Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
Il-migrazzjoni fl-Ewropa:L-UE trid tingħaqad u taħdem iktar biex tappoġġja lill-awtoritajiet lokali  

L-Unjoni Ewropea teħtieġ li żżid l-appoġġ għall-bliet u r-reġjuni u l-pajjiżi tal-fruntiera li jinsabu fl-ewwel linja fir-rigward tal-ġestjoni tal-migrazzjoni, il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni qal fit-22 ta’ Marzu. L-assemblea tal-UE għall-politiċi lokali u reġjonali esprimiet tħassib partikolari dwar l-isfidi li jiffaċċjaw il-gżejjer u r-reġjuni kostali fil-Mediterran u appellat għal aktar responsabbiltà Ewropea maqsuma u għal investiment Ewropew.

L-assemblea talbet lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu involuti f’kull stadju tat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politiki Ewropej relatati mal-migrazzjoni, minħabba r-rwol tagħhom li jieħdu ħsieb il-wasliet ġodda u mbagħad l-integrazzjoni tagħhom. Minbarra li qed jitlob għal aktar finanzjament, taħriġ u appoġġ tekniku għall-bliet u r-reġjuni, il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni ssuġġerixxa li l-UE għandha teżamina l-possibbiltà tat-“trasferiment tar-responsabbiltà għall-eżami ta’ applikazzjonijiet għal ażil mil-livell nazzjonali għal dak tal-UE”.

Ir-rakkomandazzjonijiet jinsabu f’opinjoni mfassla minn Dimitrios Kalogeropoulos (EL/PPE), delegat mill-muniċipalità ta’ Palaio Faliro ħdejn Ateni, u ġew adottati ftit wara dibattitu bil-parteċipazzjoni ta’ Dimitris Avramopoulos, il-Kummissarju Ewropew għall-Migrazzjoni, l-Affarijiet Interni u ċ-Ċittadinanza.

Karl-Heinz Lambertz , il-President il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR) qal: “Il-gvernijiet lokali u reġjonali huma fl-ewwel linja, jirċievu u jieħdu ħsieb il-ġestjoni u l-integrazzjoni tal-migranti u r-rifuġjati, u jeħtieġu ħafna iktar appoġġ. Kull Stat Membru tal-UE għandu jerfa’ r-responsabbiltà, biex jiġi evitat li jitħallew biss ftit pajjiżi u komunitajiet biex jaffrontaw is-sitwazzjoni waħedhom. Il-migranti u r-rifuġjati mhumiex statistika; huma persuni li jridu jiġu protetti. Din hija sfida Ewropea li teħtieġ investiment Ewropew, li hija r-raġuni għaliex il-baġit tal-UE li jmiss, wara l-2020, jeħtieġ li jiżdied u għaliex il-fondi reġjonali tal-UE – il-politika ta’ koeżjoni tagħha, li tappoġġja l-inklużjoni soċjali – jeħtieġ li jkomplu jkunu pilastru ewlieni għall-ġejjieni tal-Ewropa.”

Waqt li tkellem matul id-dibattitu tal-plenarja, il- Kummissarju Avramopoulos qal li kien hemm bżonn ta’ " ħsieb radikalment ġdid " dwar l-integrazzjoni tal-migranti fl-Ewropa fl-oqsma kollha ta’ politika, kif ukoll aċċess imtejjeb għal fondi tal-UE għall-bliet u r-reġjuni. “L-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom rwol pożittiv fil-ħolqien ta’ spazji għal skambji bejn il-migranti u s-soċjetajiet, biex tiġi żgurata l-inklużjoni soċjali u l-parteċipazzjoni attiva fis-soċjetà ospitanti. Iżda ma tistgħux u m’għandkomx tagħmlu dan waħedkom.”

Is-Sur Kalogeropoulos qal: “Il-mexxejja lokali u reġjonali ġeneralment jħossu li l-UE mxiet fid-direzzjoni t-tajba matul l-aħħar sentejn, iżda, fil-prattika, għad hemm diffikultajiet għal komunitajiet lokali kif ukoll għal refuġjati u migranti. It-tensjonijiet soċjali huma għoljin, l-awtoritajiet lokali qed ibatu biex ilaħħqu, u l-livell ta’ konsultazzjoni u koordinazzjoni bejn il-livelli ta’ governanza – lokali, nazzjonali u tal-UE – u mal-NGOs għadu baxx wisq. L-għanijiet tal-UE biex tipprovdi kundizzjonijiet raġonevoli għal rifuġjati u migranti biex tipproċessa l-applikazzjonijiet għall-ażil b’mod rapidu mhumiex qed jintlaħqu kompletament, u l-Istati Membri qed jinjoraw ftehimiet biex jiġu rilokati l-applikanti għall-ażil b’mod ekwu madwar l-UE. Neħtieġu b’urġenza impenn fit-tul – mill-gvernijiet nazzjonali u l-UE – biex jiżdied il-finanzjament għall-bliet u r-reġjuni u biex tinkiseb politika komprensiva li tagħmel il-migrazzjoni maniġġabbli.”

Id-dibattitu ffoka wkoll fuq xejriet globali, l-esperjenza tar-rifuġjati, u l-isforzi biex il-wasliet ġodda jiġu integrati fl-Ewropa fis-suq tax-xogħol, b’kontribuzzjonijiet minn: Laura Thompson , il-viċi direttur ġenerali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni; Elisabeth Bartke mill-Assoċjazzjoni ta’ Kmamar tal-Kummerċ u l-Industrija tal-Ġermanja; u Anila Noor , rifuġjata u membru tal-Bord Konsultattiv Ewropew tal-Migranti.

Noti lill-edituri :

L-Opinjoni – intitolata “Implimentazzjoni tal-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni” – tikkunsidra l-progress li sar mill-UE dwar il-prijoritajiet tal-politika tal-migrazzjoni tagħha mill-2015 ’l hawn. Il-KtR jappoġġja ħafna mill-azzjonijiet meħuda mill-UE u jiddeskrivi riforma tas-sistema tal-ażil attwali bħala “essenzjali”. Jiġbed l-attenzjoni, madankollu, għal nuqqasijiet u l-ħtieġa għal azzjoni aktar radikali – b’mod partikolari biex tittaffa l-pressjoni minn fuq il-gżejjer u r-reġjuni l-aktar affettwati, u biex jiġu indirizzati d-diffikultajiet li jiġu valutati l-applikazzjonijiet għall-ażil. Il-possibbiltà ta’ “trasferiment tar-responsabbiltà għall-eżami ta’ applikazzjonijiet għal ażil mil-livell nazzjonali għal dak tal-UE” għandha tiġi kkunsidrata, huwa jsostni. L-Opinjoni tgħid li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jeħtieġu aktar finanzjament u titlob li jkunu involuti f’kull stadju tat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-aġenda tal-migrazzjoni. Huwa jsostni li s-setgħat ta’ aġenzija ġdida tal-UE – l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta – u l-operazzjoni navali tal-UE (Sophia) għandhom jissaħħu, u jenfasizza li hija meħtieġa ħidma sabiex jinħoloq ‘pjan ta’ azzjoni koerenti” li jista’ jwaqqaf il-kuntrabandu u l-kummerċ tal-iskjavi marbut mal-migrazzjoni li żviluppaw fit-Tramuntana tal-Afrika. Huwa jappoġġja l-approċċ ta’ “hotspot” għall-ġestjoni ta’ flussi migratorji straordinarji, li permezz tiegħu l-aġenziji tal-UE jkunu jistgħu jintervjenu malajr biex jgħinu lill-Istati Membri tal-UE fl-ewwel linja fir-rigward tal-migrazzjoni, u jissuġġerixxi li “hotspots” f’pajjiżi li mhumiex fl-UE jistgħu jkunu “importanti” bħala mod kif jinħolqu rotot “sikuri” għall-migrazzjoni. Huwa jinnota, madankollu, li huma meħtieġa linji gwida għal dawk li jieħdu ħsieb il-ġestjoni ta’ dawn il-hotspots, b’kontribuzzjoni mill-awtoritajiet lokali u reġjonali.

Il-KtR adotta Opinjoni dwar l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni fl-2015. Minn dak iż-żmien ‘l hawn adotta rakkomandazzjonijiet għar-riforma tas-sistema Ewropea komuni tal-Ażil, il-migrazzjoni legali, u l-integrazzjoni tal-immigranti. Huwa indirizza tħassib dwar il-perikli ta’ marġinalizzazzjoni, billi adotta rakkomandazzjonijiet dwar il-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni.

Il-President Lambertz kiteb lil Donald Tusk, President tal-Kunsill Ewropew, fil-21 ta’ Frar 2018, fejn appella għal baġit għal wara l-2020 li jkun kapaċi jlaħħaq mal-ambizzjonijiet tal-Ewropa.. Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni qed jitlob li l-baġit li jmiss għandu jkun “jiżdied għal 1,3 % tad-Dħul Nazzjonali Gross tal-UE 27 bħala livell massimu tan-nefqa permezz ta’ kontributi nazzjonali u riżorsi proprji ġodda tal-UE”. Il-President Lambertz iddeskriva l-politika ta’ koeżjoni tal-UE bħala “l-mezz l-aktar effettiv tal-UE biex tindirizza l-isfidi tal-lum: l-azzjoni klimatika, il-migrazzjoni, it-tkabbir sostenibbli, u r-riċerka u l-innovazzjoni”.

Il-pjan ta’ investiment estern tal-UE huwa mfassal biex jagħti spinta lill-investiment fil-viċinat tal-UE u fl-Afrika, b’mod partikolari f’pajjiżi fraġli u affettwati minn kunflitti u vjolenza, li wħud minnhom huma pajjiżi minn fejn ikunu ġejjin il-migranti irregolari. Il-Kummissjoni Ewropea qed tikkontribwixxi EUR 4.1 biljun, bil-għan li jiġi stimulat aktar minn EUR 44 biljun ta’ investimenti sal-2020.

• Studju riċenti tal-migrazzjoni globali mill-Kummissjoni Ewropea sabet li l-popolazzjoni ta’ migranti fid-dinja qed tiżdied b’mod kostanti. Filwaqt li l-għadd ta’ nies imġiegħla jiċċaqalqu minħabba kunflitti jew persekuzzjoni qed jiżdied sew, diżastri ambjentali huma kawża ikbar ta’ spostament. B’mod ġenerali, il-migrazzjoni saret aktar kumplessa, bi żvilupp ekonomiku qed jixpruna l-migrazzjoni fuq medda qasira ta’ żmien. Il-migrazzjoni saret negozju kbir, iffaċilitata permezz tat-teknoloġija diġitali. Globalment, il-migrazzjoni hija primarjament fenomenu urban, b’wieħed minn kull ħames migranti jgħixu fl-akbar 20 belt fid-dinja. Mill-migranti legali li jaslu fl-UE, aktar minn nofshom jiġu biex jingħaqdu mill-ġdid mal-familja tagħhom jew għal raġunijiet umanitarji. Migranti b’ħiliet ta’ livell għoli huma diretti primarjament lejn pajjiżi oħrajn tal-OECD aktar milli lejn l-UE. L-għadd ta’ migranti irregolari li jaslu bil-baħar naqas ħafna (għal 160 000 fl-2017), iżda l-immigrazzjoni tibqa’ t-tieni l-akbar raġuni għal tħassib tal-Ewropej (wara t-terroriżmu). Kien it-tħassib prinċipali tagħhom bejn l-2014 u l-2016.

Kuntatt:

Andrew Gardner

Tel. +32 473 843 981

andrew.gardner@cor.europa.eu

Ikkondividi :