Il-President tal-Kunsill Ewropew, Charles Michel, iddiskuta l-ġejjieni tal-Ewropa u l-irkupru ekoloġiku wara l-COVID-19 mal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni |
Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni laqa’ lill-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel fil-#CoRplenary tiegħu tas-17 ta’ Marzu. Charles Michel ippreżenta l-viżjoni tiegħu dwar ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-irkupru u d-demokrazija tal-Ewropa. Huwa kellu wkoll skambju ta’ fehmiet dwar il-ġejjieni tal-Ewropa mal-Membri tal-KtR (ara l-filmat tad-dibattitu hawnhekk ).
Huwa u jippreżenta l-aspettattivi tar-reġjuni u l-bliet lil Charles Michel, il- President tal-KtR Apostolos Tzitzikostas , qal: “ Matul l-aħħar tnax-il xahar, il-pandemija tal-COVID-19 infirxet fl-Ewropa kollha. Iżda f’dawn iż-żminijiet diffiċli ħafna, il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni ħadem bla heda, bħalma għamlu l-Gvernaturi, is-Sindki, u l-Kunsilliera Reġjonali u Lokali, li ta’ kuljum kienu qed jissieltu fuq il-post biex isalvaw il-ħajjiet, l-impjiegi u n-negozji lokali. Il-kriżi tal-COVID-19 ħarġet fid-dieher il-limiti tal-Ewropa bidimensjonali attwali, ibbażata biss fuq l-Istati Membri u Brussell. Il-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa toffri opportunità unika biex insaħħu d-Dar Ewropea tad-Demokrazija komuni tagħna, iżda din mhu se tfisser xejn, u mhu se tbiddel xejn f’ħajjet iċ-ċittadini, jekk se ndawruha f’konkors ta’ sbuħija bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u l-bliet kapitali nazzjonali. Din għandha tkun dwar il-bini ta’ Ewropa aħjar, aktar miftuħa u b’inqas burokrazija, reżiljenti, sostenibbli u aktar effettiva. Irridu nikkontribwixxu flimkien għall-modernizzazzjoni tad-Dar Ewropea tad-Demokrazija, fejn l-UE hija s-saqaf li jħarisna, l-Istati Membri huma l-ħitan b’saħħithom, u r-reġjuni, il-bliet u l-irħula huma l-pedamenti sodi tagħha.”
Il-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel qal: “ Peress li kont involut fl-awtoritajiet lokali ta’ Wallonia, naf kemm huwa importanti r-rwol li l-awtoritajiet reġjonali u lokali qed jaqdu biex jiffaċċjaw il-kriżi li ilha taffettwa l-Ewropa u d-dinja għal sena sħiħa. Dawn urew kemm tassew huma parti mid-demokrazija, għaliex kienu fl-ewwel linja tas-servizzi li jingħataw liċ-ċittadini tagħna. Kienu attivi ħafna, u ħadu azzjoni konkreta. Huma wrew li l-politiċi lokali huma kompletament leġittimi u għandhom rwol x’jaqdu. Fl-isfidi u l-opportunitajiet kollha li qed tiffaċċja l-Unjoni Ewropea, kemm jekk huma l-protezzjoni tal-valuri u d-demokrazija, l-irkupru ekoloġiku ta’ wara l-COVID-19 jew id-diġitalizzazzjoni, inqis lill-mexxejja lokali u reġjonali bħala msieħba siewja li l-gvernijiet iridu jaħdmu aktar mill-qrib magħhom. Dawn huma l-eqreb għan-nies, huma prammatiċi, jinvolvu ruħhom direttament maċ-ċittadini u jafu kif jimmobilizzawhom. Jeħtieġ li jkunu aktar involuti fil-pjani ta’ rkupru, minħabba li jamministraw aktar minn 30% tal-investiment pubbliku u huma kruċjali għas-suċċess. Fil-qafas tal-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa, dawn għandhom il-libertà sħiħa dwar kif jieħdu sehem fid-dibattitu. Nixtieq nislet aktar mill-enerġija li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jużaw fuq il-post u ninkludiha fil-“maġija Ewropea”.
L-ewwel Viċi President tal-KtR Vasco Cordeiro qal: “ Jekk il-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa tipprova tagħmel kollox, tispiċċa billi ma tagħmel xejn affattu. Din għandha tiffoka prinċipalment fuq żewġ oqsma: kif taħdem l-Ewropa u fuq xiex għandha taħdem. F’dawn iż-żewġ każijiet, ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali qed isir dejjem iżjed diffiċli. Dan huwa wkoll minnu għall-irkupru tal-Ewropa. Wasal iż-żmien li nissodisfaw il-Pilastru tad-Drittijiet Soċjali u li niżguraw li l-klawżola liberatorja ġenerali tkompli tapplika s-sena d-dieħla. Din hija r-raġuni għaliex il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni qed jappella għal regola tad-deheb għall-investimenti sostenibbli”.
L-awtoritajiet lokali jaħdmu flimkien mal-Unjoni biex jiddiġitalizzaw iż-żoni rurali, billi jikkollegaw l-iżjed gżejjer u reġjuni muntanjużi mbiegħda, iwasslu lill-SMEs u l-iskejjel lejn il-pass ta’ żvilupp li jmiss, u jagħmlu t-territorji aktar reżiljenti. Ir-reġjuni, il-bliet u l-irħula jagħmlu l-Ewropa aktar ekoloġika billi jimplimentaw 70% tal-leġiżlazzjoni kollha tal-UE u tal-miżuri ta’ mitigazzjoni tal-klima u 90% tal-politiki ta’ adattament għat-tibdil fil-klima. Il-KtR nieda Grupp ta’ Livell Għoli dwar id-Demokrazija Ewropea biex jappoġġja l-ħidma tiegħu fil-qafas tal-Konferenza.
Persuna ta’ kuntatt:
Michele Cercone
Mowbajl: +32 (0)498 982 349
michele.cercone@cor.europa.eu