Ir-riċerka tissuġġerixxi li l-ekonomija tar-Renju Unit hija kważi ħames darbiet aktar esposta għall-perikli ta’ Brexit mingħajr ftehim minn reġjuni fl-UE27. Il-mexxejja lokali u reġjonali llum esprimew it-tħassib tagħhom dwar il-prospettiva tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea mingħajr ftehim u l-impatt sussegwenti li dan se jkollu fuq il-komunitajiet tagħhom. B’referenza għas-sejbiet ippreżentati fi Brussell illum minn konsorzju tar-riċerka mmexxi mill- Università ta’ Birmingham , il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR) – l-assemblea tal-UE tal-mexxejja lokali u reġjonali – wissa dwar il-konsegwenzi ekonomiċi u politiċi koroh għall-ekonomiji lokali jekk mhux se jkun hemm ftehim dwar il-Brexit.
Karl-Heinz Lambertz , il-President tal-KtR, wissa dwar l-impatt ekonomiku tal-Brexit, "Hemm evidenza dejjem tikber li jekk ma jkun hemm l-ebda ftehim dan se jikkawża dannu kolossali lill-ekonomiji lokali kemm fl-UE kif ukoll fir-Renju Unit, u se jkunu ċ-ċittadini li jħallsu l-kont. Il-fondi tal-UE se jintużaw biex jipproteġu l-iktar reġjuni affettwati tagħha, iżda t-twissija hija ċara: l-ekonomija tar-Renju Unit hija kważi ħames darbiet iktar esposta għal Brexit mill-bqija tal-Unjoni Ewropea. Kollha kemm aħna rridu ftehim u l-ftehim fuq il-mejda huwa ferm aħjar minn l-ebda ftehim, li se jkun diżastruż.”
François Decoster (ALDE/FR), il-President tal-Grupp Interreġjonali dwar il-Brexit tal-KtR li għandu 22 membru minn Stati Membri differenti, reċentement talab għal finanzjament ġdid tal-UE fi ħdan il-fondi reġjonali tal-UE – il-politika ta’ koeżjoni – għal dawk ir-reġjuni milquta direttament jekk ikun hemm bidla fl-istatus minn fruntiera interna għal dik esterna, idea li ġiet maqbula reċentement mill-UE.
Is-Sur Decoster, li huwa Viċi President tar-reġjun ta’ Hauts-de-France, qal: "Bħala r-rappreżentant ta' reġjun ħdejn iċ-Channel u fejn jinsab wieħed mill-ikbar portijiet tal-Ewropa, Calais, jiena kont naf mill-ewwel ġurnata li kwalunkwe forma ta’ Brexit se tkun aħbar ħażina għall-ekonomija tagħna. Iżda r-reġjuni fil-Majjistral tal-Ewropa mhumiex l-uniċi partijiet tal-UE li għandhom ikunu kkonċernati. Jidher probabbli li l-Brexit se jżid id-differenzi reġjonali f’ħafna pajjiżi Ewropej, kif ukoll fl-Irlanda u r-Renju Unit. Il-politika ta’ koeżjoni tal-UE se jkollha tirrifletti dan.”
Filwaqt li qajjem tħassib dwar il-prospett ta’ nuqqas ta’ ftehim fil-gżira tal-Irlanda, il- President Lambertz (BE/PSE), żied jgħid:“Wasal iż-żmien li jintemm il-logħob tal-poter politiku u li nibdew inpoġġu liċ-ċittadini l-ewwel u qabel kollox minflok. Dan ifisser b’mod urġenti li jiġu garantiti d-drittijiet taċ-ċittadini kollha, u li jiġu evitati l-konsegwenzi perikolużi ta’ nuqqas ta’ ftehim li se joħloq fruntiera fiżika fuq il-gżira tal-Irlanda. L-abbozz ta’ rtirar miftiehem f’Novembru 2018 jibqa’ l-aħjar u l-unika għażla disponibbli fuq il-mejda”.
Michael Murphy (IE/PPE), kunsillier minn Tipperary, il-mexxej tad-delegazzjoni Irlandiża fil-KtR u l-Viċi President tal-Grupp Interreġjonali, tenna dan il-messaġġ u qal, "Brexit huwa telf biss għal dawk kollha involuti u r-riċerka ppreżentata llum issaħħaħ dan. Nistgħu ngħidu b’ċertezza li l-impatt tal-Brexit se jinħass l-ewwel fil-livell lokali u reġjonali. Fil-fatt, il-Brexit diġà qed ikollu impatt fuq ir-reġjun tiegħi stess, b’għadd ta’ kumpaniji li joperaw fis-settur agroalimentari li diġà qed jagħlqu minħabba l-volatilità tal-isterlina. Ir-reġjuni li jinnegozjaw b’mod l-aktar intensiv mar-Renju Unit se jintlaqtu l-agħar – u, hekk kif turi r-riċerka, l-ekonomiji ta’ ħafna minn dawn ir-reġjuni diġà huma relattivament dgħajfa.”
Il-Kumitat organizza sensiela ta’ dibattiti dwar il-Brexit matul dawn l-aħħar 22 xahar – inklużi darbtejn ma’ Michel Barnier , in-Negozjatur Ewlieni tal-UE f’taħditiet dwar it-tluq tar-Renju Unit mill-UE. Fid-dibattiti, li ffukaw fuq kwistjonijiet li jinkludu ċ-ċittadini, il-kummerċ, u r-reġjuni tal-fruntiera, urew l-inċertezza li jħabbtu wiċċhom magħha ċ-ċittadini tal-UE u tar-Renju Unit u l-ispejjeż potenzjali tal-Brexit fuq il-portijiet, l-industrija tas-sajd, it-turiżmu, l-agrikoltura, u r-riċerka u l-edukazzjoni. Barnier huwa mistenni wkoll li jipparteċipa fis- Summit tar-Reġjuni u l-Bliet tal-Kumitat f’Bukarest fil-14 ta’ Marzu, ġimagħtejn qabel ma r-Renju Unit joħroġ mill-UE.
Flimkien ma’ Eurochambres, il-KtR wettaq ukoll stħarriġ tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u tal-kmamar lokali tal-kummerċ, u kkummissjona studju indipendenti li juri konsegwenzi ekonomiċi asimmetriċi madwar l-Ewropa, bl-agħar konsegwenzi fir-Renju Unit u l-Irlanda, fejn il-Belġju, Franza, il-Ġermanja u n-Netherlands huma fost dawk l-aktar affettwati.
F’żewġ riżoluzzjonijiet politiċi, f’ Marzu 2017 u Mejju 2018 , il-KtR poġġa l-enfasi fuq l-iżgurar tal-paċi u l-iżgurar li ma tinħoloq l-ebda fruntiera fil-fruntiera Irlandiża, filwaqt li jappella wkoll lill-UE biex tiżgura li l-gvernijiet lokali u reġjonali ma jitħallewx jittrattaw l-effetti tal-Brexit waħedhom. Il-KtR jappoġġja relazzjoni futura mal-UE li tippermetti kooperazzjoni mill-qrib mar-reġjuni, il-bliet, in-negozji u l-universitajiet tal-Ingilterra, l-Iskozja, Wales u l-Irlanda ta’ Fuq.
Kuntatt:
Andrew Gardner
Tel.: +32 473 843 981
andrew.gardner@cor.europa.eu