Illum, il-Kummissjoni ħabbret it-63 reġjun, is-seba' bliet u l-erba' Stati Membri magħżulin fil-proġett pilota għas-Sħubijiet għall-Innovazzjoni Reġjonali, inizjattiva żviluppata flimkien mal-Kumitat tar-Reġjuni. Il-parteċipanti fl-azzjoni pilota lesti jikkondividu prattiki tajbin kif ukoll jiżviluppaw għodod b'mod konġunt u jittestjawhom, bit-tir li jimmobilizzaw diversi sorsi ta' finanzjament u ta' politiki, u jgħaqqdu l-programmi reġjonali u nazzjonali mal-inizjattivi tal-UE għat-trasformazzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Dawn is-sħubijiet se jikkontribwixxi għall-Aġenda l-ġdida ta' Innovazzjoni għall-Ewropa, fejn l-innovazzjoni tixpruna t-trasformazzjoni għas-sostenibbiltà, u b'hekk tgħaqqad l-istrateġiji lokali mal-inizjattivi fil-livell tal-UE.
Is-sejħa attirat rappreżentanza wiesgħa tal-ekosistema tal-innovazzjoni tal-UE, li tvarja minn Stati Membri, bħas-Slovakkja, li qed tipparteċipa fil-livell nazzjonali, u varjetà kbira ta' reġjuni tal-UE, bħal Andalusija, Azores, Hauts-de-France, Ostrobothnia, Podkarpackie, l-Eġew tat-Tramuntana, Emilia Romagna u ħafna oħrajn. Is-sejħa skattat ukoll il-proċess ta' kollaborazzjoni u networking minn isfel għal fuq, li diġà laqqa' flimkien ħafna parteċipanti bħala parti min-networks multireġjonali. Dan jinkludi, pereżempju, ir-reġjun tal-Baħar Baltiku, il-faċilità tal-Bijoreġjuni u Konsorzju Cities 4.0 estiż (Leuven, Bologna, Turku) li jinvolvi wkoll lil Eindhoven (NL), Espoo (FI) u Cluj-Napoca (RO).
Fi kliem il-Kummissarju għall-Innovazzjoni, ir-Riċerka, il-Kultura, l-Edukazzjoni u ż-Żgħażagħ, Mariya Gabriel: “Ekonomiji aktar b'saħħithom u aktar nodfa, u soċjetajiet aktar ġusti jistgħu jissejsu biss jekk l-innovazzjoni tkun fil-qalba tal-aġenda politika tal-UE. Jekk irridu nirnexxu fit-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, neħtieġu innovazzjoni f'kull reġjun u f'kull pajjiż, u li jkun hemm konnessjoni bejn kull wieħed minnhom. Dawn is-Sħubijiet jippermettulna nibnu pontijiet biex niffaċilitaw is-sinerġiji tal-investiment u tas-soluzzjonijiet innovattivi. Ħerqana biex nara l-ideat u l-approċċi innovattivi li dawn se jfasslu flimkien."
Fi kliem il-Kummissarju għall-Koeżjoni u r-Riformi, Elisa Ferreira: “Il-kooperazzjoni u l-innovazzjoni huma ingredjenti essenzjali għall-iżvilupp sostenibbli u reżiljenti tar-reġjuni tal-UE. It-territorji kollha għandhom potenzjal innovattiv li jrid jiġi sfruttat, għalhekk ħadt gost nara interess daqshekk kbir għas-sejħa. Nistenna bil-ħerqa r-riżultati tal-proġett pilota, bit-tama li dan jikkontribwixxi biex jitnaqqas id-distakk persistenti fl-innovazzjoni bejn ir-reġjuni li jillimita l-prestazzjoni ġenerali tal-UE."
Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, Apostolos Tzitzikostas, qal: “Meta nrawmu l-innovazzjoni, insaħħu r-reżiljenza lokali u ntejbu l-kapaċità tal-komunitajiet lokali tagħna biex jiffaċċjaw l-emerġenzi, jipproteġu liċ-ċittadini u jappoġġaw l-ekonomiji lokali. F'dan il-kuntest, noqogħdu fuq il-Kummissarji Ferreira u Gabriel biex jaħdmu flimkien fil-qafas tas-Sħubijiet għall-Innovazzjoni Reġjonali bħala waħda mill-għodod ewlenin biex jiġu kkoordinati l-fondi disponibbli kollha għat-tixrid tal-innovazzjoni fil-prattika, b'enfasi fuq ir-reġjuni, il-bliet u l-irħula tagħna ħalli jsiru aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija u sostenibbli."
Sħubijiet għall-Playbook tal-Innovazzjoni Reġjonali
Il-parteċipanti tal-proġett pilota se jesploraw is-Sħubijiet il-ġodda għall-Innovazzjoni Reġjonali msejsa fuq is-“Sħubijiet għall-Playbook tal-Innovazzjoni Reġjonali", dokument ta' gwida inizjali li ġie ppubblikat illum miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka. Il-Playbook jipproponi firxa wiesgħa ta' għodod u mekkaniżmi ta' governanza biex tissaħħaħ il-koordinazzjoni tal-politiki ta' innovazzjoni reġjonali, nazzjonali u tal-UE biex jiġu implimentati t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali tal-Ewropa kif ukoll biex jiġi indirizzat id-distakk fl-innovazzjoni fl-UE. L-introduzzjoni ta' missjonijiet lokali hija element ewlieni tal-approċċ propost biex jiġu kkoordinati azzjonijiet skont il-loġika direzzjonali koerenti, li tippermetti li jiġu esplorati taħlit ta' politiki b'firxa wiesgħa għall-innovazzjoni fil-livell tas-sistema.
Matul l-Azzjoni Pilota, il-parteċipanti se jittestjaw dawn l-għodod ta' politika filwaqt li joħolqu gwida operazzjonali b'mod konġunt. Il-Playbook u l-Azzjoni Pilota se jippromwovu wkoll prattiki tajbin, se jiffaċilitaw it-tagħlim permezz tal-esperimentazzjoni u se jappoġġaw l-amministrazzjonijiet pubbliċi kif ukoll l-ekosistema usa'. L-azzjoni pilota mhux se jkollha impatt fuq il-proċess ta' programmar attwali tal-fondi tal-2021-2027.
Sfond
Is-Sħubijiet għandhom l-għeruq tagħhom fl-Aġenda ta' Innovazzjoni għall-Ewropa l-ġdida li jmiss biex jgħinu fl-integrazzjoni tal-inizjattivi u tal-investiment fil-livell tal-UE u fil-livell nazzjonali. Huwa sforz immirat direttament biex jittejbu l-ekosistemi tal-Innovazzjoni bħala qasam essenzjali wieħed biex tingħata spinta lill-prestazzjoni tal-innovazzjoni tal-Ewropa. L-objettiv ewlieni huwa li tissaħħaħ l-interkonnessjoni tal-ekosistemi tal-innovazzjoni reġjonali u lokali kif ukoll li jiġu rinforzati l-ktajjen tal-valur sostenibbli Ewropej u s-setturi deep-tech.
Is-Sħubijiet huma approċċ komplementari, li jibni fuq l-esperjenza pożittiva bl-istrateġiji ta' Speċjalizzazzjoni Intelliġenti. L-Ispeċjalizzazzjoni Intelliġenti hija approċċ ibbażat fuq il-post li jirriżulta mill-politika ta' koeżjoni tal-UE, bl-għan li jidentifika oqsma strateġiċi għal intervent ibbażat kemm fuq l-analiżi tal-punti b'saħħithom kif ukoll fuq il-potenzjal tal-ekonomija u fuq Proċess ta' Skoperta Intraprenditorjali (Entrepreneurial Discovery Process, EDP) bl-involviment wiesa' tal-partijiet ikkonċernati. L-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti hija ffukata fuq l-innovazzjoni u għandha rwol ewlieni fl-appoġġ għar-riċerka u l-innovazzjoni biex jiġi żgurat żvilupp sostenibbli u reżiljenti tar-reġjuni kollha fl-Ewropa.
It-territorji magħżulin se jipparteċipaw jew fuq bażi individwali jew bħala parti minn sitt networks differenti ta' reġjuni u bliet tal-UE. B'kollox, fost il-parteċipanti fl-azzjoni pilota hemm rappreżentat 23 Stat Membru. Is-sejħa għal espressjoni ta' interess kienet miftuħa bejn Marzu u April 2022.
Għal aktar informazzjoni
Sħubijiet għall-Innovazzjoni Reġjonali – Pjattaforma ta' Speċjalizzazzjoni Intelliġenti
Is-sit web SEDEC tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni
Sħubijiet għall-Playbook tal-Innovazzjoni Reġjonali
Mapep tal-parteċipanti fis-sejħa