Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
Il-protezzjoni tal-bijodiversità trid tkun prinċipju ewlieni tal-Pjan ta’ Rkupru tal-UE  

F’din l-intervista, Roby Biwer (LU/PSE) , Membru tal-Kunsill Muniċipali ta’ Bettembourg, iwieġeb ħames mistoqsijiet dwar l-importanza tal-bijodiversità għall-prevenzjoni ta’ tifqigħa pandemika ġdida, l-indirizzar tat-tibdil fil-klima u l-kisba ta’ sostenibbiltà akbar permezz tal-Pjan ta’ Rkupru tal-UE. Roby Biwer huwa r-relatur tal-Opinjoni dwar Bliet u reġjuni bijodiversi lil hinn mill-2020 , li għandha tiġi adottata fis-sessjoni plenarja li jmiss f’Ottubru. L-Opinjoni tressaq il-kontribut tal-awtoritajiet lokali u reġjonali għall- Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030 ippreżentata mill-Kummissjoni Ewropea fl-20 ta’ Mejju 2020 . Barra minn hekk, il-KtR se jiddefendi r-rwol ewlieni li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jaqdu fil-protezzjoni tal-bijodiversità fil-15-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Diversità Bijoloġika ( COP15 tal-KDB tan-NU ), li se ssir mis-17 sat-30 ta’ Mejju 2021 f’Kunming, iċ-Ċina.

Il-pandemija tal-COVID-19 sawret mill-ġdid l-aġenda politika madwar id-dinja kollha. It-tifqigħa kif affettwatlek ħidmietek bħala relatur tal-Opinjoni dwar il-bijodiversità lil hinn mill-2020?

Il-COVID-19 affettwat tassew l-Opinjoni dwar il-bijodiversità. Il-pandemija qajmet kuxjenza dwar is-suġġett mhux biss fost l-esperti iżda wkoll fost iċ-ċittadini. Dawn issa qed jifhmu li diżastri bħal dawn ħafna drabi joriġinaw minn użu inadegwat u pervers tal-bijodiversità bħala riżorsa għax-xewqat egoistiċi tal-bniedem. Barra minn hekk, in-nies irrikonoxxew li ekosistemi b’saħħithom b’bijodiversità mhux mittiefsa huma garanzija għas-saħħa u d-destin tagħna stess. L-oriġini ta’ madwar 80 % tal-mard jinsab fl-ispeċi selvaġġi u t-trażmissjoni mill-annimali eżotiċi għall-bnedmin qed tkun dejjem aktar probabbli. Għalhekk, huwa kruċjali li nippreservaw in-natura u l-bijodiversità għall-benefiċċju tagħna stess. Saħħitna stess tiddependi minn dan il-bilanċ.

Hemm xi rwol għall-bijodiversità fil-kriżi ta’ wara l-COVID-19 u l-Pjan ta’ Rkupru tal-UE?

Tabilħaqq li iva. Ir-riżorsi umani u l-investimenti pubbliċi jridu jkunu predominanti fil-perjodu ta’ wara l-COVID-19. Dawn il-politiki se jiġġeneraw ħafna impjiegi ekoloġiċi u se jtejbu b’mod konsiderevoli l-ambjent naturali u r-reżiljenza tal-ekosistemi. Il-bijodiversità taqdi rwol kruċjali fil-benesseri tal-bniedem u f’ħafna oqsma oħrajn. It-taffija tar-rata tat-telfien tal-bijodiversità teħtieġ li ssir prinċipju ewlieni fid-distribuzzjoni tar-riżorsi permezz tal-pjani finanzjarji ewlenin kollha bħall-Pjan ta’ Rkupru tal-UE. Ma nistgħux nittolleraw aktar jew saħansitra nissussidjaw attivitajiet li jimminaw saħħitna, il-provvista tal-ikel u l-għajxien tagħna billi jiddegradaw jew jeqirdu l-ekosistemi prezzjużi u l-funzjonijiet tagħhom. Dan ifisser li nimmobilizzaw biżżejjed riżorsi biex, direttament jew indirettament, jistimulaw azzjonijiet ta’ bijodiversità fil-livelli kollha ta’ gvern, nissemplifikaw il-proċeduri biex il-finanzjament isir aktar aċċessibbli, u l-bijodiversità nqisuha bħala valur mhux negozjabbli fl-attivitajiet ta’ politika u ekonomiċi fis-setturi kollha. Jidher li s-sensibilizzazzjoni dwar il-preservazzjoni u r-restawr tal-ekosistemi żdiedet b’mod konsiderevoli u l-investimenti fil-bijodiversità qed ikunu dejjem aktar mistennija miċ-ċittadini tagħna. L-awtoritajiet lokali u reġjonali jinsabu fl-aħjar pożizzjoni biex jimplimentaw dawn il-politiki u jimmobilizzaw liċ-ċittadini.

Kif se tiddeskrivi fil-qosor l-elementi ewlenin tal-Opinjoni tal-KtR li qed taħdem fuqha lill-Kummissarju Ewropew għall-Ambjent, Virginijus Sinkevičius, meta mqabbla mal-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030?

Nemmen li l-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030 ippubblikata mill-Kummissjoni Ewropea hija ambizzjuża. Madankollu, hemm il-ħtieġa għal aktar azzjoni u għal azzjoni aktar mgħaġġla biex tiġi indirizzata din il-kriżi globali tal-bijodiversità u neħtieġu għodod xierqa u biżżejjed riżorsi biex nirrestawraw l-ekosistemi tagħna. Il-bijodiversità ma għandha bl-ebda mod tkun vittma ta’ kunsiderazzjonijiet ekonomiċi “antikwati” u għandha tkun l-ixprun tal-Pjan ta’ Rkupru tal-UE. Il-Kummissjoni għandha tuża l-potenzjal sħiħ u l-pożizzjoni unika tal-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jgħinu fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija l-ġdida dwar il-Bijodiversità għall-2030.

Fit-30 ta’ Settembru s-Summit tan-NU dwar il-Bijodiversità se jsir fi New York. Dan se jkun avveniment globali ewlieni biex tintwera l-ambizzjoni bil-ħsieb li fil-COP15 tal-KDB tan-NU jiġi adottat qafas effettiv tal-bijodiversità globali għal wara l-2020. Liema huma l-messaġġi ewlenin li tixtieq li l-Partijiet tan-NU jieħdu lura magħhom?

Minkejja r-rikonoxximent dejjem jikber tar-rwol ewlieni tal-gvernijiet sottonazzjonali biex itaffu r-rata tat-telfien tal-bijodiversità, għad hemm nuqqas ta’ rikonoxximent formali u ta’ kollaborazzjoni vertikali fi ħdan l-oqfsa tal-governanza globali. Barra minn hekk jeħtieġ li l-gvernijiet lokali u sottonazzjonali jiġu involuti f’kull pass u f’kull livell tal-proċess ta’ governanza tal-bijodiversità, kemm fuq skala globali kif ukoll fuq dik nazzjonali. Dan ikun jinvolvi:

1) li kull pjan nazzjonali li jiddelinja, kull meta jkun possibbli, pjan sottonazzjonali għall-gvernijiet taħt il-livell nazzjonali;

2) l-iżgurar tal-mobilizzazzjoni ta’ riżorsi suffiċjenti li tinkludi lill-gvernijiet sottonazzjonali fil-ġbir u t-tqassim tar-riżorsi;

3) l-inklużjoni tal-gvernijiet sottonazzjonali fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ mekkaniżmi ta’ monitoraġġ, ta’ evalwazzjoni u ta’ feedback;

4) l-iżgurar ta’ approċċ fit-tul għall-integrazzjoni tal-bijodiversità, li jkun ibbażat fuq il-kollaborazzjoni vertikali u orizzontali;

5) l-għoti ta’ rwol ċar lill-gvernijiet sottonazzjonali fil-konverġenza tal-bijodiversità ma’ aġendi oħrajn (eż. il-klima, l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli);

6) it-tisħiħ tal-alleanzi u n-networks li jappoġġjaw lill-gvernijiet sottonazzjonali.

Immaġina li wara l-votazzjoni dwar l-Opinjoni tiegħek f’Ottubru, tmur lura pajjiżek u trid tispjega lit-tfal tal-iskola dak li għamilt fi Brussell. X’tista’ tgħidilhom?

Ngħidilhom li kont ta’ għajnuna biex in-nies fil-poter jifhmu l-importanza tal-ambjent u l-ħtieġa li nħarsu l-pjanti u l-annimali tagħna. Dan biex niżguraw li t-tfal u n-neputijiet tagħhom jkunu jistgħu jgawdu s-sbuħija ta’ din il-pjaneta b’mod sostenibbli. Kieku ngħidilhom li għamilt l-almu tiegħi biex il-bijodiversità tkun ippreservata u l-ekosistemi degradati jiġu rrestawrati, u li t-“turbokapitaliżmu” mhux it-triq it-tajba ’l quddiem għaliex ma jipprovdi l-ebda garanzija ta’ natura reali u kwalità tal-ħajja fil-futur.

Sfond

L- Ewrobarometru 481/2019 tas-sena l-oħra juri li ċ-ċittadini tal-UE jinsabu dejjem aktar imħassba dwar il-qagħda tad-dinja naturali. Il-maġġoranza assoluta tal-Ewropej (96 %) qalu li għandna responsabbiltà li nieħdu ħsieb in-natura u li din hija essenzjali biex nindirizzaw it-tibdil fil-klima. Skont valutazzjoni tal-impatt territorjali reċenti, 61 % tar-reġjuni tal-UE se jkunu affettwati ħafna mill-qafas tal-bijodiversità għal wara l-2020.

Il-KtR jaħdem fi sħubija mal- Kumitat Konsultattiv dwar il-Gvernijiet Sottonazzjonali u l-Bijodiversità (AC SNG) għall-KDB tan-NU u ma' organizzazzjonijiet u partijiet interessati ewlenin oħrajn bħal ICLEI u Regions4 biex iwassal leħen il-bliet, ir-reġjuni u l-forom l-oħrajn kollha ta’ gvernijiet sottonazzjonali għall-attenzjoni tal-aġenda globali dwar il-bijodiversità lejn il- COP15 tal-KDB tan-NU fl-2021 .

Kuntatt għall-Istampa:

pressecdr@cor.europa.eu

Ikkondividi :
 
Aħbarijiet relatati

1.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/EU-FISCAL-REFORM-MUST-BOOST-LOCAL-PUBLIC-INVESTMENT.ASPX

2.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/PROTECTING-BIODIVERSITY-MUST-BE-A-KEY-PRINCIPLE-OF-THE-EU-RECOVERY-PLAN.ASPX

EU fiscal reform must boost local public investment
EU fiscal reform must boost local public investment
07.06.2023

1.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/WE-NEED-TO-BUILD-A-RESILIENT-AGRICULTURAL-SYSTEM-EU-REGIONAL-AND-LOCAL-LEADERS-URGE.ASPX

2.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/PROTECTING-BIODIVERSITY-MUST-BE-A-KEY-PRINCIPLE-OF-THE-EU-RECOVERY-PLAN.ASPX

We need to build a resilient agricultural system, EU regional and local leaders urge
We need to build a resilient agricultural system, EU regional and local leaders urge
02.06.2023

1.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/GREEN-DEAL-GOING-LOCAL-WORKING-GROUP-ON-MULTIGOVERNANCE.ASPX

2.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/PROTECTING-BIODIVERSITY-MUST-BE-A-KEY-PRINCIPLE-OF-THE-EU-RECOVERY-PLAN.ASPX

Multilevel governance is key to EU's climate ambitions
Multilevel governance is key to EU's climate ambitions
31.05.2023

1.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/FUNDING-ZERO-UNEMPLOYMENT-PROJECTS.ASPX

2.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/PROTECTING-BIODIVERSITY-MUST-BE-A-KEY-PRINCIPLE-OF-THE-EU-RECOVERY-PLAN.ASPX

Investing more on local projects is key to tackle long-term unemployment
Investing more on local projects is key to tackle long-term unemployment
25.05.2023

1.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/EU-POLICIES-FOR-SUSTAINABLE-FOOD-SYSTEMS.ASPX

2.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/PROTECTING-BIODIVERSITY-MUST-BE-A-KEY-PRINCIPLE-OF-THE-EU-RECOVERY-PLAN.ASPX

Local and regional leaders want a stronger role and more coherence in EU policies for sustainable food systems
Local and regional leaders want a stronger role and more coherence in EU policies for sustainable food systems
25.05.2023