Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
Id-dikjarazzjoni tal-President Lambertz dwar L-istat tal-Unjoni Ewropea fl-2017 tal-Kummissjoni Ewropea  

L-għan li tinbena “Unjoni Aktar Maqgħuda, Aktar b’Saħħitha, u Aktar Demokratika”, li għandha tinkiseb fi sħubija mar-reġjuni tal-Ewropa, jistabbilixxi t-triq it-tajba. Huwa ċar li l-Unjoni Ewropea u l-istituzzjonijiet tagħha ser jirrealizzaw dan biss billi jaħdmu flimkien, ma’ kull livell ta’ gvern, inklużi l-awtoritajiet lokali u reġjonali, u li dan ma jistax jiġi “ddettata minn fuq”. Il-proċess Nirriflettu dwar l-Ewropa mniedi mill-Kumitat tagħna jikkomplementa l-isforzi tal-Kummissjoni Ewropea u tal-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE biex jisimgħu u jaħdmu maċ-ċittadini fid-deċiżjoni dwar il-ġejjieni tal-Ewropa.

Il-President Juncker iddikjara wkoll b’mod korrett li s-sussidjarjetà u l-proporzjonalità għandhom imexxu l-ġejjieni tal-Unjoni Ewropea tagħna. Biex tipprogressa b’suċċess, l-UE trid taħdem mill-qrib mar-reġjuni u l-bliet fl-oqsma tagħhom ta’ kompetenza, partikolarment jekk tispera li twassal politika ambjentali li tmexxina lejn ekonomija sostenibbli b’impatt baxx tal-karbonju, li ttejjeb it-trasport f’kull komunità, li tintegra r-refuġjati fil-komunitajiet tagħna, li toħloq impjiegi deċenti, li tikkontribwixxi għal aktar ġustizzja soċjali u li tippromovi fundamentalment il-koeżjoni soċjali u territorjali filwaqt li jiġu appoġġjati l-ekonomiji lokali tagħna. Għaldaqstant nitolbu li l-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni jkun rappreżentat fit-Task Force dwar is-Sussidjarjetà u l-Proporzjonalità.

L-objettivi stabbiliti mill-President Juncker ma jistgħux jinkisbu mingħajr ir-riżorsi adattati. Għaldaqstant, neħtieġu baġit tal-UE aktar b’saħħtu li jaqbel mal-ambizzjonijiet Ewropej. Filwaqt li japprezza l-ħtieġa li jissaħħaħ il- Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, aħna nisħqu li l-istrumenti finanzjarji għandhom jikkomplementaw u mhux jieħdu post politika ta’ koeżjoni għar-reġjuni kollha, li tmur id f’id ma’ aktar flessibbiltà fl-implimentazzjoni tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Il-politika ta’ koeżjoni hija l-aħħar espressjoni tas-solidarjetà Ewropea – xi ħaġa li 80 % taċ-ċittadini jħossu li hemm nieqsa fl-Ewropa.

Għalhekk aħna nistiednu lil kull min jinsab konvint fil-valur miżjud tal-politika ta’ koeżjoni biex jingħaqad mal-#CohesionAlliance li ser titnieda fid-9 ta’ Ottubru fi Brussell.

L-Unjoni Ewropea ma tistax tibqa’ kompjaċenti. Irridu nuru li l-UE hija lesta li tkun aktar effettiva u aktar effiċjenti. Li hija soċjalment progressiva u ttejjeb il-ħajja ta’ kull ċittadin. Il-gvernijiet lokali u reġjonali huma fuq quddiem nett tal-Ewropa, jifhmu l-isfidi u x’jeħtieġ li jsir biex dawn jingħelbu, u huma “Ir-riħ fil-qlugħ tal-Ewropa”. “Ewropa unita” teħtieġ li tisma’, taħdem u tinvesti lokalment.

Vuċi lokali aktar b’saħħitha teħtieġ li tinstema’ fi Brussell. Għal din ir-raġuni ser nippreżenta l-ewwel diskors annwali dwar “L-istat tal-Unjoni Ewropea: il-perspettiva tar-reġjuni u l-bliet” fl-10 ta’ Ottubru fi Brussell. Id-diskors u d-dibattitu ta’ wara mal-mexxejja lokali tal-UE ser jixxandru live fuq EbS kif ukoll fuq il-websajt tal-KtR: www.cor.europa.eu

Aktar informazzjoni:

• Segwina: #SOTREG #EULocal #CohesionAlliance

L-istat tal-Unjoni: il-perspettiva tar-reġjuni u l-bliet

Id-diskors tal-President Juncker dwar L-istat tal-Unjoni fl-2017

Kuntatt:
Nathalie Vandelle

Tel. +32 (0)2 282 24 99

nathalie.vandelle@cor.europa.eu

Ikkondividi :