Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
L-appoġġ Ewropew għall-Opinjoni tas-Sur Núñez Feijóo dwar il-futur tas-sajd fl-Ewropa  

L-assemblea tar-rappreżentanti reġjonali u lokali tal-Unjoni Ewropea illum approvat l-Opinjoni tal-President tal-Komunità Awtonoma ta’ Galicia. Alberto Núñez Feijóo jipproponi li jiżdied is-sehem tal-baġit Ewropew għall-politika marittima u tas-sajd wara l-2020 u li jinħoloq strument finanzjarju ġdid għall-komunitajiet kostali żgħar biex jipprovdi kapital ta’ riskju u garanziji bankarji għas-self. Il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS) hu l-istrument finanzjarju ewlieni tal-politika tas-sajd tal-UE u fih EUR 6 396 miljun, madwar 0.58 % tal-baġit tal-UE. B’EUR 1 161 miljun, Spanja kienet l-ikbar pajjiż benefiċjarju tal-FEMS matul il-perjodu attwali tal-baġit 2014-2020 (Parlament Ewropew, Ġunju 2017).

Hekk kif in-negozjati dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss (QFP) għaddejjin ġmielhom u quddiem l-inċertezza kontinwa tal-impatt li ser iħalli l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea, il-bliet u r-reġjuni ddeċiedew li jiddefendu żieda fl-allokazzjonijiet għas-sajd u l-affarijiet marittimi fil-baġit futur tal-Unjoni Ewropea għall-perjodu wara l-2020.

Il-membri tal-KtR jappoġġjaw l-appell tas-Sur Núñez Feijóo biex il-Fond il-ġdid jilħaq livell minimu ta’ 1 % tal-baġit Ewropew għal wara l-2020, hekk kif bħalissa jilħaq biss iż-0.6 %. Skont l-analiżi inizjali, l-allokazzjonijiet għall-FEMS jistgħu jiżdiedu b’6.8 %.

Skont Alberto Núñez Feijóo, il-President ta’ Galicia u r-relatur tal-Opinjoni, “neħtieġu strument finanzjarju ġdid indirizzat lejn il-komunitajiet kostali żgħar ibbażat f’ġestjoni kondiviża u li jappoġġja l-ħolqien ta’ inizjattivi intraprenditorjali ġodda, li jiżguraw li dawn jgħaddu għall-ġenerazzjoni li jmiss u jippermettu d-diversifikazzjoni tal-industrija tas-sajd fl-istess waqt li jżommu l-karattru tradizzjonali tagħhom;

Membru tal-KtR minn mindu sar President tal-Gvern Reġjonali ta’ Galicia f’April 2009, is-Sur Núñez Feijóo jisħaq fuq il-ħtieġa li l-istrument il-ġdid “jikkontribwixxi għat-titjib tas-sostenibbiltà ambjentali tal-attività marittima u tas-sajd, dik marbuta mal-frott tal-baħar, l-akkwakultura u l-katina mill-baħar sal-industrija.”

Il-membri tal-KtR jappoġġjaw lill-President tal-Gvern Reġjonali ta’ Galicia fir-rigward tal-punti ewlenin li ġejjin:

Iż-żamma tal-appoġġ għall-miżuri ta’ kumpens għall-flotta minħabba d-danni soċjoekonomiċi b’riżultat tal-adozzjoni tal-miżuri ambjentali, bħall-istaġuni magħluqin, il-waqfien temporanju u azzjonijiet oħra li jillimitaw l-attività tas-sajd

L-appoġġ pubbliku dirett bħala sussidju huwa l-aħjar għażla għall-intrapriżi tas-sajd.

Iż-żieda, b’mill-inqas 10 %, tal-isforzi ddedikati għar-riċerka applikata u s-sistematizzazzjoni tad-data

L-appoġġ għat-tiġdid tal-flotta tas-sajd billi jittejbu l-kundizzjonijiet ta’ għajxien abbord bil-għan li jiġi evitat it-telf minħabba t-tixjiħ. L-età medja tal-bastimenti tas-sajd tal-UE hija ta’ 22,6 sena.

Il-kisba ta’ tiġdid ġenerazzjonali adegwat permezz ta’ appoġġ baġitarju għat-taħriġ u l-aċċess għas-settur permezz tax-xiri ta’ bastimenti mingħajr ma jiġġeneraw żieda fl-isforz tas-sajd.

Is-semplifikazzjoni tal-proċess ta’ applikazzjoni biex jinkisbu fondi mill-FEMS, b’adattament għall-baċiri u r-reġjuni permezz ta’ applikazzjoni li tista’ tkun ġestita minn entità waħda.

L-impatt soċjoekonomiku tal-attività marittima u tas-sajd f’ħafna reġjuni kostali huwa sinifikanti ħafna. Is-settur juża’ aktar minn 85 000 bastiment, jimpjega aktar minn 340 000 persuna tul il-katina kollha u jipproduċi aktar minn 6 000 000 tunnellata ħut u frott tal-baħar mill-attivitajiet estrattivi u l-kultivazzjoni.

Il-membri tal-KtR jiġbdu l-attenzjoni għaċ-ċifra baxxa ta’ implimentazzjoni ġenerali tal-Fond, li kienet 2.7 % f’Novembru 2017, u għall-problemi li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tal-Politika Komuni tas-Sajd, bħal pereżempju t-tnaqqis tar-rimi jew il-ksib tar-rendiment massimu sostenibbli.

Ir-rappreżentanti lokali u reġjonali jiddispjaċihom bid-dħul fis-seħħ tard tal-Fond u bid-dewmien fid-disponibbiltà tal-fondi u l-ħlas tagħhom u jqis li dan id-dewmien ġej mill-approvazzjoni mdewma tal-Fond, mill-proċess bil-mod biex jiġu vvalidati l-programmi operattivi u mid-definizzjoni konfuża u mhux ċara tal-aspetti li jistgħu jiġu ffinanzjati.

Il-bliet u r-reġjuni Ewropej wkoll iwissu lill-istituzzjonijiet Ewropej li d-deċiżjoni tar-Renju Unit li joħroġ mill-UE m’għandhiex tintuża bħala skuża biex jitnaqqsu l-fondi futuri tal-FEMS.

Informazzjoni supplimentari

Rapport tal-Parlament Ewropew dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS), Ġunju 2017

Kuntatt: David Crous | david.crous@cor.europa.eu | +32 470 88 10 37

Ikkondividi :