-bliet, il-parlamenti u l-partiti politiċi biex jinvolvu ruħhom aktar fil-politika Ewropea.

Regolamentazzjoni aħjar tal-UE: It-tnedija tan-Netwerk ta’ Ċentri Reġjonali

Peress li l-bliet u r-reġjuni huma responsabbli għat-twettiq ta’ żewġ terzi tal-leġislazzjoni tal-UE, il-Kumitat qiegħed jistabbilixxi Netwerk ta’ “Ċentri Reġjonali” (#RegHub) biex dawn ikunu jistgħu jikkontribwixxu aktar għall-monitoraġġ, għall-valutazzjoni u għat-titjib tal-liġijiet tal-UE . L-avveniment se jinvolvi t-tnedija uffiċjali tal-inizjattiva mal-20 reġjun li qed jieħdu sehem fil-fażi pilota (2019–2020).

Lejn Sibiu: Id-dikjarazzjoni tas-Summit se tistabbilixxi l-perspettiva tar-reġjuni u l-bliet dwar il-futur tal-Ewropa

Is-Summit se jikkonkludi bl-adozzjoni ta’ Dikjarazzjoni mill-mexxejja lokali u reġjonali dwar Nibnu l-UE mill-qiegħ mar-reġjuni u l-bliet tagħna . Id-dikjarazzjoni se tingħadda formalment lill-President tar-Rumanija, Klaus Iohannis . L-appell se jservi bħala l-pożizzjoni tar-reġjuni u l-bliet lill-mexxejja tal-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern li se jiltaqgħu f’Sibiu, ir-Rumanija, fid-9 ta’ Mejju biex jiddiskutu l-futur tal-UE .

Informazzjoni lill-istampa u l-materjal tal-midja:

Il-programm tal-midja, il-kuntatti għall-istampa u l-materjal tal-midja rilevanti kollu huma disponibbli fuq is- sit web tas-Summit

Is-sessjonijiet ewlenin tas-Summit se jixxandru wkoll direttament fuq l-internet fuq il- paġna ewlenija tas-Summit

Segwi # EUlocal biex tinteraġġixxi ma’ oħrajn permezz tal-midja soċjali.

L-Istat tal-Unjoni Ewropea 2018: il-perspettiva tar-Reġjuni u l-Bliet tagħha ” - fuljett tal-KtR

Informazzjoni ta' sfond:

Is-Summit Ewropew tal-Bliet u r-Reġjuni inħoloq bil-għan li jiżgura li l-gvernijiet lokali u reġjonali jikkontribwixxu bis-sħiħ għall-aktar dibattiti importanti fl-Unjoni Ewropea. Inħoloq mill-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni biex jissupplimenta l-ħidma tiegħu ta’ kuljum bħala korp konsultattiv għall-istituzzjonijiet tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE. Is-Summit isir kull sentejn. Is-Summits normalment isiru fl-Istat Membru li jkollu l-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Is-Summits reċenti saru fi Bratislava (2016), Ateni (2014), Copenhagen (2012), Praga (2009) u Ruma (2007). Din it-tradizzjoni qed tinżamm din is-sena.

Ikkondividi :