Guillaume Cros ipparteċipa fil-preżentazzjoni tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej “End the Cage Age” (Intemmu l-Era tal-Gaġeġ) fil-Parlament Ewropew
Ir-relatur tal-Opinjonijiet tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar ir-riforma tal-Politika Agrikola Komuni u dwar l-agroekoloġija, Guillaume Cros , ħa sehem f’seduta pubblika fil-Parlament Ewropew biex tiġi diskussa l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej “End the Cage Age”, fejn huwa tenna l-pożizzjoni tal-KtR kontra l-prattika tat-trobbija tal-għasafar u l-annimali fil-gaġeġ, skont l-Opinjoni tal-KtR 'Ir-riforma tal-PAK' adottata fl-2018.
L-inizjattiva " End the Cage Age " ġiet ippreżentata l-Ħamis, 15 ta’ April fil-Parlament Ewropew minn grupp ta’ organizzazzjonijiet għat-trattament xieraq tal-annimali. Fl-2019 l-inizjattiva laħqet il-limitu minimu ta’ miljun firma meħtieġa biex l-inizjattiva tiġi ppreżentata lill-Parlament Ewropew u biex il-Kummissjoni Ewropea tiġi obbligata tiddiskuti azzjoni dwar il-kwistjoni.
Guillaume Cros (FR/Ħodor), Viċi President tar-reġjun ta’ Occitania u relatur tal-Opinjonijiet tal-KtR dwar “Riforma tal-PAK” u dwar 'Agroekoloġija' (adottata mill-KtR f’Marzu 2021) iddikjara li: "Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni ħa pożizzjoni favur li tintemm il-prattika tat-trobbija tal-annimali fil-gaġeġ fl-Ewropa kollha . Ma jistgħux jibqgħu jiġu injorati l-esternalitajiet negattivi tal-produzzjoni industrijalizzata tal-annimali fuq l-ambjent, il-klima u s-saħħa. Hemm alternattivi u l-PAK il-ġdida trid tippromovihom”.
Matul l-intervent tiegħu, Guillaume Cros wera l-appoġġ tiegħu għall-inizjattiva taċ-ċittadini u żgura li “ il-projbizzjoni fuq it-trobbija fil-gaġeġ se tgħin biex titnaqqas il-konċentrazzjoni tal-produzzjoni tal-annimali f’ċerti reġjuni u biex tinżamm u tiġi żviluppata trobbija estensiva u ta’ daqs umanitarju f’żoni oħra ”. Huwa ppropona wkoll li t-tikkettar tal-metodu tat-trobbija jkun “ ċar u obbligatorju, li jkopri ċ-ċiklu tal-annimal, inkluż it-trasport, sabiex il-produtturi jkunu jistgħu jirrikonoxxu t-titjib fil-prattiki tagħhom u l-konsumaturi jagħżlu prodotti li jikkonformaw mar-rekwiżiti tagħhom ”.
F’Diċembru 2018, il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni impenja ruħu li “nimxu lejn modi ta’ produzzjoni aktar estensivi li jevitaw l-użu ta’ gaġeġ” sal-2027 “sabiex iwieġbu għall-benesseri tal-annimali iżda wkoll għat-tħassib dwar is-saħħa pubblika”, fl-Opinjoni dwar “Ir-riforma tal-Politika Agrikola Komuni”.
Guillaume Cros diġà wera l-appoġġ tiegħu lill-organizzaturi tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej “End the Cage Age” fl-2019, meta laħqu miljun firma.
Il-prattika tat-trobbija tal-annimali u tal-għasafar fil-gaġeġ tintuża ħafna fl-Ewropa. Kull sena aktar minn 300 miljun annimal tar-razzett jinżammu f’gaġeġ madwar l-Unjoni Ewropea. Skont l-organizzazzjoni 'Compassion in World Farming' , 94% tan-nies fl-Ewropa jemmnu li l-protezzjoni tal-benessri tal-annimali tal-irziezet hija importanti, u 82% jemmnu li l-annimali tal-irziezet għandhom jiġu protetti aħjar.
Persuna ta’ kuntatt:
Berta López Domènech
Tel. +32 (0) 2 282 2170
Berta.LopezDomenech@cor.europa.eu