Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
PETR BLÍŽKOVSKÝ: L-GĦAN TAGĦNA HUWA LI NIŻGURAW LI L-VUĊI TAL-MEMBRI TAGĦNA TINSTEMA’ FI BRUSSELL U LIL HINN  

Petr Blížkovský nħatar Segretarju Ġenerali tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni fis-7 ta’ Ottubru 2019, għal ħames snin. Iltqajna miegħu għal taħdita ta’ malajr dwar l-esperjenza tiegħu u l-viżjoni tiegħu għall-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni. 

Sur Blížkovský​, inti kont membru tal-Kunsill tal-Belt ta' Brno, professur tal-ekonomija, impjegat taċ-ċivil Ċek, u fl-aħħar nett impjegat taċ-ċivil tal-UE. X'għandhom komuni dawn l-esperjenzi?

Qattajt kważi l-karriera kollha tiegħi fi rwoli pubbliċi, inkluż bħala politiku lokali.

Jien bdejt il-ħajja tax-xogħol tiegħi f'mument straordinarju fl-istorja. Il-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant – inkluża r-Repubblika Ċeka, f'dak iż-żmien iċ-Ċekoslovakkja – kienu waslu biex isiru stati ħielsa, demokratiċi u indipendenti.

Wara ftit snin bħala riċerkatur fl-agrikoltura u lekċerer, iddeċidejt li ngħaddi għall-ħajja pubblika u nservi għall-ġid komuni. Ġejt elett kunsillier muniċipali f'Brno, fejn kelli esperjenza diretta ta' xi jfisser li tkun responsabbli għal komunità ta' 400 000 persuna. Kif jingħad, il-politika kollha hija lokali. Il-ħidma fil-kunsill tal-belt kienet esperjenza ewlenija għalija, li matulha tgħallimt l-arti u l-passjoni tal-kompromess u l-kollaborazzjoni.

F'nofs id-disgħinijiet, qbadt karriera bħala impjegat taċ-ċivil. Għenejt biex nittrasformaw lil pajjiżi minn ekonomija ppjanata ċentralment u soċjetà kkontrollata għal pajjiż li sar Stat Membru tal-UE, fi ftit snin.

Jien kont, u għadni nemmen bis-sħiħ llum fil-proġett tal-UE. Din l-aspirazzjoni flimkien mal-isfond edukattiv tiegħi fl-agrikoltura, wasslu għall-interess kbir li kelli fl-adeżjoni Ċeka mal-UE. Kien hawn meta bdejt naħdem dwar il-Politika Agrikola Komuni u kwistjonijiet reġjonali Ewropej oħrajn.

Għalhekk wasalt fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, fejn bqajt għal madwar ħmistax-il sena. X'tgħallimt?

Ladarba aħna ċ-Ċeki ngħaqadna mal-UE, kont naf li ridt inkompli dak li bdejt, jiġifieri, li ngħin biex nibnu Ewropa paċifika, prospera u magħquda għall-futur.

Sa ċertu punt, l-impjieg tiegħi fil-Kunsill jista' jiġi deskritt b'mod faċli: kien li niżguraw li l-Istati Membri jadottaw liġijiet applikabbli madwar l-UE. Naturalment, dan jista' jkun diffiċli ħafna fil-prattika.

Maż-żmien, bdejt inqis lili nnifsi bħala taħlita ta' diplomatiku, medjatur u faċilitatur. Xi drabi t-tim tiegħi kien qed jiżgura li l-proċess tat-tfassil tar-regoli jiġi rrispettat. Drabi oħrajn, ir-rwol tagħna kien li nħarsu t-testi ta' kompromess sabiex jiġu adottati bil-maġġoranza meħtieġa. Spiss, id-deċiżjonijiet li għenejna biex nadottaw kellhom impatt profond fuq iċ-ċittadini Ewropej.

Bħala impjegati tal-istituzzjonijiet tal-UE, m'għandna qatt ninsew kemm dawk li jiġu fi Brussell għat-teħid tad-deċiżjonijiet jiddependu fuq il-parir sod u imparzjali tagħna, u kemm jista' jkun estensiv l-impatt tal-ħidma tagħna.

Kif tara r-rwol tiegħek fil-Kumitat tar-Reġjuni?

Ilkoll għandna għan fundamentali fil-KtR. Jien niddeskrivih bħala dak li nwasslu l-vuċi tal-politiċi reġjonali u lokali fi Brussell u ngħinuhom biex naqdu u ninfurmaw aħjar liċ-ċittadini Ewropej. 

Fil-ħidma tagħna ta' kuljum bħala persunal tal-KtR aħna niżguraw li l-assemblea politika li qed naħdmu għaliha tkun organizzata tajjeb u kapaċi tamplifika l-fehmiet politiċi tal-membri tagħna. Fil-fatt, il-Kumitat tagħna jwassal il-perspettiva lokali u reġjonali fil-qalba tal-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-UE hawnhekk fi Brussell. 

Permezz tal-opinjonijiet tagħhom u d-diskussjonijiet dwarhom mar-rappreżentanti tal-Kummissjoni Ewropea, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, il-membri tagħna jikkontribwixxu fit-tfassil tad-deċiżjonijiet tal-Unjoni. Fl-istess ħin jiġu infurmati dwar il-kwistjonijiet ta' politika l-aktar urġenti li jkunu involuti.

Fir-rwol tiegħi bħala segretarju ġenerali, għandi xi prijoritajiet ċari.

L-ewwel nett, irrid li niffokaw biex ikollna messaġġ aktar speċifiku u biex insaħħu l-impatt politiku tal-ħidma tal-membri tagħna fuq il-proċess leġislattiv tal-UE. Flimkien, għandna bżonn nużaw l-għarfien espert tagħna u l-għodod u l-istrumenti kollha li toffri l-istituzzjoni tagħna f'dan ir-rigward. Kull wieħed u waħda minna jista' jżid l-impatt tal-KtR fil-qasam tiegħu jew tagħha. Kulħadd huwa importanti u l-ħidma f'tim fi ħdan is-servizzi kollha hija kruċjali!

It-tieni, jeħtieġ li nsaħħu l-isforzi tagħna biex inkunu f'kuntatt mal-imsieħba tagħna fi Brussell u, aktar importanti, mal-awtoritajiet reġjonali u lokali madwar l-Ewropa kollha. Irridu ninvestu l-ħin, ir-riżorsi u l-enerġija biex inxerrdu l-messaġġ tagħna! Dan mhux biss huwa kruċjali għall-persuni li jaħdmu fil-komunikazzjoni; hija prijorità għalina lkoll.

Fl-aħħar nett, ninsab impenjat li niżgura amministrazzjoni pubblika effiċjenti, trasparenti, moderna u affidabbli. Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni għandu jkun post fejn il-persuni jaħdmu kuntenti u l-persunal tagħna għandu jkunu kburi b'ħidmietu fil-Kumitat.

Għaliex għażilt il-Kumitat tar-Reġjuni?

Kienet l-idea li nibnu l-UE mil-livell lokali 'l fuq li ħajritni. Jekk dan jidher teoretiku, nista' nassigurak li mhuwiex il-każ. Għall-kuntrarju, hija ħaġa prattika ħafna.

L-akbar suċċess tal-Ewropa huwa li ma kellna l-ebda gwerra fl-UE mill-1945 'l hawn. Minflok, dak li qed isir huwa li niddiskutu madwar l-istess mejda u nfittxu soluzzjonijiet komuni.

Madankollu, illum dan m'għadux biżżejjed. Iċ-ċittadini tagħna jistennew li l-UE tiġġestixxi l-bidla b'mod li żżomm is-sistemi ekonomiċi u soċjali b'saħħithom, u tiddefendi dak li xi wħud isejħu “l-istil ta' ħajja Ewropew".

Dan huwa possibbli biss billi nkomplu nħarsu lejn l-UE kemm minn perspettiva nazzjonali kif ukoll minn dik lokali, permezz ta' djalogu kontinwu bejn iċ-ċittadini, il-muniċipalitajiet, ir-reġjuni u l-livell tal-UE. Ir-rappreżentanti lokali u reġjonali jinsabu fl-aħjar pożizzjoni għal dan. Jien stess kont politiku żagħżugħ, peress li kont elett bħala kunsillier fi Brno fl-età bejn l-għoxrin u t-tletin sena. Jiena rajt direttament il-bidliet iseħħu f'pajjiżi f'dak iż-żmien.

Kif qal il-President tagħna f'Bucharest is-sena li għaddiet, l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma l-futur tal-Ewropa. Huma għandhom l-esperjenza, il-motivazzjoni u l-għarfien biex jiżguraw li l-Ewropa tindirizza l-isfidi ta' dan is-seklu – it-tibdil fil-klima, l-inugwaljanzi soċjali u reġjonali, l-iżbilanċ bejn is-sessi u ħafna oħrajn. Għandhom ukoll il-fiduċja taċ-ċittadini tagħna, għaliex qed jaħdmu ta' kuljum fil-komunitajiet tagħhom. Il-KtR għandu potenzjal enormi li jagħmel il-ġid għaċ-ċittadini tagħna, u għall-Ewropa. Ejja nemmnu f'din l-opportunità u nagħmluha realtà!

X'inhu dak li jimmotivak?

Aktar minn miljun politiku jiġu eletti fil-livell reġjonali u lokali fl-Ewropa – żgħażagħ, anzjani, nisa, irġiel, persuni b'affiljazzjonijiet politiċi, ispirazzjoni u valuri diversi. Dak li jinkoraġġini ta' kuljum huwa li niżguraw li dawk il-politiċi lokali u reġjonali jingħaqdu flimkien, jiddeċiedu dwar prijoritajiet politiċi komuni u jiżguraw li jiġu applikati. Kont żagħżugħ politiku elett waqt ir-Rivoluzzjoni tal-Bellus – il-KtR huwa ċ-ċans tiegħi biex naħdem flimkien mal-politiċi lokali u reġjonali tal-lum.

L-appoġġ lill-membri tagħna huwa kompitu diffiċli?

Iva – ħafna. Huwa twil, ikkumplikat, jeħtieġ li jsir f'24 lingwa. Iżda kif għidt, l-ibbilanċjar tal-interessi fl-UE kollha ma' dawk tar-reġjuni u l-awtoritajiet lokali huwa prijorità għall-kontinent tagħna. Il-ħolma tiegħi hija li, għall-politiċi lokali u reġjonali, is-sħubija mal-KtR tkun midalja ta' unur u sinjal ta' ambizzjoni u impenn favur Ewropa aħjar.

Vaclav Havel, l-ewwel President Ċek, kittieb, politiku u Ewropew kbir, qal: “Dawk li jgħidu li l-individwi ma jistgħu jbiddlu xejn qed ifittxu biss l-iskużi". Nispera li dan il-prinċipju jkun ta' ispirazzzjoni daqskemm hu għalija.

Grazzi.

Ikkondividi :